LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 5/1 pp. 25-29
  • Indaħħlu l-Imħabba għal Jehovah fil-Fond taʼ Qalb Uliedna

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Indaħħlu l-Imħabba għal Jehovah fil-Fond taʼ Qalb Uliedna
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Irrabbu t-​Tfal fil-​Mogħdijiet taʼ Jehovah
  • Ir-​Responsabbiltà Tagħna Lejn Jehovah
  • Nagħtu lit-​Tfal l-​Attenzjoni li Kellhom Bżonn
  • Nagħmlu Progress Bħala Familja
  • Nitgħallmu Nitfgħu t-​Tagħbija Tagħna fuq Jehovah
  • Privileġġi fl-​Organizzazzjoni taʼ Jehovah
  • Ibni Familja Soda Spiritwalment
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Ġenituri—Għinu lit-Tfal Tagħkom Iħobbu lil Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Familji Kbar Magħqudin fis-Servizz taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • It-Tfal Huma “Wirt Mingħand Ġeħova”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)——2026
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 5/1 pp. 25-29

Bijografija

Indaħħlu l-​Imħabba għal Jehovah fil-​Fond taʼ Qalb Uliedna

KIF RAKKONTATA MINN WERNER MATZEN

Xi ftit tas-​snin ilu ibni l-​kbir, Hans Werner, tani Bibbja. Hu kiteb fuq in-​naħa taʼ ġewwa tal-​qoxra: “Għażiż Missieri, Jalla l-​Kelma taʼ Jehovah tkompli tmexxina bħala familja fit-​triq tal-​ħajja. Nirringrazzjak, ibnek il-​kbir.” Il-​ġenituri jistgħu jifhmu kif dan il-​kliem imlieli qalbi bil-​gratitudni u bil-​ferħ. Dak iż-​żmien lanqas biss kelli idea dwar liema tip taʼ sfidi konna għadna rridu niffaċċjaw bħala familja.

TWELIDT fl-​1924 ġewwa Halstenbek, li tinsab xi 20 kilometru ’l bogħod mill-​port Ġermaniż taʼ Hamburg, fejn trabbejt minn ommi u nannuwi. Peress li qdejt bħala apprendist f’li nagħmel l-​għodda, fl-​1942 dħalt fil-​Wehrmacht, il-​forzi armati. Dak li għaddejt minnu matul it-​Tieni Gwerra Dinjija waqt li kont qed niġġieled fuq quddiem taʼ l-​armata Russa, hu terribbli wisq biex nitkellem dwaru. Imradt bid-​deni tat-​tifojde iżda wara li ngħatajt il-​kura erġajt intbgħatt fuq quddiem taʼ l-​armata. F’Jannar taʼ l-​1945, kont ġo Lodz, fil-​Polonja, fejn weġġajt gravi u ntbgħatt fi sptar militari. Meta spiċċat il-​gwerra kont għadni hemm. Fl-​isptar u iktar tard fil-​kamp tad-​detenzjoni ġewwa Neuengamme, kelli ċans nimmedita. Kont inkwetat b’dawn il-​mistoqsijiet, Jeżisti tassew Alla? Jekk inhu hekk, għala jippermetti daqshekk moħqrija?

Ftit wara li ġejt meħlus mill-​kamp tad-​detenzjoni, f’Settembru taʼ l-​1947, iżżewwiġt lil Karla. Trabbejna fl-​istess raħal, iżda filwaqt li Karla kienet Kattolika, ir-​reliġjon ma kellha l-​ebda parti fit-​trobbija tiegħi. Il-​qassis li żewwiġna ssuġġerielna li taʼ l-​inqas ngħidu t-​talba tal-​Missierna flimkien kull fil-​għaxija. Għamilna kif qal hu, mingħajr ma konna nafu għalxiex qed nitolbu verament.

Sena wara twieled Hans Werner. Madwar l-​istess żmien, Wilhem Ahrens, sieħbi fuq ix-​xogħol, laqqagħni max-​Xhieda taʼ Jehovah. Hu wrieni mill-​Bibbja li l-​gwerer xi darba għad jispiċċaw. (Salm 46:10 [46:​9, NW]) Fil-​ħarifa taʼ l-​1950 iddedikajt ħajti lil Jehovah u tgħammidt. Kemm ħassejtni ferħan meta sena wara tgħammdet ukoll l-​għażiża marti!

Irrabbu t-​Tfal fil-​Mogħdijiet taʼ Jehovah

Fil-​Bibbja qrajt li Jehovah hu l-​oriġinatur taż-​żwieġ. (Ġenesi 1:​26-28; 2:​22-24) Il-​fatt li kont preżenti għat-​twelid taʼ wliedna—Hans Werner, Karl-Heinz, Michael, Gabriele, u Thomas—għenni nieħu bis-​serjetà l-​impenn tiegħi li nkun raġel miżżewweġ u missier tajjeb. Jien u Karla tirna bil-​ferħ kulmeta twieled xi ħadd minn uliedna.

Il-konvenzjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah li saret fl-​1953 ġewwa Nuremberg kienet okkażjoni importanti ħafna għall-​familja tagħna. Il-​Ġimgħa wara nofsinhar, matul it-​taħdita “It-​Trobbija tat-​Tfal fis-​Soċjetà tad-​Dinja l-​Ġdida,” il-​kelliemi qal xi ħaġa li qatt ma nsejna: “L-​akbar wirt li nistgħu nagħtu lil uliedna huwa x-​xewqa li jkunu qaddejja t’Alla.” Bl-​għajnuna taʼ Jehovah, dan kien eżatt dak li ridna nagħmlu jien u Karla. Imma kif?

L-​ewwelnett, għamilnieha drawwa li nitolbu flimkien kuljum bħala familja. Dan effettwa lit-​tfal billi għenhom jifhmu l-​importanza tat-​talb. Kull wieħed mit-​tfal tgħallem miċ-​ċokon li aħna dejjem tlabna qabel l-​ikel. Anki meta kienu trabi, malli kienu jaraw il-​flixkun tagħhom, kienu jbaxxu dik ir-​ras żgħira u jorbtu l-​idejn ċkejknin tagħhom maʼ xulxin. Darba minnhom, konna mistidnin għat-​tieġ taʼ xi ħadd mill-​qraba min-​naħa tal-​mara, li ma kinux Xhieda. Wara ċ-​ċerimonja, il-​ġenituri taʼ l-​għarusa stiednu lill-​mistidnin imorru d-​dar biex jieklu xi ħaġa ħafifa. Li kien għalih, kulħadd ried jaqbad jiekol mill-​ewwel. Iżda Karl-Heinz, it-​tifel tagħna taʼ ħames snin, ma ħassx li dan kien xieraq. “Jekk jogħġobkom għidu talba l-​ewwel,” hu qal. Il-​mistidnin ħarsu lejh, imbagħad lejna, u fl-​aħħar lejn dak li stidinna. Biex ħadd ma jħossu imbarazzat, offrejt li ngħid talba taʼ radd il-​ħajr għall-​ikel, u dak li stidinna qabel li jħallini ngħidha.

Din il-​ġrajja fakkritni fil-​kliem taʼ Ġesù: “Minn fomm it-​tfal u t-​trabi tal-​ħalib int ħejjejt tifħir għalik.” (Mattew 21:16) Inħossuna ċerti li t-​talb regulari u minn qalbna għen lit-​tfal jaraw lil Jehovah bħala l-​Missier maħbub tagħhom li qiegħed fis-​sema.

Ir-​Responsabbiltà Tagħna Lejn Jehovah

Il-​fatt li tgħallem lit-​tfal iħobbu ’l Alla jirrikjedi wkoll qari u studju regulari tal-​Kelma tiegħu. B’dan f’moħħna, kellna studju tal-​familja kull ġimgħa, ħafna drabi nhar taʼ Tnejn fil-​għaxija. Peress li bejn il-​kbir u ż-​żgħir hemm disaʼ snin differenza, uliedna kellhom bżonnijiet differenti ferm, u għalhekk mhux dejjem stajna nkopru l-​istess materjal magħhom kollha.

Per eżempju, għat-​tfal li kienu għadhom ma jmorrux l-​iskola, żammejna t-​tagħlim kemm jistaʼ jkun bażiku. Karla kienet tiddiskuti magħhom vers wieħed biss mill-​Bibbja, jew inkella kienet tuża l-​istampi tal-​pubblikazzjonijiet ibbażati minn fuq il-​Bibbja. Għadni niftakar b’għożża meta t-​tfal kienu jqajmuna kmieni fil-​għodu billi jitilgħu fis-​sodda tagħna ħalli juruna l-​istampi favoriti tagħhom mill-​ktieb The New World.a

Karla żviluppat tattika kif tgħallem lit-​tfal bil-​paċenzja dwar ir-​raġunijiet kollha li għandna biex inħobbu lil Jehovah. Din tistaʼ tidher bħala xi ħaġa sempliċi u mhux komplikata, iżda, fil-​fatt, fiżikament u emozzjonalment kien qisu xogħol full-time kemm għal Karla kif ukoll għalija. Xorta waħda, ma qtajniex qalbna. Ridna nnaqqxu l-​verità fil-​qlub teneri tagħhom qabel ma jibdew jinfluwenzawhom nies oħra li ma kinux jafu lil Jehovah. Għal din ir-​raġuni insistejna li wliedna kollha jkunu preżenti għall-​istudju tal-​familja malli jkunu kapaċi joqogħdu bil-​qiegħda.

Bħala ġenituri, jien u Karla għarafna l-​importanza taʼ li nagħtu l-​eżempju tajjeb lil uliedna fejn tidħol il-​qima. U kemm jekk konna qed nieklu, naħdmu fil-​ġnien, jew sejrin għal xi mixja, ipprovajna nsaħħu r-​relazzjoni maʼ Jehovah taʼ kull wieħed mit-​tfal. (Dewteronomju 6:​6, 7) Ridna nkunu ċerti li t-​tfal kollha jkollhom il-​Bibbja tagħhom minn meta kienu żgħar ħafna. Barra minn hekk, malli nirċievu r-​rivisti, kont nikteb l-​isem taʼ kull membru tal-​familja fuq il-​kopja persunali tiegħu. B’hekk it-​tfal tgħallmu jagħrfu l-​letteratura tagħhom stess. Ġietna l-​idea li ninkarigaw lit-​tfal jaqraw ċerti artikli minn Stenbaħ! Wara l-​ikla taʼ nofsinhar tal-​Ħadd, kienu jispjegawlna x’fehmu mill-​materjal.

Nagħtu lit-​Tfal l-​Attenzjoni li Kellhom Bżonn

M’għandniex xi ngħidu, l-​affarijiet mhux dejjem imxew ħarir. Hekk kif it-​tfal bdew jikbru, skoprejna li biex indaħħlu l-​imħabba fil-​fond taʼ qalbhom ridna l-​ewwel inkunu nafu x’kien hemm diġà ġo qalbhom. Dan kien ifisser li ridna noqogħdu nisimgħuhom. Kien hemm drabi li wliedna riedu jilmentaw dwar xi ħaġa, u għalhekk jien u Karla konna noqogħdu bil-​qiegħda u niddiskutu l-​problema magħhom. Għalhekk, żidna nofs siegħa speċjali fl-​aħħar taʼ l-​istudju tal-​familja. Kulħadd setaʼ jitkellem bil-​miftuħ dwar dak li kien qed iħoss.

Per eżempju, Thomas u Gabriele, l-​iżgħar tnejn, ħassew li aħna bħala ġenituri konna qed nuru preferenza lejn ħuhom il-​kbir. F’sessjoni minnhom, fetħu qalbhom magħna u qalulna: “Pa, aħna naħsbu li int u l-​mamà dejjem tħallu lil Hans Werner jagħmel li jrid.” Għall-​ewwel, lanqas ridt nemmen dak li kont qed nismaʼ. Madankollu, wara li kkunsidrajna l-​affarijiet mingħajr ma nxaqilbu lejn ħadd, jien u Karla kellna nammettu li t-​tfal kellhom raġuni valida għal dak li qalu. Allura għamilna sforz akbar biex nittrattaw lit-​tfal kollha l-​istess.

Xi kultant, kont nikkastiga lit-​tfal malajr jew b’mod inġust. F’okkażjonijiet bħal dawn aħna bħala ġenituri kellna nitgħallmu niskużaw ruħna. Wara dan, konna nersqu lejn Jehovah bit-​talb. Kien importanti li t-​tfal jagħrfu li missierhom kien lest jgħid li jiddispjaċih lil Jehovah u mbagħad lilhom, it-​tfal. Minħabba f’hekk, kellna relazzjoni intima u taʼ ħbiberija magħhom. Spiss kienu jgħidulna, “Intom lakbar ħbieb li għandna.” Dan għamilna ferħanin ħafna.

Il-​fatt li naħdmu flimkien bħala familja jkabbar l-​għaqda taʼ bejnietna. Għal din ir-​raġuni, kulħadd kellu xogħlijiet x’jagħmel b’mod regulari. Hans Werner ġie inkarigat imur fil-​ħwienet darba fil-​ġimgħa biex jixtri l-​provvisti, u dan is-​soltu kien ifisser li flimkien maʼ lista t’affarijiet x’jixtri, konna nagħtuh xi ħaġa tal-​flus. Ġimgħa minnhom, la tajnieh lista u lanqas flus. Staqsa lil ommu dwar dan, u hi qaltlu li kien għad ma kellniex flus. Sewwa, it-​tfal bdew ifesfsu bejniethom, imbagħad kulħadd qabad il-​karus tiegħu u battlu fuq il-​mejda. “Ma, nistgħu mmorru nixtru issa stess!” esklamaw kollha f’daqqa. Verament, it-​tfal tgħallmu kif jgħinu f’każ taʼ emerġenza, u dan ġab lill-​familja f’rabta saħansitra iktar mill-​qrib.

Hekk kif bdew jikbru, is-​subien bdew juru interess fit-​tfajliet. Per eżempju, Thomas interessa ħafna ruħu f’seħbitu taʼ 16-il sena li kienet Xhud. Spjegajtlu li jekk ried lit-​tfajla bis-​serjetà, ried ikun lest li jiżżewwiġha u jieħu r-​responsabbiltà taʼ martu u wliedu. Thomas irrealizza li ma kienx lest għaż-​żwieġ, peress li kien għad għandu biss 18-il sena.

Nagħmlu Progress Bħala Familja

Minn meta kienu għadhom taʼ età tenera, wieħed wara l-​ieħor inkiteb fl-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku. Smajniehom b’attenzjoni kbira huma u jwettqu l-​inkarigi tagħhom, u ġejna inkuraġġiti ferm minħabba li rajna l-​imħabba mill-​qalb għal Alla li għandhom it-​tfal stess. L-​indokraturi tas-​circuit u tad-​distrett li kultant kienu joqogħdu magħna kienu jirrakkontawlna esperjenzi li għaddew minnhom huma stess jew jaqrawlna mill-​Bibbja. Dawn il-​koppji għenuna bħala familja biex nikkultivaw ġo qalbna l-​imħabba għas-​servizz full-time.

Konna nħarsu ’l quddiem għall-​konvenzjonijiet. Kienu fundamentali għall-​isforzi tagħna biex indaħħlu fil-​fond f’uliedna x-​xewqa li jkunu qaddejja t’Alla. Għat-​tfal, kien mument speċjali meta kienu jilbsu l-​beġġ qabel il-​vjaġġ lejn il-​post fejn kienet tkun se ssir il-​konvenzjoni. Konna mqanqlin bil-​ferħ meta Hans Werner tgħammed meta kellu għaxar snin. Ħafna kienu dawk li ħasbu li kien għadu żgħir wisq biex jiddedika lilu nnifsu lil Jehovah, iżda fl-​età taʼ ħamsin sena, hu qalli kemm kien grat li ilu jaqdi lil Jehovah għal 40 sena.

Urejna lil uliedna li r-​relazzjoni persunali maʼ Jehovah hija importanti, iżda qatt m’għamilnielhom pressjoni biex jiddedikaw ruħhom. Xorta waħda, konna grati meta l-​oħrajn ukoll għamlu progress u tgħammdu meta ħassewhom lesti.

Nitgħallmu Nitfgħu t-​Tagħbija Tagħna fuq Jehovah

Fl-​1971, tgħidx kemm fraħna meta Hans Werner iggradwa bħala membru mill-​klassi 51 taʼ l-​Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead) u ġie inkarigat biex jaqdi bħala missjunarju fi Spanja. Wieħed wara l-​ieħor, it-​tfal l-​oħra wkoll qdew għal xi żmien bħala ministri full-time, u dan ferraħna ferm lilna bħala ġenituri. Għal din il-​ħabta, Hans Werner tani l-​Bibbja li semmejt fil-​bidu taʼ l-​artiklu. Il-​ferħ tagħna bħala familja kien jidher li hu komplet.

Imbagħad skoprejna li kellna bżonn naqbdu qabda dejjem iktar mill-​qrib maʼ Jehovah. Għala? Għaliex rajna lil xi wħud minn uliedna li kienu kibru jiffaċċjaw problemi li kienu taʼ prova serja għall-​fidi tagħhom. Per eżempju, l-​għażiża bintna Gabriele ma ħelsithiex mit-​tbatija. Fl-​1976 iżżewġet lil Lothar. Ftit wara ż-​żwieġ hu marad. Hekk kif beda jmur dejjem għall-​agħar, Gabriele ħadet ħsiebu sakemm miet. Peress li rajna membru f’saħħtu tal-​familja jimrad u jmut ftakarna kemm għandna bżonn id-​driegħ kollu mħabba taʼ Jehovah.—Isaija 33:2.

Privileġġi fl-​Organizzazzjoni taʼ Jehovah

Meta fl-​1955 ġejt maħtur bħala l-​qaddej tal-​kongregazzjoni (li llum jissejjaħ l-​indokratur li jippresiedi), ħassejt li ma kontx lest għal din ir-​responsabbiltà. Kien hemm ħafna xi jsir, u l-​uniku mod kif stajt illaħħaq max-​xogħol kien li f’ċerti ġranet inqum fl-​erbgħa taʼ fil-​għodu. Il-​mara u t-​tfal appoġġawni bil-​kbir, billi qagħdu attenti li ma jfixklunix fil-​għaxija meta jkun fadalli xi affarijiet x’nieħu ħsieb.

Minkejja dan, bħala familja, konna nqattgħu kemm jistaʼ jkun ħin liberu flimkien. Kultant l-​imgħallem kien iħallini nuża l-​karozza tiegħu biex għal dakinhar inkun nistaʼ nieħu lill-​familja xi mkien. It-​tfal kienu jieħdu pjaċir meta xi drabi konna nistudjaw It-​Torri taʼ l-​Għassa fil-​foresta. Konna mmorru wkoll nimxu fil-​kampanja flimkien; kultant aħna u mexjin fil-​foresta konna nkantaw l-​għanjiet waqt li jien kont indoqq l-​orgni tal-​ħalq.

Fl-1978 ġejt maħtur bħala sostitut għall-​indokratur tas-​circuit (ministru li jivvjaġġa). Filwaqt li bqajt imbellah, tlabt: “Jehovah, ma nħossx li jien kapaċi għal dan l-​inkarigu. Iżda jekk tridni nipprova, allura se nagħmel ħilti kollha.” Sentejn wara, meta kelli 54 sena, wellejt id-​daqsxejn taʼ negozju li kelli lil ibni ż-​żgħir, Thomas.

Uliedna kollha kienu kibru, u dan lili u lil Karla tana l-​opportunità biex naħdmu iktar fis-​servizz taʼ Jehovah. F’dik l-​istess sena, ġejt maħtur bħala indokratur tas-​circuit u inkarigawni biex nieħu ħsieb Schleswig-Holstein kollu u sezzjoni minn Hamburg. Minħabba l-​esperjenza tagħna f’li rrabbu familja, stajna nifhmu b’mod partikulari lil xi ġenituri u lil uliedhom. Ħafna mill-​aħwa kienu jsejħulna l-​ġenituri tagħhom tas-​circuit.

Wara li kienet ilha għaxar snin takkumpanjani fix-​xogħol tas-​circuit, Karla kellha bżonn tagħmel operazzjoni. U f’dik l-​istess sena, it-​tobba skoprew li kelli tumur f’moħħi. Għalhekk, kelli nitlaq is-​servizz tiegħi bħala indokratur tas-​circuit u nagħmel operazzjoni f’moħħi. Għaddew tliet snin sakemm stajt nerġaʼ naqdi bħala sostitut għall-​indokratur tas-​circuit. Jien u Karla issa għandna ’l fuq minn 70 sena, u m’għadniex fix-​xogħol taʼ l-​ivvjaġġar. Jehovah għenna naraw li kien inutli li naqbdu qabda soda maʼ privileġġ li ma kontx għadni nistaʼ nwettaq.

Meta nħarsu lura, jien u Karla nħossuna grati lejn Jehovah għall-​għajnuna li tana biex indaħħlu l-​imħabba tal-​verità fil-​fond taʼ qalb uliedna. (Proverbji 22:6) Matul is-​snin, Jehovah mexxiena u ħarriġna, filwaqt li għenna nwettqu r-​responsabbiltajiet tagħna. Għalkemm aħna mdaħħlin fiż-​żmien u morda, l-​imħabba tagħna għal Jehovah għadha friska u ħajja daqs qatt qabel.—Rumani 12:​10, 11.

[Nota taʼ taħt]

a Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah, iżda issa m’għadux disponibbli.

[Stampa f’paġna 26]

Il-​familja tagħna, miexja ħdejn ix-​Xmara Elbe, f’Hamburg, fl-​1965

[Stampa f’paġna 28]

Xi membri tal-​familja fil-​konvenzjoni internazzjonali taʼ Berlin fl-​1998

[Stampa f’paġna 29]

Maʼ marti, Karla

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja