Bijografija
Xiħa u Mimlija bl-Għomor
KIF RAKKONTATA MINN MURIEL SMITH
Ftit wara li dħalt id-dar għall-ikel, smajt taħbita qawwija mal-bieb taʼ barra. Kont għadni kif qattajt in-nofs taʼ nhar taʼ fil-għodu fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Kif kienet id-drawwa tiegħi, kont qed nagħmel il-misħun għal belgħa te u kont bi ħsiebni nieqaf għal nofs siegħa u nserraħ ftit saqajja. Min kien wara l-bieb ma kienx jidher li se jitlaq mill-mod kif kien qed iħabbat, u x’ħin qrobt lejn il-bieb taʼ barra bdejt naħseb min setaʼ kien f’dan il-ħin. Malajr skoprejt min kien. Quddiemi sibt żewġt irġiel li introduċew ruħhom bħala uffiċjali tal-pulizija. Qalu li kienu ġew biex ifittxuli fid-dar għal letteratura pubblikata mix-Xhieda taʼ Jehovah—organizzazzjoni projbita.
Ix-Xhieda taʼ Jehovah għala kienu projbiti fl-Awstralja, u jien kif sirt waħda minnhom? Kollox beda minn rigal li tatni ommi fis-sena 1910, meta kelli għaxar snin.
IL-FAMILJA tiegħi kienet tgħix f’dar żgħira taʼ l-injam fis-subborg taʼ Crows Nest, fit-Tramuntana taʼ Sydney. Darba minnhom wasalt id-dar mill-iskola u sibt lil ommi fil-bieb titkellem maʼ wieħed raġel. Kont kurjuża min setaʼ kien dan l-istranġier liebes qalziet u ġlekk u b’basket mimli kotba. Taʼ bniedma mistħija li kont skużajt ruħi u dħalt ġewwa. Madankollu, wara ftit minuti ommi għajtitli. Qaltli: “Dan ir-raġel għandu xi kotba sbieħ, u huma kollha dwar l-Iskrittura. Issa, peress li dalwaqt se tagħlaq żmienek, jekk trid tistaʼ tagħżel jew libsa ġdida jew dawn il-kotba. Liema tixtieq?”
“O, mamà, nagħżel il-kotba. Grazzi,” weġibtha.
Kien għalhekk li fl-età t’għaxar snin, kelli l-ewwel tliet volumi taʼ Studies in the Scriptures, minn Charles Taze Russell. Ir-raġel tal-kotba spjega lil ommi li kien se jkollha tgħinni nifhimhom, għax x’aktarx li kienu se jkunu wisq tqal għalija. Ommi qaltlu li kienet se tieħu pjaċir tgħinni nifhimhom. B’sogħba, ftit wara din il-ġrajja ommi mietet. Missieri ħadem iebes u ħa ħsiebi u ħsieb ħija u oħti l-oħra, imma jien issa kelli responsabbiltajiet oħra x’inġorr, u dawn ħassejthom kbar wisq għalija. Madankollu, dalwaqt kienet se sseħħ traġedja oħra.
Fl-1914 faqqgħet l-ewwel gwerra dinjija, u sena biss wara l-għażiż missierna nqatel. Issa konna sirna orfni, u għalhekk ħija u oħti ntbagħtu jgħixu maʼ xi qraba, u lili bagħtuni ngħix ġo skola Kattolika. Kultant, kont inħossni mdejqa ferm minħabba s-solitudni. Madankollu, jiena nħossni grata taʼ l-opportunità li tawni li nkompli nitgħallem il-mużika li tant kont inħobb, speċjalment il-pjanu. Għaddew is-snin, u ggradwajt minn din l-iskola. Fl-1919, iżżewwiġt lil Roy Smith, bejjiegħ taʼ l-istrumenti mużikali. Fl-1920 kellna l-ewwel tarbija, u għal darb’oħra sibt ruħi medhija fix-xogħol u l-ħsibijiet taʼ kuljum. Imma x’kien sar minnhom dawk il-kotba?
Ġâra Taqsam Magħna l-Verità Spiritwali
Dawk il-“kotba tal-Bibbja” bqajt inġorrhom miegħi matul dawk is-snin kollha. Għalkemm qatt ma kont qrajthom sew, fil-fond taʼ qalbi kont naf li l-messaġġ li kien fihom kien importanti. Imbagħad, darba waħda lejn l-aħħar tas-snin 20, ġiet iżżurni Lil Bimson, waħda mill-ġirien tagħna. Morna fis-salott, u poġġejna bil-qiegħda biex nieħdu ftit te.
F’daqqa waħda qabżet fuqi u qaltli: “Ara, int għandek dawk il-kotba!”
“X’kotba huma?” staqsejtha mifxula.
Hi ppontat lejn il-kotba Studies in the Scriptures li kienu fuq l-ixkaffa. Hi ssellfithom u dak in-nhar ħadithom id-dar magħha u qrathom bil-ħeġġa. Malajr deher l-eċċitament li kellha x’ħin qrat dawk il-kotba. Lil kisbet iktar letteratura mingħand l-Istudenti tal-Bibbja, kif kienu magħrufin dak iż-żmien ix-Xhieda taʼ Jehovah. Barra minn hekk, ma setgħetx iżżomm milli tgħidilna bl-affarijiet kollha li kienet qiegħda titgħallem. Wieħed mill-kotba li kisbet kien The Harp of God, u dan ma damx ma spiċċa fid-dar tagħna. Il-karriera tiegħi fis-servizz taʼ Jehovah fl-aħħar bdiet meta sibt il-ħin biex naqra dan il-ktieb ibbażat mill-Bibbja. Fl-aħħar, sibt it-tweġibiet għall-mistoqsijiet fundamentali li l-knisja tiegħi ma kinitx kapaċi twiġibli.
B’xorti tajba, Roy ta kas mill-qrib tal-messaġġ mill-Bibbja, u t-tnejn li aħna sirna studenti ħerqana tal-Bibbja. Qabel, Roy kien membru tal-Mażuni. Issa l-familja tagħna kienet magħquda fil-qima vera, u darbtejn fil-ġimgħa wieħed mill-aħwa kien jikkonduċi studju tal-Bibbja mal-familja kollha. Ksibna iktar inkuraġġiment meta bdejna nattendu l-laqgħat li kienu jagħmlu l-Istudenti tal-Bibbja. Dawn kienu jinżammu f’Sydney, f’sala żgħira mikrija fis-subborg taʼ Newtown. Dak iż-żmien kien hemm ftit inqas minn 400 Xhud fil-pajjiż kollu, u għaldaqstant ħafna mill-aħwa kellhom jivvjaġġaw distanzi twal biex jattendu l-laqgħat.
Fil-każ tal-familja tagħna, biex nattendu l-laqgħat kellna naqsmu l-Port taʼ Sydney kull darba. Qabel ma nbena l-Pont fil-Port taʼ Sydney fl-1932, il-vjaġġ minn naħa s’oħra kien isir permezz taʼ vapur li jgħabbi n-nies u l-karozzi. Minkejja l-ħin u l-ispejjeż involuti f’dan il-vjaġġ, aħna konna nistinkaw biex ma nitilfu l-ebda ikla spiritwali li kien qiegħed jipprovdi Jehovah. L-isforz li għamilna biex nissodaw fil-verità sewa taʼ ġid, peress li t-tieni gwerra dinjija kienet qed tiżviluppa minn taħt, u l-kwistjoni tan-newtralità kienet se tolqot lill-familja tagħna b’mod dirett.
Żmien taʼ Provi u Barkiet
Il-bidu tas-snin tletin kien żmien eċċitanti għalija u l-familja tiegħi. Jien tgħammidt fl-1930, u fl-1931, kont preżenti għal dik il-konvenzjoni memorabbli meta qomna lkoll bil-wieqfa u qbilna li nadottaw l-isem mill-isbaħ Xhieda taʼ Jehovah. Jien u Roy ipprovajna ngħixu fi qbil maʼ dak l-isem billi nieħdu sehem fil-metodi taʼ l-ippridkar u fil-kampanji kollha li kienet tinkuraġġixxi l-organizzazzjoni. Per eżempju, fl-1932 ħadna sehem f’kampanja speċjali fejn tqassam fuljett lill-folol taʼ nies li ġew jaraw l-inawgurazzjoni tal-Pont fil-Port taʼ Sydney. Xi ħaġa speċjali għalina kienet l-użu tal-karozzi bis-sawnd, u aħna kellna l-privileġġ li nwaħħlu sistema tas-sawnd fuq il-karozza tagħna. B’din it-teknoloġija, imlejna t-toroq taʼ Sydney bil-ħoss tat-taħditiet Bibliċi rekordjati mogħtija minn Ħuna Rutherford.
Madankollu, iż-żmien kien qed jerġaʼ jinbidel u l-affarijiet saru iktar diffiċli. Sa l-1932 id-Dipressjoni l-Kbira kienet ħalliet effett kbir fuq l-Awstralja, u għalhekk jien u Roy iddeċidejna li nissimplifikaw ħajjitna. Mod wieħed kif għamilna dan kien billi morna noqogħdu iktar qrib tal-kongregazzjoni, u dan naqqsilna ħafna l-ispejjeż taʼ l-ivvjaġġar. Madankollu, il-pressjonijiet ekonomiċi ma kienu xejn ħdejn it-terrur li ħakem lid-dinja bit-Tieni Gwerra Dinjija.
Billi obdew il-kmand taʼ Ġesù li ma jkunu ebda parti mid-dinja, ix-Xhieda taʼ Jehovah madwar id-dinja saru l-mira taʼ ħafna persekuzzjoni, u l-Awstralja ma tħallietx barra. Xi nies li ġew provokati mill-ġenn tal-gwerra ttimbrawna Komunisti. Dawn l-għedewwa bdew isostnu b’mod falz li x-Xhieda taʼ Jehovah kienu qed jużaw l-erbaʼ stazzjonijiet tar-radju li kellhom fl-Awstralja biex jibagħtu messaġġi lill-armata Ġappuniża.
L-aħwa ġuvintur li ssejħu bil-lieva ffaċċjaw ħafna pressjoni biex jagħmlu kompromess. Bi pjaċir nistaʼ ngħid li t-tliet subien tagħna lkoll ħadu waqfa għat-twemmin tagħhom u żammew in-newtralità. It-tifel il-kbir, Richard, irċieva sentenza taʼ 18-il xahar ħabs. It-tieni wieħed, Kevin, irnexxielu jirreġistra bħala wieħed li joġġezzjona minħabba l-kuxjenza. B’sogħba, iżda, it-tifel iż-żgħir, Stuart, miet f’inċident tat-traffiku waqt li kien fi triqtu biex ikompli d-difiża tiegħu fil-qorti rigward il-kwistjoni tan-newtralità. Din it-traġedja laqtitna bl-ikrah ħafna. Madankollu, żammejna moħħna fuq is-Saltna u fuq il-wegħda li Jehovah tana taʼ l-irxoxt u dan għenna biex nissaportu.
L-Iktar Ħaġa Importanti Ma Sabuhiex
F’Jannar taʼ l-1941, ix-Xhieda taʼ Jehovah fl-Awstralja ġew projbiti. Imma, l-istess bħalma għamlu l-appostli taʼ Ġesù, jien u Roy obdejna lil Alla bħala mexxej iktar milli lill-bnedmin, u għal sentejn u nofs sħaħ komplejna naħdmu bil-moħbi. Kien matul dan iż-żmien li kienu ġew iħabbtuli l-bieb dawk iż-żewġ pulizija pajżana li semmejt fil-bidu. X’ġara?
Sewwa, jien stidinthom jidħlu ġewwa. X’ħin daħlu, staqsejthom, “Jimporta jekk nixrob il-kikkra te li għandi, qabel ma tfittxu d-dar?” Ħaġa taʼ l-għaġeb aċċettaw, u mort fil-kċina biex nitlob lil Jehovah u naħseb ftit bil-kalma. X’ħin irritornajt, wieħed mill-pulizija mar fil-kamra fejn konna nistudjaw u ħa dak kollu li setaʼ jara bis-simbolu tat-Torri taʼ l-Għassa fuqu, inkluż il-letteratura li kelli fil-basket tas-servizz tiegħi u l-Bibbja.
“Ċerta li m’għandkomx xi letteratura oħra moħbija xi mkien fil-kaxxi tal-kartun?” staqsieni mbagħad. “Waslilna tagħrif li intom tattendu laqgħa kull ġimgħa f’sala fit-tarf taʼ din it-triq u li tieħdu ħafna letteratura hemmhekk.”
“Veru,” weġibtu, “imma bħalissa mhix hemm.”
“Iva, dan nafuh, Sinjura Smith,” qal hu. “Nafu wkoll li l-letteratura tinżamm fid-djar tan-nies madwar id-distrett.”
Fil-kamra tas-sodda tat-tifel, huma sabu ħames kaxxi tal-kartun li kien fihom kopji tal-fuljett Freedom or Romanism.
“Ċerta li m’għandkomx xi ħaġa oħra fil-garaxx?” staqsieni.
“Le, m’hemm xejn hemmhekk,” għedtlu.
Imbagħad mar jiftaħ bieba fl-armarju li kellna fil-kamra taʼ l-ikel. Hemmhekk sab formoli vojta, li kienu jintużaw biex nimlew ir-rapport tal-kongregazzjoni. Ħa dawn u mbagħad insista li jittawwal fil-garaxx.
“Mela għaddi minn hawn,” għedtlu.
Ġew warajja fil-garaxx u wara li fittxew fih, fl-aħħar telqu.
Sewwa, dawk il-pulizija ħasbu li għamlu sejba sabiħa b’dawk il-ħames kaxxi! Madankollu, huma ħallew l-iktar ħaġa importanti warajhom. Biex infehemkom, dakinhar jien kont qed naqdi bħala s-segretarja tal-kongregazzjoni, u fid-dar kelli l-listi tal-pubblikaturi fil-kongregazzjoni u tagħrif importanti ieħor. Fortunatament, l-aħwa kienu wissewna biex inkunu lesti għal tfittxijiet bħal dawn, u ħbejt dawn id-dokumenti f’post tajjeb ħafna. Poġġejthom f’envelopsijiet fil-qiegħ tal-vażetti tat-te, taz-zokkor, u tad-dqiq. Erfajt ukoll xi affarijiet oħra fil-guva, li kienet qrib il-garaxx. Għaldaqstant, il-pulizija kienu għaddew eżatt minn quddiem l-informazzjoni li kienu qed ifittxu.
Nidħlu fis-Servizz Full-Time
Sa l-1947, it-tfal il-kbar tagħna kienu żżewġu u telqu mid-dar. F’dik il-ħabta, jien u Roy iddeċidejna li stajna nidħlu fil-ministeru full-time. Kien hemm bżonn kbir fin-Nofsinhar taʼ l-Awstralja, u għalhekk begħna d-dar u xtrajna karavan, li semmejnieh Mispa, li tfisser “Torri taʼ l-Għassa.” Dan l-istil taʼ ħajja ppermettielna li nippridkaw fi nħawi mwarrba. Taʼ spiss konna naħdmu f’territorju rurali li ma kien jappartjeni lil ebda kongregazzjoni. Għandi ħafna memorji sbieħ taʼ dak iż-żmien. Wieħed mill-istudji li kelli kien maʼ mara żagħżugħa jisimha Beverly. Qabel ma laħqet waslet għall-magħmudija, hi marret toqgħod f’post ieħor. Tistgħu timmaġinaw il-ferħ tiegħi meta snin wara ġiet fuqi waħda oħt waqt konvenzjoni u qaltli li kienet Beverly! X’ferħ ħassejt wara dawk is-snin kollha li naraha taqdi lil Jehovah flimkien maʼ żewġha u wliedha.
Fl-1979, kelli l-privileġġ li nattendi l-Iskola tas-Servizz taʼ Pijunier. Waħda mill-affarijiet li ġew enfasizzati fl-iskola kienet li biex wieħed jibqaʼ għaddej fil-ministeru bħala pijunier, dan irid ikollu skeda tajba taʼ studju persunali. Nistaʼ ngħid fiċ-ċert li dan huwa minnu. Ħajti kollha kienet iddur maʼ l-istudju, il-laqgħat u l-ministeru. Inħossni onorata li stajt naqdi bħala pijuniera regulari għal iktar minn 50 sena.
Inkampa maʼ Problemi taʼ Saħħa
Madankollu, matul dawn l-aħħar għaxriet taʼ snin kelli niffaċċja sfidi speċjali. Fl-1962, sirt naf li għandi l-glaucoma. Dakinhar il-kura li kien hawn kienet kemxejn limitata, u l-vista tiegħi marret lura f’kemm ili ngħid. Anki saħħet Roy bdiet tbatti, u fl-1983 tatu puplesija qawwija ħafna u spiċċa b’parti minn ġismu paralizzata u mingħajr ma jistaʼ jitkellem. Hu miet fl-1986. Kien tani ħafna appoġġ siewi matul is-servizz tiegħi full-time, u l-veru nħossu n-nuqqas tiegħu.
Minkejja dawn l-ostakli, ipprovajt inżomm rutina spiritwali tajba. Xtrajt karozza tajba għat-triq, speċjalment għas-servizz fit-territorju tagħna li hu kemxejn imwarrab, u komplejt naqdi bħala pijuniera bl-għajnuna taʼ binti Joyce. Il-vista tiegħi baqgħet sejra għall-agħar sakemm fl-aħħar ma bqajtx nara minn għajn waħda, u t-tobba kellhom jagħmluli waħda tal-ħġieġ. Xorta waħda, permezz taʼ lenti li tkabbar u l-letteratura bil-kitba kbira, kien jirnexxili nqattaʼ minn tlieta sa ħames sigħat kuljum nistudja bin-naqra dawl li kien baqagħli fl-għajn l-oħra.
Il-ħin taʼ l-istudju minn dejjem kien għażiż ħafna għalija. Allura tistaʼ timmaġina x-xokk qawwi li ħadt meta darba waħda kont qed nistudja wara nofsinhar, u f’ħin minnhom ma bdejt nara xejn. Kien bħal donnu xi ħadd tefa d-dawl. Kont tlift il-vista għalkollox. Kif irnexxieli nkompli nistudja? Għalkemm issa kważi tlift is-smigħ ukoll, sirt niddependi mill-awdjokasetts u l-appoġġ li tagħtini l-familja tiegħi bl-imħabba biex iżommuni b’saħħti spiritwalment.
Nissaporti sa l-Aħħar
Issa li qbiżt il-mitt sena, saħħti marret lura b’diversi modi oħra, u kelli nnaqqas il-pass mhux ħażin. Kultant inħossni ftit mitlufa. Fil-fatt, issa li ma nistaʼ nara xejn, kultant veru nintilef! Kemm nixtieq li jerġaʼ jkolli xi studji tal-Bibbja, imma kif inhi saħħti bħalissa ma nistax noħroġ mid-dar u mmur insibhom. Għall-ewwel dan kien jimlieni bid-dwejjaq. Kelli nitgħallem naċċetta l-limitazzjonijiet tiegħi u nikkuntenta b’dak li nistaʼ nagħmel. Dan ma kienx faċli. Madankollu, għandi l-privileġġ li kull xahar nistaʼ nirrapporta ftit ħin li nkun qattajt nitkellem dwar Alla l-kbir tagħna, Jehovah. Meta jiġi ċ-ċans li nitkellem dwar il-Bibbja, bħal meta jżuruni l-infermiera, ħaddiema, jew nies oħra, naħtaf l-opportunità—bla dubju bit-tattika.
Waħda mill-iktar barkiet sodisfaċenti hija meta nara erbaʼ ġenerazzjonijiet mill-familja tiegħi jqimu lealment lil Jehovah. Xi wħud minnhom qed jaqdu bħala ministri pijunieri fejn il-bżonn huwa kbir, bħala anzjani jew qaddejja ministerjali, u anki f’Betel. M’għandniex xi ngħidu, bħal ħafna wħud taʼ mpari, kont naħseb li t-tmiem taʼ din is-sistema kien se jiġi bil-wisq iktar kmieni. Imma xi żjieda rajt matul dawn is-sebgħin sena taʼ servizz! Inħoss sodisfazzjon kbir li kont involuta f’xi ħaġa daqshekk grandjuża.
L-infermiera li jiġu jżuruni jgħiduli li hija l-fidi tiegħi li qed iżżommni ħajja. Jien naqbel magħhom. Meta tkun attiv fis-servizz taʼ Jehovah ikollok l-aqwa ħajja possibbli. Bħas-Sultan David, nistaʼ tassew ngħid li jien xiħa u mimlija bl-għomor.—1 Kronaki 29:28.
(Oħtna Muriel Smith mietet nhar l-1 t’April, 2002, hekk kif dan l-artiklu kien qed jiġi finalizzat. Kien fadlilha biss xahar biex tagħlaq 102, u tassew kienet eżempju tajjeb bħala waħda leali u li żammet sa l-aħħar.)
[Stampi f’paġna 24]
Meta kelli madwar ħames snin u taʼ 19-il sena meta ltqajt mar-raġel tiegħi, Roy
[Stampa f’paġna 26]
Il-karozza tagħna u l-karavan li semmejnieh Mispa
[Stampa f’paġna 27]
Mar-raġel tiegħi Roy, fl-1971