Faraġ fi Żmien taʼ Kriżi
L-AĦBARIJIET illum ma tantx tistaʼ tgħid li huma taʼ faraġ. Wieħed raġel kiteb: “Il-ġrajjiet kurrenti tant huma taʼ dwejjaq li taʼ spiss ma nkunux nafu jekk għandniex il-kuraġġ naraw l-aħbarijiet tas-sitta.” Id-dinja miżgħuda bi gwerer, atti taʼ terrur, sofferenzi, kriminalità, u mard—affarijiet taʼ ħsara li jistgħu ma jdumux ma jeffettwawna direttament jekk mhux diġà qegħdin fuqna.
Il-Bibbja bassret b’eżattezza din is-sitwazzjoni. Meta ddeskriva ż-żmien tagħna, Ġesù qal li kellu jkun hemm gwerer kbar, mard li jittieħed, ġuħ, u terremoti. (Luqa 21:10, 11) Bl-istess mod, l-appostlu Pawlu kiteb dwar “żmien iebes,” meta n-nies kellhom ikunu kiefra, iħobbu l-flus, u mingħajr imħabba għat-tjieba. Dan il-perijodu sejjaħlu “l-aħħar tad-dinja.”—2 Timotju 3:1-5.
B’hekk, meta l-aħbarijiet jiddeskrivu l-kundizzjonijiet tad-dinja, huma xi ftit jew wisq simili għal dak li bassret il-Bibbja. Imma f’hekk biss jixxiebhu. Il-Bibbja tagħti fehma li l-aħbarijiet ma jagħtux. Permezz tal-Kelma ispirata t’Alla, nistgħu nifhmu mhux biss għala hawn daqstant ħażen imma wkoll x’se jġib il-futur.
Kif Alla Jħares Lejn il-Ħażen
Il-Bibbja tispjega kif Alla jħares lejn il-kundizzjonijiet taʼ niket fi żmienna. Għalkemm hu ra bil-quddiem l-inkwiet tal-preżent, hu la japprovah u lanqas bi ħsiebu jittollerah għal dejjem. “Alla hu mħabba,” kiteb l-appostlu Ġwanni. (1 Ġwann 4:8) Jehovah iħoss ħafna għan-nies u jistmerr kull xorta taʼ ħażen. Bix-xieraq, nistgħu nduru lejn Alla għall-faraġ, ladarba hu twajjeb u jagħder. Hu għandu s-setgħa u r-rieda biex jeqred il-ħażen minn fuq l-art. Is-salmista kiteb: “[Is-Sultan tas-sema maħtur minn Alla] jeħles lill-fqir li jsejjaħlu, u lill-imsejken li m’għandux min jgħinu. Iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar; il-ħajja tal-fqajrin isalva. Jeħlishom mill-qerq u mill-moħqrija; demmhom għażiż quddiem għajnejh.”—Salm 72:12-14.
Titħassarhom int lil dawk li jsofru? X’aktarx li iva. Jehovah żejjinna bil-kwalità li nħossu għal xulxin, għax aħna konna maħluqin fix-xbieha tiegħu. (Ġenesi 1:26, 27) Għalhekk, nistgħu nkunu fiduċjużi li Jehovah ukoll iħoss għas-sofferenzi tal-bnedmin. Ġesù, li kien jaf lil Jehovah b’mod iktar intimu minn kwalunkwe persuna oħra, għallem li Jehovah huwa interessat ħafna fina u mimli mogħdrija u tenerezza.—Mattew 10:29, 31.
Il-ħolqien innifsu jagħti xiehda li Alla jimpurtah mill-bnedmin. Ġesù qal li Alla “jtallaʼ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min m’huwiex.” (Mattew 5:45) Lin-nies tal-belt taʼ Listra, l-appostlu Pawlu qalilhom: “[Alla] ma naqasx li jagħti xhieda fuqu nnifsu bil-ġid li jagħmlilkom, meta jagħtikom, ix-xita mis-sema u l-frott fi żmienu, u hekk ixebbagħkom bl-ikel u jimlielkom qalbkom bl-hena.”—Atti 14:17.
Min Hu Responsabbli għall-Ħażen?
Taʼ min jinnota li Pawlu qal ukoll lin-nies taʼ Listra: “Fl-imgħoddi [Alla] ħalla l-ġnus kollha jimxu fi triqathom.” B’hekk, il-ġnus—jew in-nies stess—huma l-iktar responsabbli għall-biċċa l-kbira mis-sitwazzjonijiet tal-biki li jsibu ruħhom fihom. Il-ħtija m’hijiex t’Alla.—Atti 14:16.
Għala Jehovah jippermetti li jseħħu affarijiet ħżiena? Qatt se jagħmel xi ħaġa dwar dan? It-tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet tinstab biss fil-Kelma t’Alla. Dan għaliex it-tweġiba tinvolvi lil individwu spirtu ieħor u kwistjoni li tqajmet minnu fil-qasam inviżibbli taʼ l-ispirti.
[Stampi f’paġna 4]
Il-bnedmin iħossu għal xulxin. Sejjer Alla jkun inqas sensittiv għas-sofferenzi tal-bniedem?
[Sorsi tal-Istampa f’paġna 2]
Stampa tax-xellug, fuq, Kroazja: UN PHOTO 159208/S. Whitehouse
[Sors tal-Istampa f’paġna 3]
tifel bil-ġuħ: UN PHOTO 146150 BY O. MONSEN