LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 4/15 pp. 9-12
  • Nigglorifikaw lil Alla fil-Muntanji tal-Filippini

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Nigglorifikaw lil Alla fil-Muntanji tal-Filippini
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Fidi Ġenwina Tieħu Post it-​Tradizzjoni
  • Sebat Ijiem u Sitt Iljieli
  • Xi Ħaġa Aħjar mid-​Deheb
  • Ħerqana li Jkollhom Sala tas-​Saltna
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 4/15 pp. 9-12

Nigglorifikaw lil Alla fil-​Muntanji tal-​Filippini

Jekk taħseb dwar il-​Filippini bħala nazzjon taʼ gżejjer, għandek raġun. Però, dan huwa wkoll pajjiż taʼ muntanji impressjonanti. Kien relattivament faċli u effettiv għax-​Xhieda taʼ Jehovah li jippridkaw fil-​bliet u fl-​inħawi li huma fil-​wita. Madankollu, fir-​reġjuni muntanjużi s-​sitwazzjoni hija differenti.

TISTAʼ tara kemm jispikka l-​kuntrast li hemm bejn il-​muntanji taʼ l-​għaġeb f’dan il-​pajjiż u l-​bajjiet bir-​ramel, is-​sikek tal-​qroll, l-​irħula tas-​sajd, u l-​bliet mimlijin ħajja fil-​pjanuri taʼ dawn il-​gżejjer. Barra minn hekk, il-​muntanji huma ostaklu diffiċli għall-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla.—Mattew 24:14.

Il-gżejjer tal-​Filippini jinsabu f’post fejn żewġ partijiet mill-​qoxra taʼ wiċċ id-​dinja jaħbtu maʼ xulxin. Iċ-​ċaqliq taʼ l-​art f’dawn l-​inħawi ħoloq qċaċet tawwalin u ppontati fil-​muntanji fuq il-​gżejjer il-​kbar. Il-​gżejjer li jifformaw il-​Filippini u li jgħoddu iktar minn 7,100 jinsabu fl-​arkata tal-​punent taċ-​Ċirku tan-​Nar fil-​Paċifiku. Għalhekk, dawn huma miżgħudin bil-​vulkani, u dan ukoll jikkontribwixxi għall-​formazzjoni tal-​pajsaġġ muntanjuż. Kien minħabba li l-​art hija daqstant imħarbta li n-​nies li jgħixu fil-​muntanji ġew iżolati. Huma diffiċli biex jintlaħqu minħabba li ftit li xejn jeżistu toroq addattati biex jgħaddu l-​karozzi minnhom.

Minkejja dawn l-​ostakli, ix-​Xhieda taʼ Jehovah jirrealizzaw il-​bżonn li jilħqu lil “kull xorta taʼ bnedmin.” (1 Timotju 2:​4, NW) Għalhekk, ix-​Xhieda fil-​Filippini ħadmu fi qbil maʼ l-​ispirtu taʼ Isaija 42:​11, 12: “Jgħannulu ferħana dawk li jgħammru f’Sela, jgħajjtu bil-​ferħ fuq qċaċet il-​muntanji. Ħa jagħtu glorja lill-​Mulej u jxandru t-​tifħir tiegħu fil-​gżejjer.”

Iktar minn 50 sena ilu bdew isiru sforzi intensivi biex tingħata xiehda lin-​nies taʼ fuq il-​muntanji. Wara t-​Tieni Gwerra Dinjija, il-​missjunarji għenu biex tingħata spinta lil dan ix-​xogħol. Ħafna abitanti taʼ dan il-​pajjiż ħaddnu l-​verità tal-​Bibbja u dawn min-​naħa tagħhom xerrdu l-​verità fl-​irħula iktar fl-​għoli fuq il-​muntanji. Dan wassal għal riżultati mill-​aħjar. Per eżempju, fil-​Katina Ċentrali (Cordillera Central) taʼ muntanji fit-​tramuntana taʼ Luzon, hemm iktar minn 6,000 pubblikatur taʼ l-​aħbar tajba. Il-​biċċa l-​kbira minnhom twieldu hemmhekk, inkluż l-​Ibaloi, l-​Ifugao, l-​Igorot, u l-​Kalinga.

Madankollu, għad hemm postijiet fuq il-​muntanji li huma diffiċli biex jintlaħqu. In-​nies li jgħixu hemmhekk m’humiex minsijin. Kif irnexxielhom jintlaħqu xi wħud minnhom, u x’kienet ir-​reazzjoni tagħhom?

Fidi Ġenwina Tieħu Post it-​Tradizzjoni

Fuq il-​gżira taʼ Luzon li tinsab fit-​tramuntana, linħawi muntanjużi tal-​provinċja taʼ l-​Abra huma abitati mit-​Tingjani. Dan l-​isem għandu mnejn oriġina mill-​kelma antika Malasjana tinggi li tfisser “muntanja.” Kelma tassew xierqa! Dawn in-​nies jirreferu wkoll għalihom infushom u għal-​lingwa tagħhom bħala l-​Itneg. Jemmnu f’alla jismu Kabunian, u l-​ħajja taʼ kuljum tagħhom hija influwenzata ħafna mis-​superstizzjonijiet. Per eżempju, jekk xi ħadd ikun għamel xi pjan biex imur xi mkien u jagħtas ikun ifisser li se tiġri xi ħaġa ħażina. Ikollu jistenna xi ftit sigħat sakemm jispiċċa l-​effett ħażin taʼ dan.

Fl-1572, l-​Ispanjoli ġabu l-​Kattoliċiżmu lit-​Tingjani, imma naqsu li jgħallmuhom il-​Kristjanità vera. Dawk li fil-​fatt saru Kattoliċi baqgħu jħaddnu t-​twemmin tagħhom f’Kabunian u komplew bid-​drawwiet taʼ pajjiżhom. L-​ewwel darba li wasal l-​għarfien eżatt dwar il-​Bibbja għand dawn in-​nies kien madwar l-​1930, meta x-​Xhieda taʼ Jehovah bdew ixerrdu l-​messaġġ tas-​Saltna f’dawn il-​muntanji. Minn dakinhar ’l hawn ħafna Tingjani sinċieri bdew jigglorifikaw lil Jehovah minn “qċaċet il-​muntanji.”

Per eżempju, Lingbaoan qabel kien kap taʼ tribù rispettat f’dawn l-​inħawi. Hu kien involut ferm fil-​kultura Tingjana. “Kont insegwi t-​tradizzjonijiet Tingjani fedelment. Meta xi ħadd kien jiġi maqtul, aħna konna nagħmlu żifna wara d-​difna, u konna ndoqqu l-​gong. Konna wkoll nissagrifikaw l-​annimali. Konna nemmnu b’Kabunian, u dak Alla tal-​Bibbja jien ma kontx naf bih.” U dan minkejja li suppost dan ir-​raġel kien Kattoliku.

Ix-Xhieda taʼ Jehovah marru jippridkaw f’dawn l-​inħawi. Huma ltaqgħu maʼ Lingbaoan u inkuraġġewh jaqra l-​Bibbja. Hu jiftakar: “Kienet il-​Bibbja li kkonvinċietni li Jehovah hu dak Alla veru.” Wieħed mix-​Xhieda mbagħad studja l-​Bibbja miegħu, u Lingbaoan ħa deċiżjoni biex jaqdi lil dak Alla veru. Hu biddel ħajtu u ma baqax iktar jaqdi bħala kap tat-​tribù, u dan tgħidx kemm ġagħalhom jirrabjaw lill-​qassis tal-​post u lil sħabu li kellu qabel. Madankollu, Lingbaoan kien determinat li jsegwi l-​veritajiet li kien sab fil-​Bibbja. Issa hu qed jaqdi bħala anzjan fil-​kongregazzjoni.

Sebat Ijiem u Sitt Iljieli

Għalkemm issa f’ċerti partijiet taʼ l-​Abra qed jisimgħu l-​aħbar tajba kważi regolarment, partijiet oħra li huma iżolati jingħataw xiehda darba kultant. Xi żmien ilu, kien sar sforz biex jintlaħqu dawn l-​inħawi. Grupp taʼ 35 Xhud irħewlha biex jippridkaw f’territorju li ma kienx assenjat. Dan kien f’Tineg, ġewwa l-​Abra, post li kienu ilhom ma jmorru fih 27 sena.

Għal din l-​ispedizzjoni taʼ ppridkar marru bil-​mixi u kienu damu sebat ijiem. Immaġinak tgħaddi minn fuq pontijiet magħmulin jew marbutin bi ħbula, taqsam xmajjar fondi, u timxi sigħat sħaħ minn passaġġi dojoq fuq il-​muntanji waqt li ġġorr l-​affarijiet essenzjali—dan kollu biex ixxandar l-​aħbar tajba lil dawk li rari jisimgħuha! Erbgħa mis-​sitt iljieli taʼ dan il-​vjaġġ huma kellhom jorqdu għall-​arja aperta taʼ fuq il-​muntanja.

Għalkemm ix-​Xhieda kuraġġużi li ħadu sehem f’din l-​ispedizzjoni ġarrew xi ftit taʼ l-​ikel, ma setgħux iġorru biżżejjed għal tul il-​vjaġġ kollu. Madankollu, din ma kinitx problema għaliex in-​nies kienu ferħanin li jpartu l-​ikel maʼ letteratura bbażata fuq il-​Bibbja. B’hekk ix-​Xhieda ngħataw ħafna prodotti tar-​rabaʼ, ħut, u laħam taċ-​ċerv. Għalkemm mhux kollox kien ward u żahar, il-​grupp qal: “Il-​ferħ kbir li ġarrabna patta għas-​sagrifiċċji kollha li għamilna.”

Matul dawn is-​sebat ijiem, dawn ix-​Xhieda ppridkaw f’għaxar irħula, u qassmu 60 ktieb, 186 rivista, 50 browxer, u ħafna fuljetti. Huma wrew kif isir studju tal-​Bibbja lil 74 grupp taʼ nies. Fil-​belt taʼ Tineg, wieħed mill-​uffiċjali tal-​post u xi ċittadini prominenti talbu li ssir laqgħa tal-​kongregazzjoni li għaliha attendew 78 ruħ. Il-​biċċa l-​kbira minnhom kienu għalliema u pulizija. Nittamaw li ħafna iktar Tingjani għad jingħaqdu maʼ dawk li qed ‘jgħannu’ u jfaħħru lil Jehovah minn fuq il-​qċaċet tal-​muntanji.

Xi Ħaġa Aħjar mid-​Deheb

Iktar lejn in-​nofsinhar fil-​Filippini hemm xi gżejjer fejn l-​Ispanjoli kienu sabu d-​deheb. Minn dan ġie l-​isem Mindoro, li hija taħlita tal-​kliem Spanjol mina de oro, jew “mina tad-​deheb.” Madankollu, issa qed tinstab xi ħaġa aqwa mid-​deheb f’dawn il-​gżejjer—nies li jridu jaqdu lil dak Alla veru, Jehovah.

Fil-qalba iżolata tal-​foresta Mindoro hemm jgħixu madwar 125,000 ruħ li jissejħu Mangjani li twieldu f’dan il-​post. Dawn in-​nies għandhom il-​lingwa tagħhom stess u jgħixu ħajja sempliċi, però ftit li xejn għandhom kuntatt maʼ oħrajn. Il-​biċċa l-​kbira huma animisti u politeisti, u jemmnu li fin-​natura hemm diversi spirti.

Xi kultant, meta ma jkollhomx x’jieklu jew jonqsuhom xi affarijiet essenzjali, xi Mangjani individwali jinżlu lejn l-​inħawi taʼ mal-​kosta biex ifittxu x-​xogħol. Hekk ġralu Pailing, li kien mill-​grupp Batangan, li ħareġ mill-​Mangjani. Hu trabba fost niesu ġewwa l-​foresti fil-​muntanji, u kien jappoġġa t-​twemmin u l-​prattiċi Batangani. L-​ilbies komuni kien sempliċi biċċa drapp imdawra mal-​ġenbejn. Biex ikollhom ħsad tajjeb, it-​tradizzjoni Batangana kienet tirrikjedi li l-​adoraturi joqtlu tiġieġa, u jħallu d-​demm iqattar fl-​ilma waqt li jitolbu.

Pailing m’għadux isegwi dawn it-​tradizzjonijiet. Għala le? Għaliex meta niżel mill-​muntanji, sab xogħol maʼ xi familji li kienu Xhieda taʼ Jehovah. Waħda minn dawn il-​familji ħadet vantaġġ mis-​sitwazzjoni biex turi l-​verità tal-​Bibbja lil Pailing. Hu ħa gost biha u verament apprezza dak li tgħallem dwar l-​iskop taʼ Jehovah għall-​bniedem u għall-​art. Dawn irranġawlu biex jattendi l-​iskola primarja, kif ukoll biex jistudja l-​Bibbja. Pailing tgħammed u sar wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah fl-​età taʼ 24 sena. Meta kellu 30 sena, hu kien fit-​tieni sena tiegħu fl-​iskola sekondarja, u l-​iskola saret it-​territorju tiegħu taʼ l-​ippridkar. Issa kulħadd isejjaħlu Rolando (isem komuni f’dawk l-​inħawi).

Jekk tiltaqaʼ maʼ Rolando, se ssib bniedem liebes pulit u dejjem bi tbissima jaqdi bħala predikatur full-time u qaddej ministerjali f’waħda mill-​kongregazzjonijiet f’Mindoro. Rolando dan l-​aħħar mar lura lejn il-​muntanji mhux biex jingħaqad mal-​Batangani fit-​tradizzjonijiet tagħhom, imma biex jaqsam magħhom il-​veritajiet tal-​Bibbja li jagħtu l-​ħajja.

Ħerqana li Jkollhom Sala tas-​Saltna

Il-​provinċja taʼ Bukidnon—kelma li tfisser “Nies tal-​Muntanji” bil-​lingwa Cebuano—tinsab fuq il-​gżira taʼ Mindanao. Dawn l-​inħawi fihom muntanji, kanjons, widien tax-​xmajjar, u artijiet għolja u wâtja. L-​art fertili tipproduċi pineapples, qamħ, kafè, ross, u banana. Fihom jgħixu t-​tribujiet taʼ Talaandig u Higaonon. Dawn in-​nies ukoll għandhom bżonn jitgħallmu dwar Jehovah. Dan l-​aħħar, qrib il-​belt taʼ Talakag, din l-​opportunità nfetħet b’mod tassew interessanti.

Ix-Xhieda li telgħu lejn dawn l-​għoljiet sabu klima kiesħa imma ngħataw merħba verament mill-​qalb. In-​nies tal-​post sostnew li jemmnu f’Alla li jistaʼ kollox, il-​Missier, imma ma kinux jafu x’jismu. Minħabba li huma jqattgħu l-​biċċa l-​kbira mill-​ħin tagħhom fil-​foresta, din kienet l-​ewwel darba li ltaqgħu max-​Xhieda taʼ Jehovah. Dawn semgħu għall-​ewwel darba bl-​isem t’Alla u bl-​iskop meraviljuż tiegħu f’konnessjoni mas-​Saltna. In-​nies verament ħadu gost b’dan, u għalhekk ġie deċiż li x-​Xhieda kellhom jagħmlu iktar żjajjar fir-​raħal tagħhom.

Peress li kienu jżuruhom taʼ spiss, in-​nies tal-​post offrew biċċa art għad-​“dar” tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Ix-​Xhieda aċċettaw bil-​qalb l-​offerta tagħhom. Din il-​biċċa art kienet fuq il-​quċċata taʼ l-​ogħla għolja f’dawk l-​inħawi, u quddiemha kien hemm triq. Il-​bini kien magħmul mill-​injam, bambù, u weraq tal-​palm. Il-​proġett tlesta fi tliet xhur u għaxart ijiem. It-​tabella “Sala tas-​Saltna tax-​Xhieda taʼ Jehovah” kienet tispikka quddiem il-​bini. Aħseb ftit, Sala tas-​Saltna mibnija qabel ma ġiet ifformata kongregazzjoni!

Minn dakinhar, anzjan taʼ kongregazzjoni li hu wkoll ministru full-time mar joqgħod hemm flimkien maʼ qaddej ministerjali. Huma ħadmu flimkien maʼ xi Xhieda mill-​inħawi tal-​viċin biex jilħqu l-​mira tagħhom li jifformaw kongregazzjoni. Din saret realtà f’Awissu taʼ l-​1998. Issa kongregazzjoni żgħira qed tagħmel użu bis-​sħiħ minn din is-​Sala tas-​Saltna u qed tgħin lin-​nies tal-​muntanji jitgħallmu l-​veritajiet tal-​Bibbja.

Verament, nistgħu naraw il-​qawwa taʼ Jehovah fl-​għajnuna li ta lill-​qaddejja tiegħu li minn jeddhom offrew ruħhom biex ixerrdu l-​verità dwar is-​Saltna ġewwa l-​Filippini, saħansitra fil-​muntanji tant diffiċli biex jintlaħqu. Dan ifakkarna f’Isaija 52:​7, li jgħid: “Kemm huma sbieħ fuq il-​muntanji r-​riġlejn taʼ min iħabbar il-​bxara [t-tajba].”

[Mappep f’paġna 11]

ABRA

MINDORO

BUKIDNON

[Sors]

Globe: Mountain High Maps® Copyright © 1997 Digital Wisdom, Inc.

[Stampi f’paġna 10]

L-​ippridkar fil-​muntanji jinvolvi mixi għal sigħat sħaħ minn art imħarbta

[Stampa f’paġna 10]

Il-​magħmudija f’kurrent taʼ ilma ġieri fil-​muntanji

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja