Ġirolmu—Pijunier Kontroversjali fit-Traduzzjoni tal-Bibbja
FIT-8 t’April, 1546, il-Konċilju taʼ Trento ħareġ digriet li kien jgħid li l-Vulgata Latina “għandha l-approvazzjoni tal-Knisja [Kattolika] . . . u li ħadd m’għandu jissogra jew jgħaddilu minn moħħu taħt kwalunkwe premessa hi x’inhi li ma jaċċettahiex.” Għalkemm il-Vulgata tlestiet iktar minn elf sena qabel, din u Ġirolmu, it-traduttur tagħha, kienu ilhom għal żmien twil iċ-ċentru taʼ kontroversja. Min kien Ġirolmu? Hu u t-traduzzjoni tal-Bibbja tiegħu għala kienu kontroversjali? Ix-xogħol tiegħu kif jinfluwenzaha t-traduzzjoni tal-Bibbja llum?
L-Ifformar taʼ Skular
L-isem Latin taʼ Ġirolmu kien Eusebius Hieronymus. Twieled madwar is-sena 346 E.K. fi Stridon, fil-provinċja Rumana taʼ Dalmazja, qrib il-fruntiera preżenti bejn l-Italja u s-Slovenja.a Il-ġenituri tiegħu kienu għonja mhux ħażin, u minn ċkunitu daq il-vantaġġi tal-flus, tant li rċieva edukazzjoni f’Ruma taħt Donatu, grammaturgu rinomat. Ġirolmu wera li kien student mogħni f’dik li hi grammatika, retorika, u filosofija. Matul dan il-perijodu beda jistudja l-Grieg ukoll.
Wara li telaq minn Ruma fis-sena 366 E.K., Ġirolmu qagħad jiġġerra ’l hawn u ’l hinn, sakemm fl-aħħar spiċċa f’Aquileia, fl-Italja, fejn ġie introdott mal-konċett taʼ l-axxetiċiżmu. Miġbudin minn dawn l-ideat taʼ ċaħda estrema tagħhom infushom, hu u grupp taʼ ħbieb qattgħu d-diversi snin li kien imiss jikkultivaw mod taʼ ħajja axxetika.
Fis-sena 373 E.K., il-grupp inqasam kaġun taʼ disturb mhux spjegat. Diżappuntat, Ġirolmu rħielha lejn il-Lvant u għadda minn ġol-Bitinja, il-Galazja, u ċ-Ċiliċja sakemm wasal f’Antjokja, is-Sirja.
Il-vjaġġ twil ħadlu saħħtu. Għajjien mejjet u marid, Ġirolmu kważi miet bid-deni. “O, mhux li kien li l-Mulej Ġesù Kristu jittrasportani ħabta u sabta għandek,” qal hu, meta kiteb lil wieħed ħabib tiegħu. “Il-ġisem batut tiegħi, dgħajjef saħansitra meta ma jkunx marid, inħossu mfarrak.”
Bħallikieku l-mard, is-solitudni, u l-konflitt ġewwieni ma kinux biżżejjed, Ġirolmu malajr iffaċċja jerġaʼ kriżi oħra—waħda spiritwali. F’ħolma ra lilu nnifsu “mkaxkar għal quddiem it-tron tal-ġudizzju” t’Alla. Meta ntalab jidentifika ruħu, Ġirolmu wieġeb: “Jien Nisrani (Kristjan).” Imma l-wieħed li kien qed jippresiedi rrisponda: “Inti qiegħed tigdeb, inti segwaċi taʼ Ċiċerun u mhux taʼ Kristu.”
Sa dak iż-żmien il-passjoni taʼ Ġirolmu biex jistudja kienet iċċentrata primarjament fuq l-istudju taʼ letteratura klassika pagana minflok fuq il-Kelma t’Alla. “Kont ittorturat,” qal hu, “bin-nar tal-kuxjenza.” Billi ttama li jirranġa l-affarijiet, Ġirolmu ħalef fil-ħolma tiegħu: “Mulej, jekk qatt xi darba nerġaʼ nippossiedi kotba dinjin, jew jekk qatt xi darba nerġaʼ naqrahom, inkun ċħadt Lilek.”
Iktar tard, Ġirolmu argumenta li ma setax jinżamm responsabbli għal wegħda magħmula f’ħolma. Iżda xorta waħda kien determinat li jwettaq il-wegħda tiegħu—għallinqas fil-prinċipju. Għalhekk, Ġirolmu telaq minn Antjokja u fittex li jgħix waħdu f’Kalkis fid-deżert Sirjan. Waqt li għex bħala eremita, hu ntefaʼ b’ruħu u b’ġismu jistudja l-Bibbja u letteratura teoloġika. Qal Ġirolmu: “Il-kotba t’Alla qrajthom b’żelu akbar milli kont qrajt qabel il-kotba tal-bnedmin.” Tgħallem ukoll l-ilsien Sirjak lokali u beda jistudja l-Ebrajk bil-għajnuna taʼ wieħed Lhudi li kien sar Nisrani.
L-Inkarigu Mingħand il-Papa
Wara li dam xi ħames snin jgħix f’monasterju, Ġirolmu rritorna lejn Antjokja biex ikompli l-istudji tiegħu. Madankollu, malli wasal, sab li l-knisja kienet maqsuma profondament. Tabilħaqq, waqt li kien għadu fid-deżert, Ġirolmu kien appella għal parir mingħand il-Papa Damasu, billi qal: “Il-knisja hija mifruda fi tliet partiti, u kull wieħed minnhom ħerqan biex jaħtafni ħalli nappoġġah.”
Maż-żmien, Ġirolmu ddeċieda li jappoġġa lil Pawlinu, wieħed mit-tlett irġiel li kienu allegaw li kellhom it-titlu taʼ isqof taʼ Antjokja. Ġirolmu qabel li jkun ordnat minn Pawlinu fuq żewġ kundizzjonijiet. L-ewwel, ried il-libertà biex isus wara l-ambizzjonijiet monastiċi tiegħu. U t-tieni, insista fuq li jibqaʼ eżentat minn kwalunkwe obbligu saċerdotali li jimministra lil xi knisja partikulari.
Fis-sena 381 E.K., Ġirolmu akkumpanja lil Pawlinu biex jattendu l-Konċilju taʼ Kostantinopli u minn hemmhekk kompla sejjer miegħu lejn Ruma. Il-Papa Damasu malajr irrikonoxxa l-għerf u l-kapaċità lingwistika taʼ Ġirolmu. Fi żmien sena Ġirolmu ġie elevat għall-pożizzjoni prestiġjuża taʼ segretarju privat taʼ Damasu.
Bħala segretarju, Ġirolmu ma beżax jissokta bil-kontroversja. Mhux talli hekk, talli donnu kien jistidinha b’idejh. Per eżempju, kompla jgħix bħala axxetiku għalkemm kien imdawwar bil-lussu tas-segwitù papali. Iżjed minn hekk, billi ppromwova l-istil taʼ ħajja sempliċi tiegħu u billi tkellem b’mod akkanit kontra l-eċċessi dinjin tal-kleru, Ġirolmu ħoloq ħafna għedewwa.
Madankollu, minkejja dawk li kienu jikkritikawh, Ġirolmu kellu l-appoġġ sħiħ tal-Papa Damasu. Il-papa kellu raġun jinkuraġġixxi lil Ġirolmu biex ikompli r-riċerka tiegħu fuq il-Bibbja. F’dak iż-żmien, kienu jintużaw għadd taʼ verżjonijiet Latini tal-Bibbja. Bosta minn dawn kienu tradotti bl-addoċċ u kien fihom żbalji ovvji ħafna. Tħassib ieħor għal Damasu kien li l-lingwa kienet qed taqsam l-oqsma tal-Lvant u tal-Punent tal-knisja. Ftit kienu dawk li kienu jafu l-Latin fil-Lvant; jerġaʼ dawk li kienu jafu l-Grieg fil-Punent kienu inqas.
Il-Papa Damasu kien għalhekk ansjuż għal traduzzjoni Latina rreveduta tal-Vanġeli. Damasu ried traduzzjoni li tirrifletti bl-eżatt il-Grieg oriġinali, u madankollu tkun elokwenti u ċara fil-Latin tagħha. Ġirolmu kien wieħed mill-ftit skulari li setgħu jipprovdu traduzzjoni bħal din. Billi kien fluwenti fil-Grieg, fil-Latin, u fis-Sirjak u billi kellu xi għarfien adegwat taʼ l-Ebrajk, kien jikkwalifika tajjeb għal dan ix-xogħol. Għalhekk, inkarigat minn Damasu, Ġirolmu beda proġett li kien se jiħodlu iktar mill-20 sena li kien imiss taʼ ħajtu.
Il-Kontroversja Tintensifika
Għalkemm ħadem b’ħeffa kbira biex jittraduċi l-Vanġeli, Ġirolmu wera teknika ċara u taʼ skola. Billi qabbel il-manuskritti Griegi kollha li kienu disponibbli dak iż-żmien, ikkoreġa t-test Latin, kemm fl-istil u kemm fis-sustanza, sabiex iġibu iktar f’armonija mat-test Grieg.
It-traduzzjoni taʼ l-erbaʼ Vanġeli minn Ġirolmu ntlaqgħet tajjeb b’mod ġenerali, bħalma kienet il-verżjoni Latina tiegħu tas-Salmi, li kienet ibbażata fuq it-test Grieg tas-Settanta. Minkejja dan, xorta waħda kellu min jikkritikah. “Ċerti kreaturi taʼ min jiddisprezzahom,” kiteb Ġirolmu, “kienu qegħdin jassaltawni deliberatament bl-akkuża li jien kont ipprovajt nikkoreġi xi passaġġi fil-vanġeli, kontra l-awtorità taʼ l-antiki u l-opinjoni tad-dinja kollha kemm hi.” Denunzji bħal dawn intensifikaw wara l-mewt tal-Papa Damasu fis-sena 384 E.K. Billi r-relazzjoni taʼ Ġirolmu mal-papa l-ġdid ma kienet xejn favorevoli, hu ddeċieda li jitlaq minn Ruma. Għal darb’oħra, Ġirolmu rħielha lejn il-Lvant.
L-Ifformar taʼ Skular taʼ l-Ebrajk
Fis-sena 386 E.K., Ġirolmu kien issetilja f’Betlehem, fejn kellu jibqaʼ għall-bqija taʼ ħajtu. Kien akkumpanjat minn ġemgħa żgħira taʼ segwaċi leali, inkluż Pawla, mara sinjura u nobbli minn Ruma. Pawla kienet adottat il-mod taʼ ħajja axxetika bħala riżultat taʼ l-ippridkar taʼ Ġirolmu. Bl-appoġġ finanzjarju tagħha, twaqqaf monasterju taħt id-direzzjoni taʼ Ġirolmu. Hemmhekk hu baqaʼ jsus wara x-xogħol taʼ skola tiegħu u lesta l-akbar biċċa xogħol taʼ ħajtu.
Peress li kien jgħix fil-Palestina, Ġirolmu kellu l-opportunità li jtejjeb il-fehma tiegħu dwar l-Ebrajk. Hu ħallas lil diversi għalliema Lhud biex jgħinuh jifhem ftit mill-aspetti iktar diffiċli tal-lingwa. Iżda, saħansitra b’għalliem miegħu, dan ma kienx faċli. Dwar għalliem wieħed, Baranina taʼ Tiberija, Ġirolmu qal: “Kemm swieli inkwiet u spejjeż biex inqabbad lil Baranina jgħallimni fis-satra tal-lejl.” Għala kienu jistudjaw bil-lejl? Għaliex Baranina kien jibżaʼ mill-mod kif il-komunità Lhudija kienet tħares lejn il-fatt li hu jassoċja maʼ “Nisrani”!
Fi żmien Ġirolmu, il-Lhud spiss kienu jirridikolaw lill-Ġentili li kienu jitkellmu bl-Ebrajk għax dawn ma setgħux jippronunzjaw sewwa l-ħsejjes gutturali. Xorta waħda, wara ħafna sforz, Ġirolmu rnexxielu jitgħallem jippronunzja sewwa dawn il-ħsejjes. Ġirolmu wkoll għamel trasliterazzjoni t’għadd kbir taʼ kliem Ebrajk għal-Latin. Dan il-pass mhux biss għenu jiftakar il-kliem imma wkoll jippreserva l-pronunzja Ebrajka taʼ dak iż-żmien.
L-Akbar Kontroversja taʼ Ġirolmu
M’huwiex ċar kemm mill-Bibbja l-Papa Damasu kellu l-ħsieb li Ġirolmu jittraduċi. Imma ftit hemm dubju inkwantu għal kif Ġirolmu qiesha l-kwistjoni. Ġirolmu kien konċentrat u determinat ferm. Ix-xewqa intensa tiegħu kienet li jipproduċi xi ħaġa “utli għall-Knisja, siewja għall-ġenerazzjonijiet futuri kollha.” Hu b’hekk iddeċieda li jipprovdi traduzzjoni Latina rreveduta tal-Bibbja kollha kemm hi.
Għall-Iskrittura Ebrajka, Ġirolmu kellu l-ħsieb li jibbaża xogħlu fuq is-Settanta. Din il-verżjoni Griega taʼ l-Iskrittura Ebrajka, oriġinalment tradotta fit-tielet seklu Q.E.K., kienet meqjusa minn ħafna bħala ispirata direttament minn Alla. B’hekk, is-Settanta gawdiet ċirkulazzjoni vasta fost il-Kristjani taʼ dak iż-żmien li kienu jitkellmu bil-Grieg.
Madankollu, hekk kif ipprogressa bix-xogħol tiegħu, Ġirolmu sab xi inkonsistenzi bejn il-manuskritti Griegi, simili għal dawk li kien iltaqaʼ magħhom fil-Latin. Il-frustrazzjoni taʼ Ġirolmu kibret. Fl-aħħarnett, hu wasal għall-konklużjoni li, biex jipproduċi traduzzjoni taʼ min jorbot fuqha, kellu jinjora l-manuskritti Griegi, inkluż is-Settanta li kienet irrispettata ferm, u jmur direttament fit-test Ebrajk oriġinali.
Din id-deċiżjoni ħolqot għagħa kbira. Ġirolmu ngħata t-timbru minn xi wħud bħala li ffalsifika t-test, ipprofana lil Alla, u abbanduna t-tradizzjonijiet tal-knisja biex jiffavorixxi lil-Lhud. Saħansitra Wistin—it-teologu ewlieni tal-knisja taʼ dak iż-żmien—talab bil-ħniena lil Ġirolmu biex jirritorna għat-test tas-Settanta, billi qallu: “Jekk it-traduzzjoni tiegħek tibda tinqara b’mod iktar ġenerali f’ħafna knejjes, se tkun ħaġa taʼ niket li, fil-qari taʼ l-Iskrittura, iridu jqumu xi differenzi bejn il-Knejjes Latini u l-Knejjes Griegi.”
Iva, il-biżaʼ taʼ Wistin kien li l-knisja setgħet tinqasam jekk il-knejjes tal-Punent jużaw it-test Latin taʼ Ġirolmu—ibbażat fuq it-testi Ebrajċi—waqt li l-knejjes Griegi tal-Lvant jibqgħu jużaw il-verżjoni tas-Settanta.b Iżjed minn hekk, Wistin lissen dubji u suspetti dwar it-twarrib fil-ġenb tas-Settanta favur traduzzjoni li Ġirolmu biss setaʼ jiddefendiha.
Ġirolmu kif irreaġixxa għal dawn l-opponenti kollha? B’konsistenza mal-karattru tiegħu, Ġirolmu ma tax kashom lil dawk li kkritikawh. Kompla jaħdem direttament mill-Ebrajk u, sas-sena 405 E.K., kien lesta l-Bibbja Latina tiegħu. Snin wara, it-traduzzjoni tiegħu semmewha Vulgata, li tirreferi għal verżjoni milqugħa minn ħafna nies (billi l-kelma Latina vulgatus tfisser “komuni, dak li hu popolari”).
Twettiq Dejjiemi
It-traduzzjoni taʼ l-Iskrittura Ebrajka minn Ġirolmu kienet ferm iktar minn reviżjoni taʼ test li kien jeżisti. Għal ġenerazzjonijiet li ġew wara, din bidlet il-korsa taʼ l-istudju u t-traduzzjoni tal-Bibbja. “Il-Vulgata,” jgħid l-istorjografu Will Durant, “tibqaʼ titqies bħala l-aqwa twettiq letterarju u l-iktar wieħed influwenti tar-rabaʼ seklu.”
Għalkemm Ġirolmu ma kellux ħajta f’ilsienu u kellu personalità taʼ ġellied, waħdu solu dderieġa mill-ġdid ir-riċerka fuq il-Bibbja lura lejn it-test Ebrajk ispirat. B’attenzjoni kbira, hu studja u qabbel manuskritti tal-Bibbja bl-Ebrajk antik u l-Grieg li m’għadhomx iktar disponibbli għalina llum. Ix-xogħol tiegħu sar qabel saħansitra dak tal-Masoreti Lhud. Għaldaqstant, il-Vulgata hija referenza taʼ valur biex jitqabblu traduzzjonijiet alternattivi taʼ testi Bibliċi.
Mingħajr ma jagħlqu għajnejhom għall-imġiba estrema jew l-ideat reliġjużi tiegħu, dawk li jħobbu l-Kelma t’Alla jistgħu japprezzaw l-isforzi ħabrieka taʼ dan il-pijunier kontroversjali fit-traduzzjoni tal-Bibbja. U iva, Ġirolmu tassew wettaq l-għan tiegħu—ipproduċa xi ħaġa “siewja għall-ġenerazzjonijiet futuri kollha.”
[Noti taʼ taħt]
a Mhux l-istorjografi kollha jaqblu dwar id-dati u l-ordni taʼ kif seħħew il-ġrajjiet fil-ħajja taʼ Ġirolmu.
b Kif seħħew l-affarijiet, it-traduzzjoni taʼ Ġirolmu saret il-Bibbja bażika għall-Kristjaneżmu tal-Punent, waqt li s-Settanta tkompli tintuża fil-Kristjaneżmu tal-Lvant sal-ġurnata tal-lum.
[Stampa f’paġna 28]
Statwa taʼ Ġirolmu f’Betlehem
[Sors]
Garo Nalbandian
[Sorsi taʼ l-Istampi f’paġna 26]
Xellug fuq, manuskritt Ebrajk: Courtesy of the Shrine of the Book, Israel Museum, Jerusalem; Xellug taħt, manuskritt Sirjak: Reproduced by kind permission of The Trustees of the Chester Beatty Library, Dublin; Ċentru fuq, manuskritt Grieg: Courtesy of Israel Antiquities Authority