Żjara Storika Tferraħ Gżira
Kuba, gżira sabiħa fil-Karibew, reċentement esperjenzat staġun mhux tas-soltu taʼ rifreskar spiritwali. It-tmiem taʼ l-1998 ġab miegħu barka tant mistennija lix-Xhieda taʼ Jehovah li jgħixu f’dan il-pajjiż taʼ l-Indji tal-Punent. Għall-ewwel darba f’iktar minn 30 sena, membri tal-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Jehovah, kif ukoll 15-il delegat ieħor li kienu qed jakkumpanjawhom, ngħataw permess iżuru l-pajjiż. Il-viżitaturi kienu ċittadini taʼ l-Awstralja, taʼ l-Awstrija, tal-Belġju, tal-Gran Britannja, taʼ l-Italja, taʼ New Zealand, u taʼ Puerto Rico.
DIN kienet ġrajja storika għal 82,258 pubblikatur tas-Saltna hemmhekk u s-87,890 li ngħaqdu magħhom biex jiċċelebraw l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej fir-rebbiegħa taʼ l-1998.
Mill-1 sas-7 taʼ Diċembru, 1998, Lloyd Barry, John Barr u Gerrit Lösch żaru d-Dar Betel f’Havana u attendew uħud mill-Konvenzjonijiet Distrettwali “Il-Mod taʼ Ħajja t’Alla” li nżammu f’Kuba. Ħadu pjaċir li setgħu jiltaqgħu m’anzjani li jivvjaġġaw u jsiru jafu iktar mill-qrib lil xi uffiċjali pubbliċi Kubani.
“Għalija u għal marti dan kien mument teokratiku li jisboq f’ħajjitna,” qal John Barr. “Ħutna l-għeżież f’Kuba huma tant mimlijin biż-żelu għall-verità! Ġejt lura nħossni li l-fratellanza globali tagħna hija verament prezzjuża!” “Din il-ġimgħa storika għenitni nikseb fehma aħjar tas-sitwazzjoni taʼ ħutna hemmhekk,” żied Lloyd Barry.
Matul l-aħħar ħames snin, ix-Xhieda taʼ Jehovah f’Kuba ngħataw iktar libertà tal-qima u kummenti minn awtoritajiet Kubani jġiegħel lil dak li jkun jemmen li dawn jixtiequ li dan kollu jkompli.
F’Settembru taʼ l-1994, operazzjoni taʼ stampar ġiet stabbilita fid-Dar Betel taʼ Havana. Għal darb’oħra, ix-Xhieda taʼ Jehovah setgħu jiltaqgħu bil-miftuħ u jagħtu xiehda minn dar għal dar. Wara ftit, fl-1998, l-awtoritajiet taw permess li ssir din iż-żjara taʼ delegazzjoni internazzjonali taʼ 18-il Xhud taʼ Jehovah, inkluż tliet membri tal-Ġemgħa li Tiggverna.
Rijunjoni Mimlija Ferħ
Meta waslet fl-ajruport taʼ José Martí f’Havana, id-delegazzjoni kienet milqugħa b’mod ospitabbli minn kontinġent t’uffiċjali pubbliċi u grupp mid-Dar Betel, fosthom wieħed mill-aħwa li kien jiftakar l-aħħar żjara li saret f’Kuba minn membru tal-Ġemgħa li Tiggverna—Milton Henschel—fl-1961. Dak iż-żmien il-ħu kellu 12-il sena; issa huwa indokratur li jivvjaġġa.
Meta d-delegati waslu fid-Dar Betel, intlaqgħu b’bukketti taʼ gladjoli, ward, ġiżimin u margeriti sofor u ħomor, imkabbrin minn wieħed mill-aħwa apposta għal dik l-okkażjoni. Kien hemm biki taʼ ferħ hekk kif il-familja taʼ Betel tat merħba lid-delegati. Iktar tard, ilkoll ħadu sehem f’ikla Kubana taʼ majjal mixwi, ross u fażola, insalata, jukka bil-mojo (zalza magħmula mit-tewm u ż-żejt taż-żebbuġa), u frott frisk. Wara l-ikla kull membru tal-Ġemgħa li Tiggverna ta taħdita inkuraġġanti dwar it-teżor tas-servizz taʼ Betel. Partikolarment kommoventi kienu l-kummenti taʼ Ħuna Lösch peress li dan tkellem maʼ l-aħwa bl-Ispanjol. Il-familja taʼ Betel hija magħmula minn 48 ħaddiem volontier regulari u 18 mill-aħwa li jgħinu fuq bażi temporanja.
Għalkemm kotba u Bibbji għal ħutna f’Kuba jiġu stampati fl-Italja, l-edizzjonijiet bla kulur tar-rivisti It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! isiru fil-pajjiż stess, fuq żewġ magni mimeografiċi. Jirrikjedi sigħat twal u xogħol manwali ripetituż fi kwartieri żgħar biex jipproduċu r-rivisti meħtieġa kollha. Il-volontieri jistmaw it-teżor tas-servizz tagħhom lejn Jehovah b’mod verament speċjali.—2 Korintin 4:7.
Punti Prinċipali tal-Konvenzjoni
It-18-il membru tad-delegazzjoni nqasmu fi tliet gruppi sabiex jattendu konvenzjonijiet distrettwali li saru fi tliet lokalitajiet—Havana, Camagüey, u Holguín. F’kull ġurnata mit-tlett ijiem, grupp kbir t’aħwa, inkluż ħafna anzjani u pijunieri, ġew mistidnin jattendu f’kull lokalità. Ix-Xhieda lokali ntqalilhom li din kienet se tkun okkażjoni speċjali, imma ma kinux jafu li membri tal-Ġemgħa li Tiggverna kienu se jkunu preżenti. Immaġina x’sorpriża ħadu hekk kif, il-Ġimgħa filgħodu, raw lil dawn l-aħwa għeżież u lin-nisa tagħhom neżlin minn fuq il-karozzi tal-linja li nkrew apposta!
Il-konvenzjonijiet saru f’faċilitajiet fil-miftuħ mibnijin mill-aħwa bil-permess taʼ l-awtoritajiet. Fil-post fejn saret il-konvenzjoni taʼ Havana, fuq waħda mill-ġebliet tad-daħla kien hemm imnaqqax “Salm 133:1.” Dan fakkar lill-aħwa fil-kliem misjub f’dik l-iskrittura: “Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa, li l-aħwa jgħammru flimkien!” Ċertament, waqt il-konvenzjoni, f’dak il-post kien hemm sħubija Kristjana tajba u pjaċevoli.
Il-viżitaturi rrimarkaw dwar kemm it-taħditiet u l-intervisti ngħataw b’mod eċċellenti, u baqgħu impressjonati mill-preżentazzjoni tad-drama, li kienet ibbażata fuq l-istorja Biblika taʼ Danjel kapitlu 3, ambjentata f’Babilonja tal-qedem. Waħda oħt ikkummentat: “L-atturi kollha kienu eċċellenti, u s-sinkroniżmu taʼ l-ilħna sar tant tajjeb li ma kontx tinduna li l-vuċijiet kienu rrekordjati minn qabel. . . . Il-Babiloniż mill-agħar deher li kien verament mill-agħar, u t-tliet Ebrej kienu sodi u determinati.”
Rappreżentanti taʼ l-Uffiċċju taʼ l-Affarijiet Reliġjużi u uffiċjali oħrajn tal-gvern li ġew biex jaraw il-konvenzjonijiet faħħru lill-aħwa għall-organizzazzjoni u l-kondotta tajba tagħhom. Ħuna Barry esprima l-gratitudni sinċiera tiegħu għat-trattament eċċellenti li ġie estiż mill-awtoritajiet Kubani lejn id-delegati barranin. Bil-wieqfa u b’ċapċip entużjażmanti, taʼ spiss għal numru mhux ħażin taʼ minuti, l-aħwa esprimew l-apprezzament li kellhom għat-taħditiet, u wkoll għall-fatt li l-awtoritajiet ippermettew li jsiru l-konvenzjonijiet. “Dan hu iktar milli stennejna—konvenzjoni internazzjonali fiċ-ċokon!” qalet waħda familja Kristjana. “Kienet xi ħaġa taʼ l-għaġeb, għax tat evidenza tal-qawwa kbira li għandu Jehovah biex iwettaq il-wegħdi tiegħu.”
Il-konvenzjonijiet ipprovdew ukoll opportunità biex oħrajn isiru jafu aħjar lix-Xhieda. Wieħed mis-sewwieqa tal-karozzi tal-linja attenda l-konvenzjoni s-Sibt u wkoll il-Ħadd. Qal li kien semaʼ ħafna xorti fuq ix-Xhieda taʼ Jehovah, imma issa sar jaf li huma nies twajbin u li jħobbu l-paċi.
“Affarijiet li Qatt ma se Ninsew”
In-nies taʼ Kuba impressjonawhom lid-delegati bil-korteżija u l-ħbiberija li wrew. Il-Kubani huma nies ħabrieka, taʼ prinċipju, u qalbhom tajba. “Mhux l-ewwel darba li xi nies li ma nafuhomx offrew l-għajnuna tagħhom,” qal wieħed mid-delegati.
Id-delegati baqgħu impressjonati b’mod profond bil-fidi, il-ferħ, u l-imħabba murija mix-Xhieda sħabna ġewwa Kuba. Minkejja ostakli kbar, huma għamlu lil Jehovah l-fortizza tagħhom. (Salm 91:2) John Barr qal: “Kien hemm tant affarijiet li kienu taʼ sorpriża pjaċevoli għalija, f’din l-ewwel żjara tiegħi taʼ Kuba—is-sbuħija tal-pajjiż, il-karattru pjaċevoli taʼ dawk li ltqajt magħhom, u fuq kollox, l-entużjażmu jixgħel tax-Xhieda Kubani. Qatt f’ħajti ma smajt kant ħiereġ hekk mill-qalb taʼ l-għanjiet tas-Saltna tagħna u applaws hekk fit-tul meta affarijiet spiritwali laqtulhom qalbhom! Dawn huma affarijiet li qatt ma se ninsew. Se nibqgħu ngħożżuhom għal dejjem.”
Salm 97:1 jgħid: “Ħa . . . jifirħu l-ħafna gżejjer.” Tabilħaqq, ix-Xhieda taʼ Jehovah fil-gżira taʼ Kuba ferħu minħabba iż-żjieda fil-libertà li jqimu lil Alla, u minħabba ż-żjara storika taʼ din id-delegazzjoni internazzjonali.
[Stampi f’paġna 8]
Ħafna familji attendew il-Konvenzjonijiet Distrettwali speċjali “Il-Mod taʼ Ħajja t’Alla” f’Kuba
[Stampa f’paġna 8]
Id-Dar Betel f’Havana reġgħet infetħet fl-1994
[Stampa f’paġna 8]
Membri tal-Ġemgħa li Tiggverna jawtografaw Bibbji li ngħataw bħala rigal lill-uffiċjali pubbliċi.