Il-Bibbja f’Volum Wieħed
SABIEX jagħmlu kopji tal-Bibbja, il-Kristjani tal-bidu kienu minn taʼ quddiemnett fl-użu tal-ktieb bil-folji minflok b’forma taʼ skroll. Madankollu, il-Kristjani ma bdewx mill-ewwel jipproduċu volum wieħed li jkun fih il-kotba kollha tal-Bibbja. Pass importanti lejn produzzjoni mifruxa taʼ Bibbji f’volum wieħed ittieħed fis-seklu sitta minn Flavju Kassjodoru.
Flavju Manju Awrelju Kassjodoru twieled għall-ħabta tas-snin 485-490 E.K. ġewwa familja sinjura f’Calabria, lejn in-nofsinhar taʼ dik li llum hija l-Italja. Kien jgħix matul perijodu tempestuż fl-istorja Taljana meta l-peniżola kienet l-ewwel okkupata mill-Goti u mbagħad mill-Biżantini. Meta kellu madwar 60 jew 70 sena, Kassjodoru waqqaf il-monasterju u l-librerija taʼ Vivarium qrib fejn kien joqgħod fi Squillace, f’Calabria.
Editur Attent tal-Bibbja
Waħda mill-iktar affarijiet li kienet tikkonċerna lil Kassjodoru kienet it-tixrid tal-Kelma t’Alla, il-Bibbja. “Fil-ħarsa taʼ Kassjodoru,” jikteb il-kittieb taʼ l-istorja Peter Brown, “il-letteratura Latina kollha kellha tkun użata għat-tixrid taʼ l-Iskrittura. L-għajnuniet kollha li kienu jintużaw qabel biex jinqraw u jiġu kopjati testi klassiċi kellhom jintużaw sabiex tinftiehem l-Iskrittura u tiġi kopjata b’mod intelliġenti. Bħal sistema planetarja li għadha kemm tifforma, il-kultura Latina kollha kemm hi suppost li kellha ddur u tagħqad f’orbita madwar ix-xemx vasta tal-Kelma t’Alla.”
Kassjodoru ġabar tradutturi u esperti tal-grammatika fil-monasterju taʼ Vivarium biex jiġbru flimkien il-Bibbja sħiħa u ppresieda fuq il-proċess editorjali li kien jirrikjedi reqqa kbira. Ix-xogħol fdah biss f’idejn ftit irġiel taʼ skola kbira. Dawn kellhom jevitaw milli jagħmlu emendi bl-għaġla fejn forsi dehrilhom li kien hemm żbalji fl-ikkopjar. Jekk kienet tqum xi mistoqsija dwar il-grammatika, il-manuskritti antiki tal-Bibbja kellhom jitqiesu bħala li huma iktar awtorevoli mill-użu tal-Latin kif kien aċċettat dak iż-żmien. Kassjodoru saħaq: “Stramberiji grammatikali . . . jridu jiġu preservati, ladarba t-test li hu magħruf bħala mnebbaħ m’għandux ikun suxxettibbli għall-korruzzjoni. . . . Il-metodi Bibliċi taʼ espressjoni, il-metafora, u l-idjoma jridu jiġu preservati, anki jekk huma strambi skond il-livelli tal-Latin, u l-istess ħaġa trid issir rigward il-forom ‘Ebrajċi’ taʼ l-ismijiet.”—The Cambridge History of the Bible.
Il-Manuskritt Grandior
Il-kopjisti fil-monasterju taʼ Vivarium kienu mqabbdin jipproduċu minn taʼ l-inqas tliet edizzjonijiet distinti tal-Bibbja bil-Latin. Waħda minnhom, f’disaʼ volumi, x’aktarx li kien fiha t-test bil-Latin Antik, traduzzjoni li kienet dehret lejn l-aħħar tat-tieni seklu. Edizzjoni oħra kien fiha l-Vulgata bil-Latin, li Ġirolmu kien lesta għall-ħabta tal-bidu tal-ħames seklu. It-tielet, il-Manuskritt Grandior, li jfisser “ktieb akbar bil-folji,” kien meħud minn tliet testi tal-Bibbja. Dawn iż-żewġ edizzjonijiet taʼ l-aħħar ġabru l-kotba kollha tal-Bibbja flimkien f’volum wieħed.
Jidher li kien Kassjodoru l-ewwel wieħed li pproduċa Bibbji bil-Latin f’volum wieħed, u dawn sejħilhom pandectae.a Żgur li ra kemm kien prattiku li l-kotba kollha tal-Bibbja jiġu magħqudin f’volum wieħed, u b’hekk jiġi eliminat il-proċess li jkollok tikkonsulta bosta volumi u li jiħodlok ħafna ħin.
Mill-Italja t’Isfel sal-Gżejjer Britanniċi
Ftit wara l-mewt taʼ Kassjodoru (x’aktarx madwar is-sena 583 E.K.), beda l-vjaġġ tal-Manuskritt Grandior. Hu maħsub li, f’dak iż-żmien, parti mil-librerija taʼ Vivarium ġiet trasferita lejn il-librerija Laterana f’Ruma. Fis-sena 678 E.K., il-patri Anglo-Sassonu Ceolfrith ħa miegħu l-manuskritt lejn il-Gżejjer Britanniċi meta rritorna minn żjara f’Ruma. Kien hekk li wasal fiż-żewġ monasterji taʼ Wearmouth u Jarrow, li kienu mmexxijin minn Ceolfrith, f’dik li llum hija magħrufa bħala n-Northumbria, fl-Ingilterra.
Il-Bibbja taʼ Kassjodoru f’volum wieħed żgur li affaxxinathom lil Ceolfrith u lill-patrijiet tiegħu, u din x’aktarx għoġbithom għax kienet faċli biex tużaha. B’hekk, fi ftit għaxriet taʼ snin, huma pproduċew tliet Bibbji sħaħ oħra f’volum wieħed. L-unika kopja li għadha teżisti minnhom hija manuskritt enormi magħruf bħala l-Manuskritt Amiatinus. Fih 2,060 paġna tal-ġild tal-vitella, li kull waħda minnhom hi taʼ madwar 51 ċentimetru bi 33 ċentimetru. Bil-qoxra b’kollox huwa oħxon 25 ċentimetru u jiżen ’il fuq minn 34 kilogramma. Hija l-eqdem Bibbja sħiħa bil-Latin f’volum wieħed li għadha teżisti. L-istudjuż magħruf tal-Bibbja tas-seklu 19 Fenton J. A. Hort identifika dan il-volum fl-1887. Hort qal: “Saħansitra f’għajnejn spettatur modern dan il-kapulavur taʼ [manuskritt] kważi jbellhek.”
Lura l-Italja
Il-Manuskritt Grandior oriġinali li Kassjodoru kien qabbadhom jagħmlu issa jinsab mitluf. Imma d-dixxendent Anglo-Sassonu tiegħu, il-Manuskritt Amiatinus, beda vjaġġ taʼ ritorn lejn l-Italja ftit wara li tlesta. Ftit qabel ma miet, Ceolfrith iddeċieda li jerġaʼ lura lejn Ruma. Miegħu ħa wieħed mit-tliet manuskritti tiegħu tal-Bibbja bil-Latin bħala rigal lill-Papa Girgor II. Ceolfrith miet matul il-vjaġġ, fis-sena 716 E.K., f’Langres, ġewwa Franza. Imma l-Bibbja tiegħu kompliet il-vjaġġ f’idejn il-grupp taʼ dawk li kienu qed jivvjaġġaw miegħu. Il-volum maż-żmien ġie inkluż fil-librerija tal-monasterju taʼ Mount Amiata, fl-Italja ċentrali, minfejn ħa l-isem taʼ Manuskritt Amiatinus. Fl-1782 il-manuskritt ittieħed lejn il-Librerija Medicea Laurenziana ġewwa Firenze, fl-Italja, fejn għadu sal-lum meqjus bħala l-akbar teżor li hemm f’din il-librerija.
Il-Manuskritt Grandior kif effettwana lilna? Minn żmien Kassjodoru, il-kopjisti u l-istampaturi bdew iktar ma jmorru iktar jippreferu l-produzzjoni taʼ Bibbji f’volum wieħed. Sal-ġurnata tal-lum, il-fatt li għandna l-Bibbja f’din il-forma għamilha iktar faċli għan-nies biex jikkonsultawha, u b’hekk jibbenefikaw mill-qawwa tagħha f’ħajjithom.—Lhud 4:12.
[Nota taʼ taħt]
a Bibbji sħaħ bil-Grieg jidhru li ilhom fiċ-ċirkulazzjoni sa mir-rabaʼ jew mill-ħames seklu.
[Mappa f’paġna 29]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
Il-vjaġġ tal- Manuskritt Grandior
Il-monasterju taʼ Vivarium
Ruma
Jarrow
Wearmouth
Il-vjaġġ tal- Manuskritt Amiatinus
Jarrow
Wearmouth
Mt. Amiata
Firenze
[Sors]
Mountain High Maps® Copyright © 1997 Digital Wisdom, Inc.
[Stampi f’paġna 30]
Fuq: Manuskritt Amiatinus Xellug: Pittura taʼ Esdra fil-Manuskritt Amiatinus
[Sors]
Biblioteca Medicea Laurenziana, Firenze