LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 9/1 pp. 19-21
  • “X’Qed Isir minn Taħt fi Franza?”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “X’Qed Isir minn Taħt fi Franza?”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Ġurnata Twila
  • Riżultati
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 9/1 pp. 19-21

“X’Qed Isir minn Taħt fi Franza?”

“Libertà, għażiża libertà.” Dan il-​kliem jinsab f’“La Marseillaise,” l-​innu nazzjonali taʼ Franza. Bla dubju, il-​libertà hija xi ħaġa li għandna ngħożżuha. Madankollu, il-​ġrajjiet li seħħew dan l-​aħħar fi Franza qed jikkaġunaw tħassib dwar kif xi libertajiet bażiċi qed jiġu mhedda. Hu għalhekk li nhar il-​Ġimgħa, 3 taʼ Novembru, 2000, għaxriet t’eluf taʼ Xhieda taʼ Jehovah qassmu total taʼ 12-il miljun kopja taʼ fuljett speċjali intitolat “X’Qed Isir minn Taħt fi Franza? Jistaʼ Jkun li l-​Libertà Tmur Lura?”

IX-​XHIEDA taʼ Jehovah fi Franza ilhom għal bosta snin issa jiġu attakkati minn diversi politikanti u gruppi taʼ kontra s-​setet. Dan ġab diffikultajiet kbar għax-​Xhieda fuq livell individwali, kongregazzjonali, u nazzjonali. Madankollu, fit-​23 taʼ Ġunju, 2000, il-​Conseil d’État, l-​ogħla qorti amministrattiva taʼ Franza, ħadet deċiżjoni memorabbli li kkonfermat l-​opinjoni popolari taʼ 31 qorti tal-​maġistrati f’iktar minn 1,100 każ. Il-​qorti superjuri kkonfermat li l-​qima li jipprattikaw ix-​Xhieda taʼ Jehovah hija kompletament fi qbil mal-​liġi Franċiża u s-​Swali tas-​Saltna tagħhom huma intitolati għall-​istess eżenzjonijiet fiskali li jibbenefikaw minnhom reliġjonijiet oħra.

Madankollu, din id-​deċiżjoni ġiet injorata kompletament mill-​Ministeru tal-​Finanzi Franċiż li jkompli jirrifjuta li jagħti lix-​Xhieda taʼ Jehovah din l-​eżenzjoni mit-​taxxa provduta lill-​organizzazzjonijiet reliġjużi. Il-​Ministeru impona taxxa taʼ 60 fil-​mija fuq il-​kontribuzzjonijiet tax-​Xhieda u l-​ħbieb imseħbin magħhom fl-​1,500 kongregazzjoni fi Franza. Dan il-​każ bħalissa qed jiġi kontestat fil-​qorti.

Il-​mira tal-​kampanja li semmejna kienet biex tikxef din il-​kontradizzjoni u biex tenfasizza r-​riskji involuti f’din it-​tassazzjoni arbitrarja u fil-​liġijiet proposti li jistgħu jheddu l-​libertà reliġjuża taʼ kulħadd.a

Ġurnata Twila

Fis-​sagħtejn taʼ fil-​għodu, xi Xhieda minn diversi kongregazzjonijiet bdew iqassmu l-​fuljetti fl-​istazzjonijiet tal-​ferrovija u fil-​fabbriki u mbagħad fl-​ajruporti. Fis-​sitta, Pariġi bdiet tieħu l-​ħajja. Madwar 6,000 volontier tqassmu f’diversi postijiet ċentrali biex ikunu jistgħu jiltaqgħu maʼ dawk li jkunu qed jivvjaġġaw biex imorru għax-​xogħol. Waħda żagħżugħa kkummentat: “Dak li qed tagħmlu għal-​libertà reliġjuża huwa tajjeb. Mhux ix-​Xhieda taʼ Jehovah biss huma involuti.” F’Marsilja, iktar minn 350 Xhud qassmu l-​fuljett fl-​istazzjonijiet taʼ taħt l-​art u fit-​toroq. Fi żmien siegħa, ir-​radju nazzjonali ħabbar il-​kampanja, u qal lis-​semmiegħa tiegħu biex ma jiħduhiex bi kbira jekk javviċinawhom ix-​Xhieda taʼ Jehovah. Fi Strasbourg, fejn hemm il-​Qorti Ewropea tad-​Drittijiet tal-​Bniedem, vjaġġaturi fl-​istazzjon ċentrali qagħdu bil-​paċenzja kollha fil-​kju sabiex jirċievu l-​kopja tagħhom. Wieħed avukat ikkummenta li, waqt li hu ma jaqbilx mat-​tagħlim tagħna, kien qed isegwi l-​każ b’interess, peress li l-​battalja tagħna kienet importanti u ġusta.

Fit-tmienja, minkejja x-​xita qawwija, 507 Xhieda fil-​belt Alpina taʼ Grenoble bdew javviċinaw lin-​nies fit-​toroq jew jimpostaw il-​fuljetti fid-​djar. Malli raw x’kien qed jiġri, xufiera tal-​karozzi jew tat-​trammijiet waqqfu l-​vetturi tagħhom biex jitolbuhom fuljett. Fil-​belt taʼ Poitiers li tinsab fil-​punent, vjaġġaturi li waslu bil-​ferrovija f’xi d-​disgħa kienu diġà rċivew il-​fuljett minfejn kienu rikbu l-​ferrovija. F’Mulhouse, qrib il-​fruntiera tal-​Ġermanja, kienu diġà tqassmu 40,000 kopja.

Sa l-​għaxra, ħafna mill-​kongregazzjonijiet kienu qassmu iktar min-​nofs il-​fuljetti li kellhom. Hekk kif għadda l-​ħin, ftit ferm kienu dawk li rrifjutaw il-​fuljett, u b’riżultat taʼ dan kien hemm għadd taʼ konversazzjonijiet interessanti. F’Besançon, ftit iktar minn 80 kilometru ’l bogħod mill-​fruntiera taʼ l-​Isvizzera kien hemm żagħżugħ li esprima l-​interess tiegħu fil-​Bibbja u staqsa għala Alla jippermetti s-​sofferenza. Ix-​Xhud stiednu biex ikompli d-​diskussjoni f’Sala tas-​Saltna fil-​qrib, fejn mill-​ewwel inbeda studju tal-​Bibbja fuq il-​browxer Alla X’Jirrikjedi Minna?

F’nofsinhar ħafna Xhieda użaw il-​ħin tal-​brejk biex jippridkaw għal madwar siegħa jew sagħtejn. It-​tqassim tkompla matul wara nofsinhar kollu, u ħafna mill-​kongregazzjonijiet kienu lesti sat-​tlieta jew l-​erbgħa taʼ wara nofsinhar. F’Reims, il-​kapitali magħrufa għax-​xampanja, kien hemm nies li darba kienu jistudjaw jew jissieħbu max-​Xhieda taʼ Jehovah li wrew ix-​xewqa tagħhom li jibdew jissieħbu mill-​ġdid mal-​kongregazzjoni. F’Bordeaux inbdew 3 studji tal-​Bibbja fid-​djar. Fl-​istess belt, waħda Xhud daħlet f’ħanut biex tixtri l-​gazzetta u rat għadd taʼ fuljetti fuq il-​bank tal-​ħanut. Sid il-​ħanut, li qabel kienet Xhud, kienet irċiviet fuljett u, billi indunat kemm kien importanti, għamlet kopji tiegħu biex tqassamhom hi stess.

F’Le Havre, fin-​Normandija, mara Protestanta li semgħet fuq ir-​radju li l-​kontribuzzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah qed jiġu intaxxati tgħidx kemm baqgħet mistagħġba. Hi aċċettat il-​fuljett bil-​ħerqa u lix-​Xhieda ferħitilhom talli kienu qed isemmgħu leħinhom kontra din l-​inġustizzja. Fis–7:20 taʼ fil-​għaxija, it-​TV reġjonali f’Lyons ikkummenta fl-​aħbarijiet fuq it-​tqassim, billi qal: “Dal-għodu kien iktar faċli li tevita l-​qtar tax-​xita milli tevita l-​fuljetti tax-​Xhieda taʼ Jehovah.” Ġew intervistati żewġ Xhieda u dawn spjegaw ir-​raġunijiet għal din il-​kampanja.

Xhieda li kienu ħerqana li jieħdu sehem wara x-​xogħol sekulari tagħhom qassmu xi fuljetti lil nies li kienu sejrin lura d-​dar mix-​xogħol u impostaw xi oħrajn fil-​kaxxi taʼ l-​ittri. Fi bliet bħalma huma Brest u Limoges—famużi għall-​porċellana—l-​aħħar fost dawk li rċivew il-​fuljett kienu dawk li għall-​ħabta tal–11:00 taʼ bil-​lejl kienu ħerġin miċ-​ċinema. Il-​fuljetti li kien baqaʼ nġabru u tqassmu l-​għada fil-​għodu.

Riżultati

Wieħed Xhud kiteb: “L-​avversarji tagħna jaħsbu li qed idgħajfuna. Fil-​fatt, qed jiġri l-​oppost.” Fil-​biċċa l-​kbira mill-​kongregazzjonijiet, iktar minn 75 fil-​mija tax-​Xhieda kellhom sehem f’din il-​ġurnata, u xi wħud minnhom qattgħu 10, 12, jew 14-il siegħa f’din l-​attività. F’Hem, fit-​tramuntana taʼ Franza, kien hemm Xhud li wara li spiċċa mix-​xift taʼ bil-​lejl dam iqassam il-​fuljetti mill-​ħamsa taʼ fil-​għodu sat-​tlieta taʼ wara nofsinhar. Fil-​qrib, f’Denain, li fiha kien hemm kongregazzjoni sa mill-​1906, 75 Xhieda qattgħu 200 siegħa jqassmu dan il-​fuljett f’dik il-​ġurnata tal-​Ġimgħa. Oħrajn, minkejja l-​età, il-​mard, u t-​temp qalil, kienu determinati li jagħtu sehemhom. Per eżempju, f’Le Mans tlieta min-​nies li kellhom fuq it-​80 sena qattgħu sagħtejn jimpostaw il-​fuljetti fid-​djar, u wieħed Xhud f’siġġu tar-​roti qagħad iqassam dan il-​fuljett ħdejn l-​istazzjon tal-​ferrovija. U kemm kien inkuraġġanti li tara għadd kbir taʼ Xhieda li kienu ilhom inattivi jieħdu sehem f’din il-​kampanja speċjali!

Bla dubju, dan it-​tqassim irriżulta f’xiehda kbira. Nies minn kull ambjent u pożizzjoni soċjali, li ħafna minnhom rari jiġu kuntattjati fi djarhom, irċivew kopja taʼ dan il-​fuljett. Għadd taʼ individwi ħassew li din l-​azzjoni ma kinitx biss biex jiġu protetti l-​interessi tax-​Xhieda, imma wettqet bil-​wisq iktar minn hekk. Ħafna qisuha bħala difiża għal-​libertà tal-​kuxjenza u tal-​qima għal kull ċittadin Franċiż. Tant hu hekk li nies mill-​pubbliku talbu għal iktar kopji taʼ dan il-​fuljett biex jagħtuhom lill-​ħbieb, lill-​kollegi, jew lill-​qraba tagħhom.

Iva, ix-​Xhieda taʼ Jehovah fi Franza jħossuhom kburin li jgħarrfu l-​isem taʼ Jehovah u jiddefendu l-​interessi tas-​Saltna. (1 Pietru 3:15) Huma jittamaw bil-​ħerqa li jkunu jistgħu jgħaddu ħajja kalma u kwieta bid-​devozzjoni sħiħa lejn Alla u bis-​serjetà u li eluf iktar jingħaqdu magħhom f’li jfaħħru lil Missierhom tas-​sema, Jehovah.—1 Timotju 2:2.

[Nota taʼ taħt]

a Kampanja simili saret f’Jannar taʼ l-​1999 bħala protesta kontra d-​diskriminazzjoni reliġjuża. Ara It-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 t’Awissu, 1999, paġna 9, u t-​2000 Yearbook of Jehovah’s Witnesses, paġni 24-​6.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja