Tafda Int f’Alla li Hu Reali?
Spedizzjoni mibgħuta mill-Mużew Amerikan taʼ l-Istorja Naturali kienet fi triqitha biex tagħmel studju dwar art fl-Artiku li l-esploratur Robert E. Peary kien irrapporta li ra madwar sebaʼ snin qabel, fl-1906.
MINN Cape Colgate, li jinsab propju fit-tarfnett tal-majjistral taʼ l-Amerika taʼ Fuq, Peary kien osserva bħal qċaċet bojod f’art imbiegħda. Hu semmieha Crocker Land, għal wieħed minn dawk li għenuh finanzjarjament. Min jaf kemm ħassewhom eċċitati l-membri taʼ l-ispedizzjoni li ntbagħtet wara xi żmien meta lemħu quddiemhom medda art b’għoljiet, widien, u qċaċet miksijin bis-silġ! Imma malajr irrealizzaw li dak li kienu qed iħarsu lejh ma kienx ħlief miraġġ Artiku. Dan l-effett atmosferiku fuq l-għajnejn kien qarraq bih lil Peary. Imma issa kien tard wisq, għax kienu diġà ħlew il-ħin, l-enerġija, u r-riżorsi biex jiskopru xi ħaġa li ma kinitx reali.
Illum, ħafna nies juru devozzjoni u jiddedikaw il-ħin tagħhom lil allat li jemmnu li huma reali. Fi żmien l-appostli taʼ Ġesù, allat bħal Ermi (jew Ħermes) u Żews kienu jiġu meqjuma. (Atti 14:11, 12) Illum, in-nies qed iqimu miljuni taʼ allat f’reliġjonijiet bħal dawk Xintù, Ħindu, u oħrajn li jeżistu madwar id-dinja. Tabilħaqq, sewwa sew bħalma tgħid il-Bibbja, “hemm ħafna allat u ħafna sidien.” (1 Korintin 8:5, 6) Jistaʼ jkun li dawn l-allat kollha huma reali?
Allat li ‘Ma Jsalvaw’ lil Ħadd
Per eżempju, ikkunsidra x-xbihat jew simboli li jintużaw fil-qima. In-nies li jafdaw fihom jew jitolbuhom biex jidħlu għalihom iqisu lil dawn l-idoli bħala salvaturi b’poteri soprannaturali li jistgħu jippremjaw lin-nies jew jeħilsuhom mill-periklu. Imma jistgħu dawn verament isalvaw lil xi ħadd? Dwar dawn l-oġġetti, is-salmista għanna: “L-idoli tal-ġnus m’humiex ħlief deheb u fidda, xogħol taʼ id il-bniedem: għandhom il-fomm, u ma jitkellmux; għandhom l-għajnejn, u ma jarawx; għandhom il-widnejn, u ma jisimgħux; anqas nifs ma għandhom fi mnifsejhom.” Tabilħaqq, huma allat li ‘ma jsalvaw’ lil ħadd.—Salm 135:15-17; Isaija 45:20.
Veru, dawk li jagħmlu dawn l-idoli jistgħu jemmnu li xogħol idejhom għandu l-ħajja u s-setgħa. U dawk li jaduraw l-idoli jpoġġu l-fiduċja tagħhom fihom. “Iġorruh [l-idolu],” qal il-profeta Isaija, “u jqegħduh f’postu u jibqaʼ hemm.” Hu żied: “Minn postu ma jiċċaqlaqx. Jekk xi ħadd isejjaħlu, ma jweġibx, u minn hemmu ma jeħilsux.” (Isaija 46:7) Il-verità hi li idolu xorta jibqaʼ bla ħajja minkejja l-fidi kbira li jkollhom dawk li għandhom fiduċja fih. Xbihat minquxa u statwi mdewbin bħal dawn huma allat bla valur.—Ħabakkuk 2:18.
Illum huwa komuni wkoll li ssib min jagħmel lil personalitajiet tad-divertiment u taʼ l-isports, lil sistemi politiċi, u lil ċerti mexxejja reliġjużi l-idoli tiegħu u jagħtihom ġieħ jew iqimhom. Barra minn hekk, ħafna jagħmlu l-flus l-alla tagħhom. Hu x’inhu l-każ, dwar dawn l-idoli qed jgħidu li għandhom kwalitajiet u valuri li fir-realtà m’għandhomx. Lil dawk li jemmnu fihom la qatt tawhom, u lanqas jistgħu jagħtuhom kulma jitolbuhom. Per eżempju, ir-rikkezzi jistgħu jidhru li huma s-soluzzjoni għal ħafna problemi, imma l-qawwa tar-rikkezzi hija qarrieqa. (Mark 4:19) Wieħed li jagħmel ir-riċerki staqsa: “Kif jistaʼ jkun li xi ħaġa li hija daqshekk mixtieqa minn tant nies, u li hija meqjusa bħala s-soluzzjoni taʼ kollox, wara li jirnexxilhom jiksbuha jkollha effetti differenti li jvarjaw minn diżappunt għal trawma?” Iva, biex wieħed jiġri wara r-rikkezzi għandu mnejn li jkollu jissagrifika affarijiet li huma verament taʼ valur. Dawn jistgħu jkunu s-saħħa fiżika tajba, il-ħajja tal-familja sodisfaċenti, il-ħbieb tal-qalb, jew ir-relazzjoni prezzjuża mal-Ħallieq. B’hekk l-alla tiegħu ma jkunx ħlief ‘idolu fieragħ.’—Ġona 2:9 (2:8, NW).
‘Ebda Tweġiba Ma Kien Hemm’
Xi bluha tkun li tasal biex tgħid li xi ħaġa hija reali meta mhix! L-adoraturi taʼ l-alla Bagħal fi żmien Elija dan tgħallmuh bid-dnewwa. Huma kienu verament jemmnu li Bagħal kellu s-setgħa li jġiegħel nar jinżel mis-sema u jaħraq l-annimal offrut bħala sagrifiċċju. Fil-fatt, “bdew mis-sbiħ sa nofsinhar isejjħu isem Bagħal u jgħajjtu: ‘Bagħal, weġibna!’” Kellu Bagħal widnejn li setgħu jisimgħu u fomm li setaʼ jitkellem? Ir-rakkont jissokta: “Ma kien hemm ebda kelma, ebda tweġiba.” Tabilħaqq, ma kien hemm l-“ebda widen.” (1 Slaten 18:26, 29) Bagħal ma kienx reali, ma kienx ħaj, jew attiv.
Kemm hu vitali li nsiru nafu u nqimu lil dak Alla li hu reali! Imma min hu? U kif nistgħu nibbenefikaw jekk nafdaw fih?
[Stampi f’paġna 3]
Egingwah, sieħeb Peary, jittrombja lejn ix-xefaq biex jara jekk jilmaħx xi art
Robert E. Peary
[Sorsi]
Egingwah: Mill-ktieb The North Pole: Its Discovery in 1909 Under the Auspices of the Peary Arctic Club, 1910; Robert E. Peary: NOAA
[Stampi f’paġna 4]
Ħafna jiġu mqarrqin bl-affarijiet li d-dinja qed tagħmilhom l-idoli tagħha