LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 8/15 pp. 9-13
  • Jiddu Bħala Dawwala fil-Belt tad-Dawl

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Jiddu Bħala Dawwala fil-Belt tad-Dawl
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Belt bi Sfida
  • Frott minn Xiehda Informali
  • Dawl għall-​Ġnus Kollha
  • Teżori Moħbijin li Jridu Jinstabu
  • Jikkalmaw il-​Maltempata
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 8/15 pp. 9-13

Jiddu Bħala Dawwala fil-​Belt tad-​Dawl

Fluctuat nec mergitur, jew “Il-​mewġ iħabbat magħha imma ma tegħriqx.” Hekk jgħid il-​motto tal-​belt taʼ Pariġi.

GĦAL dawn l-​aħħar 2000 sena, Pariġi, bħal bastiment, kellha tissielet m’għadd taʼ tempesti minn barra u rvellijiet interni biex iżżomm f’wiċċ l-​ilma. Issa, bħala waħda mill-​isbaħ bliet fid-​dinja, Pariġi hija ammirata għall-​arkitettura grandjuża, għat-​toroq wesgħin bis-​siġar fuq kull naħa, u għall-​mużewijiet li huma magħrufin mad-​dinja kollha. Għal xi wħud, Pariġi hi l-​post fejn jiltaqgħu spiss il-​poeti, il-​pitturi, u l-​filosfi. Oħrajn jitpaxxew bl-​ikel delizzjuż tagħha u jammiraw il-​moda tal-​klassi għolja.

Storikament, Pariġi kienet fortizza tal-​Kattoliċiżmu. Mitejn sena ilu, minħabba l-​irwol importanti li kellha f’moviment intelletwali Ewropew magħruf bħala t-​Tidwil, Pariġi saret magħrufa bħala l-​Belt tad-​Dawl. Illum, jafu u ma jafux, il-​biċċa l-​kbira mill-​Pariġini huma iktar influwenzati mill-​filosofija taʼ dak iż-​żmien milli mir-​reliġjon.

Madankollu, l-​għerf tal-​bniedem ma dawwalx il-​ħajja tan-​nies kif kien mistenni. Illum ħafna qed ifittxu d-​dawl minn sors differenti. Issa x-​Xhieda taʼ Jehovah ilhom xi 90 sena ‘jiddu bħala dawwala’ f’Pariġi. (Filippin 2:​15, NW) Bħal baħrin tas-​sengħa, huma kellhom jaddattaw ruħhom kontinwament għall-​bidliet fil-​kurrenti jew fil-​ġrajjiet sabiex itellgħu magħhom abbord b’mod figurattiv “il-​ġid kollu tal-​popli.”—Ħaggaj 2:7.

Belt bi Sfida

Lura fl-​1850, Pariġi kienet belt b’600,000 abitant. Illum, il-​popolazzjoni tal-​belt u tad-​distretti taʼ madwarha qabżithom sew id-​disaʼ miljuni. Ir-​riżultat taʼ din iż-​żjieda kien li Pariġi saret l-​iktar belt fi Franza li għandha popolazzjoni mżewqa. Hija ċentru dinji t’edukazzjoni avanzata, għandha waħda mill-​eqdem universitajiet, u tilqaʼ madwar 250,000 student. Xi distretti madwar il-​belt taʼ Pariġi jirrappreżentaw il-​parti l-​kerha tal-​belt. Hawnhekk id-​delinkwenza u l-​qgħad ħallew il-​marka tagħhom fuq parti kbira mill-​bini għoli fejn joqogħdu n-​nies. Bla dubju, ix-​Xhieda taʼ Jehovah jeħtieġu s-​sengħa u jridu jkunu kapaċi wkoll jaddattaw ruħhom biex jippreżentaw l-​aħbar tajba b’mod li jingħoġob minn kull xorta taʼ nies.—1 Timotju 4:10.

Kull sena, iktar minn 20 miljun turist iżuru Pariġi. Mimlijin eċċitament, huma jistgħu jitilgħu fuq it-​Torri Eiffel, jippassiġġaw max-​xmara Seine, jew inkella joqogħdu jitnikkru fil-​ħwienet tal-​kafè u r-​restoranti fuq

il-​bankina jaraw l-​ambjent taʼ madwarhom. Madankollu, il-​ħajja taʼ kuljum tal-​Pariġini tistaʼ tkun waħda mgħaġġla ferm. “In-​nies dejjem mgħaġġlin,” jispjega Christian, ministru full-time. “Huma jaslu lura d-​dar mix-​xogħol għajjenin mejtin.” M’huwiex faċli li tkellem nies bħal dawn li dejjem għandhom x’jagħmlu.

Iżda waħda mill-​akbar problemi li jħabbtu wiċċhom magħha x-​Xhieda taʼ Jehovah f’Pariġi hija biex jikkuntattjaw lin-​nies fi djarhom. Xi appartamenti għandhom l-​interkom. Madankollu, biż-​żjieda fil-​kriminalità, fl-​entratura taʼ l-​appartamenti taʼ spiss qed jiġu installati sistemi elettroniċi taʼ sigurtà li jagħmluha impossibbli li tidħol. Dan jispjega ċar għala f’ċerti nħawi hemm biss Xhud wieħed għal kull 1,400 persuna. Għaldaqstant, qed tingħata iżjed xiehda informali u bit-​telefon. Setgħu x-​Xhieda taʼ Jehovah jħallu ‘d-​dawl tagħhom jiddi’ b’modi oħrajn?—Mattew 5:16.

L-​opportunitajiet u l-​postijiet għal xiehda informali huma abbundanti. Martine lemħet lil waħda mara mnikkta qed tistenna l-​karozza tal-​linja. Kienet għadha kif mititilha l-​unika tifla li kellha. Martine tatha browxer li jitkellem dwar it-​tama taʼ l-​irxoxt li hemm fil-​Bibbja u li tant tfarraġ lil dak li jkun. Imma mbagħad damet xhur sħaħ ma taraha. Meta reġgħet iltaqgħet magħha, Martine setgħet tibdielha studju tal-​Bibbja. Minkejja l-​oppożizzjoni minn żewġha, il-​mara saret Xhud.

Frott minn Xiehda Informali

Is-​sistema tat-​trasport pubbliku taʼ Pariġi hija waħda mill-​iktar effettivi fid-​dinja. Il-​famuż Metro jġorr 5,000,000 passiġġier kuljum. Jingħad li l-​istazzjon ċentrali tal-​ferroviji taʼ taħt l-​art f’Pariġi, ix-​Châtelet-Les-Halles, mhux biss huwa l-​akbar wieħed fid-​dinja iżda huwa wkoll l-​iktar wieħed attiv. L-​opportunitajiet biex tiltaqaʼ man-​nies hemmhekk huma bla għadd. Alexandra taqbad il-​Metro kuljum biex tmur għax-​xogħol. Darba waħda bdiet titkellem maʼ żagħżugħ li kien marid serjament bil-​lewkimja. Alexandra tatu fuljett dwar it-​tama taʼ Ġenna taʼ l-​art. Beda jkollhom diskussjoni fuq il-​Bibbja fl-​istess ħin u fl-​istess post kuljum għal sitt ġimgħat sħaħ. Imbagħad f’daqqa waħda r-​raġel ma baqax jiġi. Ftit żmien wara, martu ċemplet lil Alexandra u qaltilha biex tiġi l-​isptar, għax żewġha kien qiegħed f’qagħda kritika. B’dispjaċir, Alexandra waslet tard wisq. Wara li miet, martu marret toqgħod f’Bordeaux, fil-​lbiċ taʼ Franza. Hemmhekk marru jżuruha x-​Xhieda lokali. Kemm ferħet Alexandra meta sena wara saret taf li din l-​armla kienet tgħammdet bħala Xhud Kristjan taʼ Jehovah, bit-​tama li tara lil żewġha rxoxtat!—Ġwann 5:​28, 29.

Waħda mara Kristjana mdaħħla fiż-​żmien tkellmet maʼ Renata waqt li kienet fuq il-​ferrovija sejra minn Pariġi għal Limoges, fiċ-​ċentru taʼ Franza. F’art twelidha, il-​Polonja, Renata kienet studjat it-​teoloġija, l-​Ebrajk, u l-​Grieg għal ħames snin, imma kienet tilfet il-​fidi f’Alla. Tliet xhur qabel din il-​konversazzjoni, Renata kienet talbet lil Alla. Għalkemm ma tantx kellha interess f’dak li kellha x’tgħidilha l-​oħt anzjana u ħasbet li ma kinitx se terġaʼ tismaʼ mingħandha, Renata tatha n-​numru tat-​telefon. Madankollu, l-​oħt kienet persistenti u rranġat biex fi żmien qasir Renata jkollha żjara. ‘X’se jgħallmuni?’ ħasbet Renata bejnha u bejn ruħha, meta marret iżżurha koppja tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Minkejja t-​tagħlim li kellha fit-​teoloġija, Renata nġibdet umilment lejn il-​verità Biblika. “Mill-​ewwel fhimt li kienet il-​verità,” tispjega hi. Issa hi ferħana ħafna li tistaʼ taqsam il-​messaġġ tal-​Bibbja m’oħrajn.

Michèle kienet qed titgħallem issuq il-​karozza. Xi studenti li kienu magħha fil-​klassi tat-​teorija tas-​sewqan bdew jitkellmu fuq is-​sess qabel iż-​żwieġ. Michèle uriet li ma taqbilx. Ġimgħa wara, l-​għalliema li kienet qed tgħallimha ssuq, Sylvie, staqsietha: “Int waħda mix-​Xhieda taʼ Jehovah?” Sylvie baqgħet impressjonata bil-​ħarsa bbażata fuq il-​Bibbja li kellha Michèle. Inbeda studju tal-​Bibbja, u sena wara Sylvie tgħammdet.

Il-​ħafna ġonna pubbliċi f’Pariġi jipprovdu ambjent mill-​isbaħ biex titkellem man-​nies. Fil-​ħin tal-​brejk, Josette marret fi ġnien fejn kien hemm mara anzjana, Aline, qed tippassiġġa. Josette spjegatilha dwar il-​wegħdi meraviljużi li nsibu fil-​Bibbja. Ftehmu għal studju tal-​Bibbja, u fi ftit żmien Aline tant kienet għamlet progress li tgħammdet. Issa, fl-​età taʼ 74 sena, Aline hija pijuniera regulari effettiva ferm, u tieħu gost taqsam il-​verità Kristjana m’oħrajn.

Dawl għall-​Ġnus Kollha

Ix-​Xhieda f’Pariġi m’għandhomx bżonn imorru f’pajjiżi ’l bogħod biex jieħdu pjaċir b’kulturi interessanti u differenti. Kważi 20 fil-​mija mill-​popolazzjoni ġejjin minn pajjiżi barranin. F’Pariġi hemm madwar 25 grupp u kongregazzjoni taʼ lingwi differenti.

It-tattika u l-​immaġinazzjoni taʼ spiss jipproduċu riżultati tajbin f’dan l-​inkarigu speċjali taʼ l-​evanġelizzar. Waħda Xhud Filippina fformat territorju speċjali għaliha nfisha. Hi rnexxielha taqbad ħafna studji tal-​Bibbja waqt li tkun qed tixtri, billi tibda konversazzjoni maʼ Filippini oħrajn fil-​ħwienet.

Li tieħu l-​inizjattiva biex tippriedka jagħti l-​frott. Meta f’Diċembru taʼ l-​1996 saru jafu li fil-​belt kien ġej ċirku famuż mad-​dinja kollha, ix-​Xhieda f’waħda mill-​kongregazzjonijiet taʼ lingwi barranin iddeċidew li jipprovaw jikkuntattjaw lill-​artisti. Lejla waħda wara l-​wirja, irnexxielhom jitkellmu maʼ l-​artisti waqt li dawn kienu sejrin lura lejn il-​lukanda tagħhom. Ir-​riżultat taʼ din l-​inizjattiva kien li ħallewlhom 28 Bibbja, 59 ktieb Kristjan, 131 browxer, u 290 rivista. Meta għaddewlhom it-​tliet ġimgħat u kienu waslu biex jitilqu, wieħed mill-​akrobati staqsa: “Kif nistaʼ nsir wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah?” Ieħor stqarr: “La mmur f’pajjiżi nibda nippriedka!”

Teżori Moħbijin li Jridu Jinstabu

Kulfejn iħarsu, dawk li jżuru Pariġi jaraw teżori mill-​isbaħ taʼ l-​arkitettura minn żminijiet mgħoddija. Madankollu, hemm affarijiet iktar prezzjużi li għad iridu jinstabu. Aniza ġiet Franza maʼ zijuha, membru diplomatiku. Id-​dar, Aniza kienet taqra l-​Bibbja regolarment. Ġurnata waħda, hekk kif kienet ħierġa kollha mgħaġġla mid-​dar, waħda pijuniera tatha l-​fuljett Għala Tistaʼ Tafda l-​Bibbja. Għamlu appuntament għall-​ġimgħa taʼ wara, u nbeda studju tal-​Bibbja. Aniza kellha ħafna oppożizzjoni mill-​familja. Imma, hi tant għamlet progress li tgħammdet. Kif tħares hi lejn il-​privileġġ li għandha li taqsam il-​verità m’oħrajn? “Għall-​ewwel ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar kien diffiċli għalija peress li jien mistħija. Iżda meta naqra l-​Bibbja, inħossni mqanqla. Ma nistax noqgħod kwieta jekk ma nippridkax.” Ħafna Xhieda f’Pariġi għandhom din l-​attitudni. Fil-​fatt huma għandhom ħafna x’jagħmlu “fil-​ħidma tal-​Mulej.”—1 Korintin 15:58.

Il-verità tal-​Bibbja tiddi wkoll ġewwa d-​djar fit-​truf taʼ Pariġi, u hekk tikxef “ħaġar prezzjuż” ieħor. Bruce mar għand il-​ħabib tiegħu bil-​ħsieb li jissellef xi rikordings. Dan il-​ħabib kien għadu kif sar wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Bruce sab lil ħabibu jiddiskuti dwar il-​Bibbja maʼ xi qraba, u qagħad jismaʼ l-​konversazzjoni. Hu aċċetta l-​offerta taʼ studju tal-​Bibbja imma kellu xi problemi. “Lili kienu jafuni sew fin-​naħa taʼ fejn noqgħod. Ħija l-​kbir kien dejjem jiġġieled, u jien kont norganizza parties taż-​żfin storbjużi. Kif kienu se jaċċettawh il-​fatt li nsir Xhud?” Minkejja talbiet persistenti biex jorganizza l-​parties, Bruce waqqafha din l-​attività. Xahar wara beda jippriedka: “Fin-​naħa taʼ fejn noqgħod, kulħadd ried ikun jaf għala sirt Xhud.” Ftit wara Bruce tgħammed. Maż-​żmien, kellu l-​privileġġ li jattendi għall-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali.

It-​tfittxija għat-​teżori tistaʼ tirrikjedi sforz kbir. Imma x’ferħ meta x-​xogħol jagħti l-​frott! Jacky, Bruno, u Damien kienu furnara f’Pariġi. “Kien impossibbli li jikkuntattjawna għax konna naħdmu l-​ħin kollu u qatt ma konna nkunu d-​dar,” jispjega Jacky. Patrick, li hu pijunier regulari, ra xi kmamar żgħar fuqnett fi blokk t’appartamenti, u ħaseb li minn taʼ l-​inqas f’kamra minnhom kienu joqogħdu n-​nies. L-​isforzi persistenti tiegħu biex jikkuntattja lill-​inkwilini taw riżultati tajbin ferm. Dan ġara, meta sa fl-​aħħar, darba minnhom wara nofsinhar ikkuntattja lil Jacky, li kien qed joqgħod hemmhekk għal ftit żmien. Ir-​riżultat? It-​tlett iħbieb saru Xhieda u rnexxielhom isibu xogħol ieħor li ppermettielhom ikollhom sehem iktar bis-​sħiħ fl-​attività teokratika.

Jikkalmaw il-​Maltempata

Dan l-​aħħar, xi mezzi tax-​xandir fi Franza pinġew lix-​Xhieda taʼ Jehovah bħala setta reliġjuża perikoluża. Fl-​1996, ix-​Xhieda ħadu sehem b’qalbhom kollha fit-​tqassim taʼ iktar minn disaʼ miljun kopja taʼ fuljett b’informazzjoni speċjali intitolat Jehovah’s Witnesses​—What You Need to Know (Ix-Xhieda taʼ Jehovah—Dak li Għandek Tkun Taf). Ir-​riżultati kienu tassew sbieħ.

Sar sforz speċjali biex jintlaħaq kulħadd. Ħafna uffiċjali esprimew l-​apprezzament tagħhom lejn ix-​Xhieda. Kunsillier f’muniċipju kiteb: “Ix-​Xhieda taʼ Jehovah għamlu sew li qassmu dan il-​fuljett. Dan jikxef il-​gideb.” Wieħed tabib ikkummenta: “Ili żmien twil nistennieha din l-​informazzjoni!” Raġel mill-​akkwata taʼ Pariġi kiteb: “Il-​fuljett Jehovah’s Witnesses​—What You Need to Know qrajtu b’kumbinazzjoni. Nixtieq insir naf iżjed u naċċetta l-​offerta taʼ studju tal-​Bibbja fid-​dar bla ħlas.” Oħra kitbet: “Grazzi għall-​onestà tagħkom.” Waħda mara Kattolika qalet lix-​Xhieda: “Eh! Fl-​aħħar ħadtu azzjoni kontra dan il-​gideb!”

Xi ħaġa li ġabet ferħ kbir speċjalment lil ħafna żgħażagħ Xhieda fl-​inħawi taʼ Pariġi kienet il-​kampanja taʼ ppridkar li ġiet organizzata għall-​Jiem Dinjin taż-​Żgħażagħ Kattoliċi fl-​1997. Għalkemm it-​temperatura telgħet għal iktar minn 35 grad Celsius, ħadu sehem madwar 2,500 Xhud. Fi ftit ġranet, ħallew 18,000 kopja tal-​browxer Ktieb għan-​Nies Kollha maʼ żgħażagħ minn kull parti tal-​globu. Il-​kampanja mhux biss tat xiehda mill-​aqwa għall-​isem taʼ Jehovah u żergħet iż-​żrieragħ tal-​verità, imma wkoll imliet bl-​entużjażmu lix-​Xhieda żgħażagħ. Oħt żagħżugħa, li temmet il-​btala tagħha biex ikollha sehem sħiħ f’dan l-​isforz speċjali, kitbet: “Jehovah għandu fuq l-​art poplu ferħan li juża s-​saħħa tiegħu biex iġib tifħir lil ismu. Dawn il-​jumejn, tant mimlijin u premjanti, kienu jiswew daqs il-​btajjel kollha taʼ ħajti! (Salm 84:10)”

It-​28 taʼ Frar, 1998 immarka l-​65 anniversarju minn mindu Hitler ħareġ digriet biex jipprojbixxi lix-​Xhieda taʼ Jehovah fil-​Ġermanja. Ix-​Xhieda fi Franza użaw din id-​data biex jagħmlu preżentazzjonijiet pubbliċi fi swali mikrijin bil-​vidjo Jehovah’s Witnesses Stand Firm Against Nazi Assault (Ix-Xhieda taʼ Jehovah Jieqfu Sod Kontra l-​Attakki tan-​Nazi). Dan il-​vidjo juri fid-​dettall il-​persekuzzjoni li sofrew in-​nies taʼ Jehovah. Tqassmu iktar minn sebaʼ miljun stedina. Kittieba taʼ l-​istorja u wħud li kienu priġunieri fil-​kampijiet irrakkontaw esperjenzi li jqanqlu dwar dak li ġara. Fl-​akkwata taʼ Pariġi, attendew madwar 5,000 persuna, inkluż numru kbir taʼ wħud li m’humiex Xhieda.

Ħafna nies f’Pariġi japprezzawh id-​dawl spiritwali, u huma ferħanin li l-​proklamaturi tas-​Saltna qed jiddu ħafna bħala dawwala. Huwa l-​istess bħalma qal Ġesù: “Il-​ħsad huwa kbir, iżda l-​ħaddiema ftit.” (Mattew 9:37) Minħabba d-​determinazzjoni li juru x-​Xhieda taʼ Jehovah biex jegħlbu l-​isfidi taʼ li jippridkaw fil-​belt, Pariġi saret Belt tad-​Dawl f’sens speċjali, għat-​tifħir taʼ Jehovah.

[Stampa f’paġna 9]

Il-​Muniċipju

[Stampa f’paġna 9]

Il-​Mużew taʼ Louvre

[Stampa f’paġna 9]

Opera Garnier

[Stampi f’paġna 10]

Naqsmu l-​messaġġ tal-​Bibbja maʼ nies li għandhom x’jagħmlu kulfejn jistgħu jinstabu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja