LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 3/1 pp. 28-31
  • Ċirillu u Metodju—Tradutturi tal-Bibbja li Vvintaw Alfabet

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ċirillu u Metodju—Tradutturi tal-Bibbja li Vvintaw Alfabet
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Il-​Filosfu” u l-​Gvernatur
  • Sejħa mill-​Moravja
  • It-​Twelid t’Alfabet u taʼ Traduzzjoni tal-​Bibbja
  • “Bħal Ċawluni fuq Seqer”
  • Tiġi Tradotta l-​Bibbja Kollha
  • Wirt li Baqaʼ Jintiret
  • X’Tiftakar?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Ktieb li “Jitkellem” b’Lingwi Ħajjin
    Ktieb Għan-Nies Kollha
  • Missirijiet il-Knisja—Difensuri tal-Verità Biblika?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • It-Taqbida għal Bibbja bil-Grieg Modern
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 3/1 pp. 28-31

Ċirillu u Metodju—Tradutturi tal-​Bibbja li Vvintaw Alfabet

“Ġensna huwa mgħammed, imma m’għandna lil ħadd min jgħallimna. La nifhmu bil-​Grieg u lanqas bil-​Latin. . . . La nagħrfu l-​ittri taʼ l-​alfabet miktubin u lanqas it-​tifsira tagħhom; għalhekk ibagħtilna għalliema li jistgħu jgħarrfuna l-​kliem taʼ l-​Iskrittura u s-​sens tiegħu.”—Rostislav, prinċep tal-​Moravja, 862 E.K.

ILLUM, in-​nies li jitkellmu l-​lingwi Slaviċi, li jgħoddu iktar minn 435 miljun, għandhom traduzzjoni tal-​Bibbja bl-​ilsien tagħhom.a Tliet mija u sittin miljun minnhom jużaw l-​alfabet Ċirilliku. Madankollu, 12-il seklu ilu ma kien hemm ebda lingwa bil-​miktub jew alfabet għad-​djaletti taʼ l-​antenati tagħhom. Iż-​żewġt irġiel li għenu biex titranġa din is-​sitwazzjoni kien jisimhom Ċirillu u Metodju, li kienu aħwa mid-​demm. Nies li jħobbu l-​Kelma t’Alla se jsibu li l-​ħidma kuraġġuża li ġabet bidla hekk kbira mwettqa minn dawn iż-​żewġt aħwa hija kapitlu interessanti fl-​istorja taʼ kif il-​Bibbja ġiet preservata u ngħatat f’idejn in-​nies. Min kienu dawn l-​irġiel, u liema ostakli ffaċċjaw?

“Il-​Filosfu” u l-​Gvernatur

Ċirillu (827-869 E.K., ismu propju kien Kostantinu) u Metodju (825-885 E.K.) kienu ġejjin minn familja nobbli ġewwa Tessalonika, fil-​Greċja. Dak iż-​żmien, in-​nies fil-​belt taʼ Tessalonika kienu jitkellmu żewġ lingwi ewlenin, il-​Grieg u xi forma tal-​lingwa Slavika. Ċirillu u Metodju jistaʼ jkun li kellhom l-​opportunità li jitgħallmu fid-​dettall il-​lingwa tas-​Slavi tan-​nofsinhar minħabba li f’dawk l-​inħawi kien hemm ħafna nies Slavi u kien jeżisti kuntatt mill-​qrib bejn iċ-​ċittadini tal-​belt u l-​komunitajiet Slaviċi taʼ madwarha. Iktar minn hekk, kittieb li kiteb il-​bijografija taʼ Metodju jsemmi wkoll li ommhom kienet taʼ oriġini Slavika.

Wara l-​mewt taʼ missieru, Ċirillu mar joqgħod Kostantinopli, il-​belt kapitali taʼ l-​Imperu Biżantin. Hemmhekk hu studja fl-​università taʼ l-​imperatur, u kien jagħmilha maʼ l-​aqwa edukaturi. Hu laħaq librar taʼ Hagia Sophia, l-​iktar knisja prominenti fin-​naħa tal-​Lvant, u iktar tard sar professur tal-​filosofija. Fil-​fatt, minħabba l-​ħidmiet akkademiċi tiegħu, lil Ċirillu laqqmuh Il-​Filosfu.

Sadanittant, Metodju qabad l-​istess karriera li kellu missieru—il-​politika. Hu rnexxielu jilħaq arkon (gvernatur) f’distrett Biżantin li kien fuq il-​fruntiera, fejn kienu jgħixu ħafna Slavi. Madankollu, hu rtira ġewwa monasteru fil-​Bitinja, fl-​Asja Minuri. Ċirillu ngħaqad miegħu hemmhekk fis-​sena 855 E.K.

Fis-sena 860 E.K., il-​patrijarka taʼ Kostantinopli bagħat liż-​żewġt aħwa fuq missjoni f’art barranija. Huma ntbagħtu għand il-​Każar, poplu li kien jgħix fil-​grigal tal-​Baħar l-​Iswed u li kien għadu bejn ħalltejn jekk jagħżilx l-​Islam, il-​Ġudaiżmu, jew il-​Kristjanità. Hu u sejjer hemmhekk, Ċirillu waqaf għal xi żmien f’Chersonese, fil-​Krimea. Xi studjużi jemmnu li hemmhekk hu tgħallem l-​Ebrajk u s-​Samaritan u li ttraduċa grammatika Ebrajka fil-​lingwa tal-​Każar.

Sejħa mill-​Moravja

Fis-​sena 862 E.K., Rostislav, il-​prinċep tal-​Moravja (in-naħa tal-​lvant tar-​Repubblika Ċeka tal-​lum, is-​Slovakkja tal-​punent, u l-​Ungerija tal-​punent) bagħat it-​talba li tidher fil-​paragrafu tal-​bidu lill-​Imperatur Biżantin Mikiel III li fiha talbu jibgħat għalliema taʼ l-​Iskrittura. Iċ-​ċittadini tal-​Moravja, li kienu jitkellmu bil-​lingwa Slavika, kienu diġà tgħallmu xi ħaġa dwar it-​tagħlim tal-​knisja mingħand xi missjunarji mis-​saltna Franka tal-​Lvant (issa l-​Ġermanja u l-​Awstrija). Madankollu, Rostislav kien inkwetat li t-​tribujiet Ġermaniċi kienu qed jinfluwenzawhom politikament u reliġjożament. Hu kien qed jittama li jekk ikun hemm rabta reliġjuża maʼ Kostantinopli, dan kien se jgħin lill-​ġens tiegħu jibqaʼ indipendenti politikament u reliġjożament.

L-imperatur iddeċieda li jibgħat lil Metodju u lil Ċirillu lejn il-​Moravja. Dawn iż-​żewġt aħwa kienu mħarrġin sewwa biex iwettqu missjoni bħal din, kemm minħabba l-​istudji fil-​fond li kienu għamlu, kemm minħabba l-​edukazzjoni tagħhom, u kemm minħabba l-​għarfien lingwistiku li kellhom. Kittieb tad-​disaʼ seklu jgħidilna li l-​imperatur irraġuna hekk biex iħeġġiġhom imorru l-​Moravja: “Intom it-​tnejn imweldin f’Tessalonika, u t-​Tessalonikin kollha jitkellmu Slav pur.”

It-​Twelid t’Alfabet u taʼ Traduzzjoni tal-​Bibbja

F’dawk ix-​xhur taʼ qabel ma telqu, Ċirillu pprepara għall-​missjoni tagħhom billi żviluppa alfabet biex tkun tistaʼ tinkiteb il-​lingwa tas-​Slavi. Jingħad li hu kellu kapaċità kbira biex jiddistingwi l-​ħsejjes differenti tal-​lingwi. B’hekk, hu uża l-​ittri tal-​Grieg u l-​Ebrajk biex jipprova joħloq ittra għal kull ħoss tas-​Slavoniku.b Xi riċerkaturi jemmnu li hu kien diġà qattaʼ snin sħaħ f’ħidma taʼ preparazzjoni biex joħloq dan l-​alfabet. U għad hemm xi dubji dwar liema kien propjament l-​alfabet li vvinta Ċirillu.—Ara l-​kaxxa “L-​Alfabet Ċirilliku jew Glagolitiku?”

Fl-istess żmien, Ċirillu beda jaħdem fuq proġett taʼ traduzzjoni tal-​Bibbja li ried isir f’qasir żmien. It-​tradizzjoni tgħid li hu beda billi ttraduċa mill-​Grieg għas-​Slavoniku l-​ewwel frażi taʼ l-​Evanġelju taʼ Ġwanni, billi uża l-​alfabet li kien għadu kemm ħoloq: “Fil-​bidu kien il-​Verb . . . ” Ċirillu mbagħad ittraduċa l-​erbaʼ Evanġelji, l-​ittri taʼ Pawlu, u l-​ktieb tas-​Salmi.

Ċirillu wettaqha waħdu din il-​biċċa xogħol? X’aktarx li Metodju għenu fiha. Iktar minn hekk, il-​ktieb The Cambridge Medieval History jistqarr: “Hemm probabbiltà kbira li [Ċirillu] kellu oħrajn jgħinuh, nies li bilfors li l-​ewwelnett kienu Slavi mit-​twelid li ħadu edukazzjoni Griega. Jekk neżaminaw l-​iktar traduzzjonijiet antiki, . . . insibu l-​aqwa prova li min għamilhom kellu sens lingwistiku Slavoniku li kien żviluppat ħafna, u dan juri li dawk li għenu fix-​xogħol bilfors li kienu Slavi huma stess.” Il-​bqija tal-​Bibbja tlestiet iktar tard minn Metodju, bħalma se naraw.

“Bħal Ċawluni fuq Seqer”

Fis-​sena 863 E.K., Ċirillu u Metodju bdew il-​missjoni tagħhom fil-​Moravja, fejn intlaqgħu b’idejn miftuħa. Ix-​xogħol tagħhom kien jinkludi li jgħallmu l-​alfabet Slavoniku li kien għadu kif ġie vvintat lil grupp taʼ nies lokali kif ukoll li jittraduċu siltiet Bibliċi u liturġiċi.

Madankollu, l-​affarijiet xejn ma kienu faċli. Il-​kleru Frank fil-​Moravja oppona bl-​aħrax l-​użu tas-​Slavoniku. Huma kienu jemmnu f’teorija trilingwista, jiġifieri kienu jsostnu li l-​Latin, il-​Grieg, u l-​Ebrajk biss setgħu jintużaw fil-​qima. Għalhekk, fis-​sena 867 E.K., iż-​żewġt aħwa rħewlha lejn Ruma, bit-​tama li jiksbu l-​appoġġ tal-​Papa għal-​lingwa miktuba li kienu għadhom kemm ħolqu.

Waqt il-​vjaġġ, meta kienu Venezja, Ċirillu u Metodju ltaqgħu maʼ iktar membri tal-​kleru Latini li kienu jżommu mat-​teorija trilingwista. Kittieb medjevali li kiteb il-​bijografija taʼ Ċirillu jgħidilna li l-​isqfijiet, il-​qassisin, u l-​patrijiet tal-​post qabżu fuqu “bħal ċawluni fuq seqer.” Skond dan ir-​rakkont, Ċirillu weġibhom lura billi kkwotalhom l-​1 Korintin 14:​8, 9: “U jekk it-​trumbetta tagħti leħen li ma tagħrafx x’inhu, min iħejji ruħu għat-​taqbida? Hekk ukoll intom; jekk bi lsienkom ma tlissnux kliem li jinftiehem, kif jistaʼ wieħed jifhem xi tkunu tgħidu? Tkunu qegħdin titkellmu fl-​ajru.”

Meta ż-​żewġt aħwa fl-​aħħar waslu Ruma, Papa Adrijanu II tahom l-​approvazzjoni sħiħa tiegħu biex jużaw is-​Slavoniku. Wara ftit xhur, u meta kienu għadhom Ruma, Ċirillu marad serjament. Inqas minn xahrejn wara, hu miet fl-​età taʼ 42 sena.

Papa Adrijanu II inkuraġġixxa lil Metodju jerġaʼ lura biex ikompli x-​xogħol tiegħu fil-​Moravja u madwar il-​belt taʼ Nitra, li tinsab f’dik li issa hi s-​Slovakkja. Billi xtaq isaħħaħ il-​poter tiegħu f’dawk l-​inħawi, il-​Papa ta xi ittri lil Metodju li kienu japprovaw l-​użu tas-​Slavoniku, u lilu laħħqu arċisqof. Madankollu, fis-​sena 870 E.K., l-​isqof Frank Hermanrich, bl-​għajnuna tal-​Prinċep Svatopluk taʼ Nitra, arresta lil Metodju. Hu nżamm priġunier għal sentejn u nofs ġewwa monasterju fix-​xlokk tal-​Ġermanja. Fl-​aħħar, is-​suċċessur taʼ Adrijanu II, Papa Ġwanni VIII, ordna li Metodju jinħeles, reġaʼ ħatru isqof fid-​djoċesi tiegħu, u kkonferma mill-​ġdid l-​appoġġ Papali għall-​użu tas-​Slavoniku fil-​qima.

Imma l-​oppożizzjoni mill-​kleru Frank ma waqfitx. Metodju rnexxielu jiddefendi ruħu mill-​akkużi taʼ ereżija, u maż-​żmien kiseb ukoll dokument bis-​siġill taʼ Papa Ġwanni VIII li kien jawtorizza b’mod speċifiku l-​użu tas-​Slavoniku fil-​knisja. Bħalma ammetta l-​Papa preżenti, Ġwanni Pawlu II, ħajjet Metodju kienet “mimlija bi vjaġġi, ċaħdiet, tbatijiet, oppożizzjoni u persekuzzjoni, . . . saħansitra perijodu taʼ priġunerija krudili.” Ironikament, dawk li kienu responsabbli għal dan kienu isqfijiet u prinċpijiet li kienu jagħtu l-​appoġġ tagħhom lil Ruma.

Tiġi Tradotta l-​Bibbja Kollha

Minkejja l-​oppożizzjoni li ma qatgħet xejn, Metodju, bl-​għajnuna taʼ diversi nies li jiktbu bix-​shorthand, spiċċa jittraduċi l-​bqija tal-​Bibbja għas-​Slavoniku. It-​tradizzjoni tgħid li hu wettaq din il-​biċċa xogħol enormi fi tmien xhur biss. Però, hu ma ttraduċiex il-​kotba apokrifi tal-​Makkabin.

Illum, m’huwiex faċli li wieħed jiddetermina b’eżattezza kemm hi taʼ kwalità tajba t-​traduzzjoni li għamlu Ċirillu u Metodju. Ftit biss għadhom jeżistu kopji li nkitbu bl-​idejn ftit wara li saret it-​traduzzjoni oriġinali. Meta jeżaminaw dawn il-​kampjuni mill-​iktar antiki li huma tant rari, il-​lingwisti jsibu li t-​traduzzjoni saret b’mod preċiż u kienet naturali. Il-​pubblikazzjoni Our Slavic Bible tistqarr li ż-​żewġt aħwa “kellhom joħolqu ħafna kliem u espressjonijiet ġodda . . . U dan għamluh bi preċiżjoni taʼ l-​għaġeb [u] espandew il-​lingwa Slavika b’tali mod li l-​vokabolarju tagħha sar jesprimi l-​ħsibijiet ferm aħjar minn qatt qabel.”

Wirt li Baqaʼ Jintiret

Wara li miet Metodju fis-​sena 885 E.K., id-​dixxipli tiegħu tkeċċew mill-​Moravja mill-​għedewwa Franki tagħhom. Huma sabu kenn fil-​Boemja, reġjun fin-​nofsinhar tal-​Polonja, u fil-​Bulgarija. B’hekk ix-​xogħol taʼ Ċirillu u Metodju tkompla, anzi kompla jinfirex. Il-​lingwa Slavonika, li ż-​żewġt aħwa tawha forma miktuba u iktar permanenti, kompliet tiġi mitkellma u żviluppata, u iktar tard inħolqu lingwi oħrajn minnha. Illum, il-​lingwi Slaviċi jinkludu 13-il lingwa differenti u ħafna djaletti.

Iktar minn hekk, il-​ħidma kuraġġuża taʼ Ċirillu u Metodu biex tiġi tradotta l-​Bibbja għamlitha possibbli li llum ikun hawn diversi traduzzjonijiet Slaviċi taʼ l-​Iskrittura. Miljuni li jitkellmu dawn il-​lingwi qed jibbenefikaw għaliex għandhom il-​Kelma t’Alla bil-​lingwa tagħhom. Minkejja l-​oppożizzjoni ħarxa, kemm hu minnu l-​kliem: “Il-​kelma tal-​Mulej tibqaʼ għal dejjem.”—Isaija 40:8.

[Noti taʼ taħt]

a Il-lingwi Slaviċi huma mitkellma fl-​Ewropa tal-​Lvant u fl-​Ewropa Ċentrali u jinkludu r-​Russu, l-​Ukranjan, is-​Serbjan, il-​Pollakk, iċ-​Ċek, il-​Bulgaru, u ilsna simili.

b Il-kelma “Slavoniku” kif użata f’dan l-​artiklu tirreferi għad-​djalett Slaviku li użaw Ċirillu u Metodju fil-​missjoni tagħhom u fix-​xogħol letterarju li wettqu. Illum, xi wħud jużaw it-​termini “Slavoniku Antik” jew “Slavoniku Antik tal-​Knisja.” Il-​lingwisti jaqblu li s-​Slavi ma kinux jitkellmu kollha l-​istess lingwa fid-​disaʼ seklu E.K.

[Kaxxa f’paġna 29]

L-​Alfabet Ċirilliku jew Glagolitiku?

L-​għamla taʼ l-​alfabet li vvinta Ċirillu ħolqot kontroversja kbira, għaliex il-​lingwisti m’humiex ċerti liema alfabet kien. L-​alfabet imsejjaħ Ċirilliku huwa bbażat ħafna fuq l-​alfabet Grieg, minbarra xi tnax-il ittra oħra li ġew ivvintati biex jirrappreżentaw ħsejjes fis-​Slavoniku li ma jeżistux fil-​Grieg. Madankollu, xi wħud mill-​iktar manuskritti Slavoniċi antiki jużaw alfabet differenti ħafna, imsejjaħ l-​alfabet Glagolitiku, u ħafna studjużi jemmnu li kien dan l-​alfabet li vvinta Ċirillu. Ftit mill-​ittri Glagolitiċi jidhru li ġejjin mill-​kitba Griega jew Ebrajka bil-​magħqud. Xi ittri jistaʼ jkun li ġew minn sinjali jew aċċenti fil-​kitba li kienu jintużaw fil-​Medju Evu, imma l-​biċċa l-​kbira taʼ l-​ittri ġew ivvintati u huma oriġinali u komplikati. L-​alfabet Glagolitiku jidher li hu invenzjoni tassew distinta u oriġinali. Madankollu, huwa l-​alfabet Ċirilliku li żviluppa fl-​alfabeti tar-​Russu, l-​Ukranjan, is-​Serbjan, il-​Bulgaru, u l-​Maċedonjan, minbarra 22 lingwa oħra li xi wħud minnhom m’humiex Slavoniċi.

[Xogħol taʼ l-​arti-karattri Ċirilliku u Glagolitiku]

[Mappa f’paġna 31]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)

Il-​Baħar Baltiku

(Polonja)

Boemja (Repubblika Ċeka)

Moravja (Repubblika Ċeka tal-​lvant, Slovakkja tal-​punent, Ungerija tal-​punent)

Nitra

IS-​SALTNA FRANKA TAL-​LVANT (Ġermanja, Awstrija)

ITALJA

Venezja

Ruma

Il-​Baħar Mediterran

BULGARIJA

GREĊJA

Tessalonika

(Krimea)

Il-​Baħar l-​Iswed

Bitinja

Kostantinopli (Istanbul)

[Stampa f’paġna 31]

Bibbja Slavonika taʼ l-​1581 b’kitba Ċirillika

[Sors]

Bibbja: Narodna in univerzitetna knjiz̆nica-Slovenija-Ljubljana

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja