Is-Salvazzjoni Tappartjeni lil Jehovah
“Alla tagħna hu Alla li jsalvana.”—SALM 68:21 [SALM 68:20, NW].
1, 2. (a) Għala nistgħu ngħidu li Jehovah hu s-Sors tas-salvazzjoni? (b) Kif tispjega int Proverbji 21:31?
JEHOVAH hu s-Salvatur tal-bnedmin li jħobbuh. (Isaija 43:11) David, is-sultan rinomat taʼ Iżrael, dan kien jafu mill-esperjenza persunali u kanta b’qalbu kollha: “Tal-Mulej is-salvazzjoni.” (Salm 3:8, Karm Żammit) Il-profeta Ġona uża l-istess kliem f’talba ferventi waqt li kien f’żaqq il-ħuta kbira.—Ġona 2:10 [Ġona 2:9, NW].
2 Salamun, bin David, ukoll kien jaf li Jehovah hu s-Sors tas-salvazzjoni, għax qal: “Jistaʼ jkun lest iż-żiemel għal nhar it-taqbida, imma r-rebħa [“is-salvazzjoni,” NW] tiġi mingħand il-Mulej.” (Proverbji 21:31) Fil-Lvant Nofsani tal-qedem, il-barrin kienu jiġbdu l-moħriet, il-ħmir kienu jġorru t-tagħbijiet, in-nies kienu jirkbu fuq il-bgħula, u ż-żwiemel kienu jintużaw fil-ġlied. Madankollu, qabel ma l-Iżraeliti daħlu fl-Art Imwiegħda, Alla kkmandahom biex is-sultan futur tagħhom “m’għandux iżomm għadd kbir taʼ żwiemel.” (Dewteronomju 17:16) Żwiemel tal-gwerra ma kinux meħtiġin għax Jehovah kien se jsalva lill-poplu tiegħu.
3. Liema mistoqsijiet jixraq li nikkunsidraw?
3 Il-Mulej Sovran Jehovah hu “Alla li jsalvana.” (Salm 68:21 [Salm 68:20, NW]) Xi ħsieb inkuraġġanti! Imma liema atti taʼ salvazzjoni wettaq Jehovah? U lil min salva?
Jehovah Jsalva lir-Retti
4. Kif nafu li Jehovah jsalva lil nies taʼ tjieba?
4 Dawk kollha li qed isegwu korsa retta bħala qaddejja dedikati t’Alla jistgħu jiksbu faraġ mill-kliem taʼ l-appostlu Pietru: “Jaf mela l-Mulej jeħles it-tajbin mit-tiġrib u jħalli l-ħżiena biex jieħdu l-kastig f’jum il-ġudizzju.” Bħala prova taʼ dan il-punt, Pietru qal li Alla “ma ħafirhiex lid-dinja tal-qedem – barra minn Noè, il-ħabbâr tal-ġustizzja, u sebgħa min-nies oħra – meta bagħat id-dulluvju fuq id-dinja tal-ħażen.”—2 Pietru 2:5, 9.
5. Noè taħt liema kundizzjonijiet qeda bħala “ħabbâr tal-ġustizzja”?
5 Immaġina lilek innifsek imdawwar mill-kundizzjonijiet taʼ żmien Noè. Fuq l-art hawn l-anġli mmaterjalizzati. In-nisel taʼ dawn l-anġli diżubbidjenti jaħqru lin-nies, u ‘l-art mimlija bil-vjolenza.’ (Ġenesi 6:1-12) Madankollu, Noè ma jħallihomx jintimidawh biex jabbanduna s-servizz taʼ Jehovah. Minflok, hu “ħabbâr tal-ġustizzja.” Hu u l-familja tiegħu jibnu arka, u qatt ma jiddubitaw li l-ħażen se jiġi eliminat fi żmienhom. Il-fidi taʼ Noè tikkundanna lil dik id-dinja. (Lhud 11:7) Il-kundizzjonijiet taʼ żmienna huma parallel maʼ dawk taʼ żmien Noè, u b’hekk jidentifikaw dan iż-żmien bħala l-aħħar jiem taʼ dis-sistema t’affarijiet mill-agħar. (Mattew 24:37-39; 2 Timotju 3:1-5) Allura, se tagħti int prova taʼ lealtà bħala predikatur tat-tjieba bħal Noè, waqt li taqdi flimkien mal-poplu t’Alla hekk kif tistenna s-salvazzjoni taʼ Jehovah?
6. It-Tieni Pietru 2:7, 8 kif jagħti prova li Jehovah jsalva lir-retti?
6 Pietru jipprovdi iżjed evidenza li Jehovah jsalva lil min hu rett. L-appostlu jgħid: “[Alla] ħeles biss lil Lot, raġel ġust, mifni kif kien ħtija taʼ l-imġiba bla rażan, tal-ħżiena - għax dan ir-raġel ġust, waqt li kien jgħix magħhom, b’dak li kien jara u jismaʼ minn jum għal ieħor, kien iħoss qalbu tingħafas quddiem l-imġiba ħażina tagħhom.” (2 Pietru 2:7, 8; Ġenesi 19:1-29) L-immoralità sesswali saret il-mod taʼ ħajja għal miljuni f’dawn l-aħħar jiem. Bħal Lot, tinsab int ‘mifni ħtija taʼ l-imġiba bla rażan’ minn tant nies illum? Jekk iva, u jekk qed tipprattika t-tjieba, tistaʼ tkun fost dawk salvati minn Jehovah meta dis-sistema ħażina tinġieb fi tmiem.
Jehovah Jsalva lill-Poplu Tiegħu mill-Oppressuri
7. Il-mod kif Jehovah ttratta maʼ l-Iżraeliti fl-Eġittu kif jagħti prova li hu jeħles lill-poplu tiegħu mill-oppressjoni?
7 Dment li tibqaʼ dis-sistema qadima, il-qaddejja taʼ Jehovah se jġarrbu persekuzzjoni u oppressjoni mill-għedewwa. Imma jistgħu jkunu fiduċjużi li Jehovah jeħlishom, għax hu salva lill-poplu oppress tiegħu fil-passat. Immaġina li kont Iżraelit li qed isofri oppressjoni minn idejn l-Eġizzjani fi żmien Mosè. (Eżodu 1:1-14; 6:8) Alla jolqot lill-Eġittu b’kastig wara l-ieħor. (Eżodu 8:5–10:29) Meta l-għaxar kastig qattiel jieħu l-ħajja taʼ l-ewwel imweldin taʼ l-Eġittu, il-Fargħun iħalli lil Iżrael jitlaq imma iktar tard iħejji l-forzi tiegħu u jitlaq jiġri għal warajhom. Fi żmien qasir, madankollu, hu u n-nies tiegħu jinqerdu fil-Baħar l-Aħmar. (Eżodu 14:23-28) Issieħeb maʼ Mosè u Iżrael kollu f’din l-għanja: “Il-Mulej gwerrier, Jaħweh ismu! L-imriekeb tal-Fargħun u qawwietu tefagħhom fil-baħar; l-aħjar fost il-gwerriera tiegħu f’Baħar il-Qasab għarraqhom! Belagħhom l-irdum, bħal ġebla niżlu fil-qiegħ.” (Eżodu 15:3-5) Hemm diżastru simili jistenna lill-avversarji kollha tal-poplu t’Alla f’dawn l-aħħar jiem.
8, 9. Mill-ktieb taʼ Mħallfin, agħti eżempju li juri li Jehovah jsalva lill-poplu tiegħu mill-oppressuri.
8 Għal bosta snin wara li l-Iżraeliti daħlu fl-Art Imwiegħda, imħallfin amministraw il-ġustizzja fosthom. Il-poplu xi drabi bata taħt oppressjoni barranija, iżda Alla uża mħallfin leali biex jeħlishom. Għalkemm aħna forsi bl-istess mod ‘nokorbu minħabba dawk li jaħqruna u jgħakksuna,’ Jehovah lilna se jsalvana wkoll bħala l-qaddejja leali tiegħu. (Mħallfin 2:16-18; 3:9, 15) Fil-fatt, il-ktieb taʼ Mħallfin fil-Bibbja jiżgurana minn dan u mis-salvazzjoni akbar li Alla se jipprovdi permezz taʼ l-Imħallef maħtur tiegħu, Ġesù Kristu.
9 Ejjew immorru lura għal żmien l-Imħallef Barak. Minħabba l-qima falza u d-diżapprovazzjoni divina, l-Iżraeliti esperjenzaw 20 sena taʼ dominanza ħarxa minn Ġabin, sultan taʼ Kangħan. Sisera hu l-kmandant taʼ l-eżerċtu militari kbir taʼ Kangħan. Iżda, ‘tarka f’Iżrael ma tidhirx, u lanqas lanza f’erbgħin elf f’Iżrael,’ għalkemm il-ġens għandu mnejn fih popolazzjoni taʼ xi erbaʼ miljuni. (Mħallfin 5:6-8) L-Iżraeliti jindmu u jgħajtu lil Jehovah għall-għajnuna. Taħt id-direzzjoni t’Alla permezz tal-profetessa Debora, Barak jiġbor 10,000 raġel fuq il-Muntanja Tabor, u Jehovah jiġbed lill-għadu fil-wied taʼ taħt din il-muntanja li tisboq lill-oħrajn kollha. Il-leġjuni taʼ Sisera flimkien maʼ 900 karru tal-gwerra jirbombjaw hekk kif jaqsmu l-pjanura u l-qiegħ niexef tax-xmara Kison. Imma xita bil-qliel timla lil Kison b’għarar qawwija taʼ ilmijiet. Hekk kif Barak u n-nies tiegħu jimmarċjaw ’l isfel minn fuq il-Muntanja Tabor misturin mit-tempesta, huma jaraw il-konfużjoni kkaġunata mill-espressjoni tal-qilla taʼ Jehovah. In-nies taʼ Barak jaħbtu għall-Kangħanin wieħed wieħed, hekk kif dawn jipprovaw jaħarbu mwerwrin, u ħadd minnhom ma jeħlisha. Xi twissija għall-oppressuri tagħna li jażżardaw jiġġieldu kontra Alla!—Mħallfin 4:3-16; 5:19-22.
10. Għala nistgħu nkunu żguri li Alla se jsalva lill-qaddejja tiegħu tal-preżent mill-oppressuri tagħhom kollha?
10 Jehovah se jsalva lill-qaddejja tiegħu tal-preżent mill-għedewwa oppressivi tagħhom kollha, sewwa sew bħalma salva lil Iżrael, li kellu l-biżaʼ t’Alla, fi żmien taʼ periklu. (Isaija 43:3; Ġeremija 14:8) Alla ħeles lil David “minn idejn l-għedewwa [kollha] tiegħu.” (2 Samwel 22:1-3) Għalhekk anki jekk aħna oppressi jew ippersegwitati bħala l-poplu taʼ Jehovah, ejjew inkunu kuraġġużi, għax is-Sultan Messjaniku tiegħu se jeħlisna mill-oppressjoni. Iva, “il-ħajja tal-fqajrin isalva. Jeħlishom [“jifdihom,” NW] mill-qerq u mill-moħqrija.” (Salm 72:13, 14) Dik il-fidwa hija tabilħaqq qrib.
Alla Jsalva lil Dawk li Jafdaw Fih
11. Iż-żagħżugħ David liema eżempju taʼ serħan fuq Jehovah pprovdielna?
11 Biex naraw is-salvazzjoni taʼ Jehovah, irridu nafdawh bil-kuraġġ kollu. David wera kuraġġ meta fada f’Alla u ħareġ biex jiltaqaʼ mal-ġgant Gulija. Immaġina lil dak il-Filisti m’għola sur wieqaf quddiem iż-żagħżugħ David, waqt li dan jgħidlu b’leħen għoli: “Inti ġejt lejja bix-xabla, bil-lanza u bil-vleġġa; iżda jien ġejt għalik b’isem il-Mulej taʼ l-eżerċti, Alla taʼ l-armata taʼ Iżrael, li int sfidajt. Illum stess il-Mulej jagħtik f’idejja, u jien nidorbok, naqtagħlek rasek minn fuqek, u ’l ġismek u l-iġsma taʼ l-armata tal-Filistin nagħtihom illum stess lit-tjur tas-smewwiet u lill-bhejjem taʼ l-art. U kulħadd isir jaf li hemm Alla f’Iżrael. U din il-kotra tagħraf illi l-Mulej ma jsalvax bix-xabla jew bil-lanza; għax il-gwerra f’idejn il-Mulej.” Gulija malajr jispiċċa mejjet, u l-Filistin jisfaw megħlubin għalkollox. Biċ-ċar, Jehovah salva lill-poplu tiegħu.—1 Samwel 17:45-54.
12. Għala jistaʼ jkun t’għajnuna li niftakru f’Elgħażar, ir-raġel setgħan taʼ David?
12 Meta niffaċċjaw il-persekuturi, għandna mnejn ikollna bżonn ‘nagħmlu l-kuraġġ’ u nafdaw f’Alla iktar bis-sħiħ. (Isaija 46:8-13, NW; Proverbji 3:5, 6) Innota dan l-inċident f’post imsejjaħ Pas-dammim. Iżrael irtira minn quddiem il-forzi Filistin. Imma Elgħażar, wieħed mit-tlitt irġiel l-iktar straordinarji taʼ David, ma jinħakimx mill-biżaʼ. Hu jieqaf f’għalqa tax-xgħir u waħdu joqtol lill-Filistin bix-xabla. B’hekk, ‘Jehovah salva lil Iżrael b’salvazzjoni kbira.’ (1 Kronaki 11:12-14, NW; 2 Samwel 23:9, 10) Ħadd ma jistenna li aħna negħlbu lil xi forza militari waħedna. Madankollu, nistgħu xi drabi nkunu waħedna u l-għedewwa jagħmlulna pressjoni. Se nistrieħu aħna bit-talb fuq Jehovah, dak Alla taʼ atti taʼ salvazzjoni? Se nfittxu l-għajnuna tiegħu biex ma nittradixxux lil sħabna fit-twemmin mal-persekuturi?
Jehovah Jsalva lil Dawk li Jżommu l-Integrità
13. Għala kien diffiċli li wieħed iżomm l-integrità lejn Alla fis-saltna t’għaxar tribujiet taʼ Iżrael?
13 Biex nesperjenzaw is-salvazzjoni taʼ Jehovah, irridu nżommu l-integrità lejh jiġri x’jiġri. Il-poplu t’Alla fi żmien il-qedem esperjenza diversi provi. Aħseb ftit dwar dak li stajt tiffaċċja li kieku kont tgħix fis-saltna t’għaxar tribujiet taʼ Iżrael. Il-ħruxija taʼ Reħobogħam qanqlet lill-għaxar tribujiet biex ma jibqgħux jappoġġawh u jifformaw is-saltna tat-Tramuntana taʼ Iżrael. (2 Kronaki 10:16, 17; 11:13, 14) Mill-ħafna slaten tagħha, Ġeħu kien l-aħjar wieħed, imma anki hu “ma qiesx li jimxi b’qalbu kollha fuq il-liġi tal-Mulej.” (2 Slaten 10:30, 31) Minkejja dan, is-saltna t’għaxar tribujiet kellha lil dawk li żammew l-integrità. (1 Slaten 19:18) Dawn eżerċitaw fidi f’Alla, u hu wera li kien magħhom. Minkejja xi provi tal-fidi tiegħek, qiegħed int iżżomm l-integrità lejn Jehovah?
14. Jehovah liema salvazzjoni wettaq fi żmien is-Sultan Ħeżekija, u x’wassal għall-konkwista taʼ Ġuda minn Babilonja?
14 Gwaj kbir waqaʼ fuq is-saltna taʼ Iżrael minħabba li l-Liġi t’Alla ġiet injorata kważi għal kollox. Meta l-Assirjani kkonkwistawha fis-sena 740 Q.E.K., individwi mill-għaxar tribujiet tagħha bla dubju ħarbu lejn is-saltna taʼ żewġ tribujiet taʼ Ġuda, fejn setgħu jqimu lil Jehovah fit-tempju tiegħu. Erbaʼ mid-19-il sultan taʼ Ġuda mil-linja taʼ David—Asa, Ġosafat, Ħeżekija, u Ġosija— kienu jispikkaw fid-devozzjoni tagħhom lejn Jehovah. Fi żmien Ħeżekija, li kien bniedem taʼ integrità, l-Assirjani ġew kontra Ġuda b’armata setgħana. Bi tweġiba għat-talb taʼ Ħeżekija, Alla uża biss anġlu wieħed biex joqtol 185,000 Assirjan f’lejl wieħed, u b’hekk ġab salvazzjoni lill-adoraturi Tiegħu! (Isaija 37:36-38) Iktar tard, in-nuqqas tan-nies li jħarsu l-Liġi u jagħtu kas tat-twissijiet tal-profeti t’Alla, wassal għall-konkwista taʼ Ġuda mill-Babilonja u l-qerda taʼ Ġerusalemm, il-kapitali tagħha, u tat-tempju fis-sena 607 Q.E.K.
15. Il-perseveranza għala kienet meħtieġa mill-eżiljati Lhud f’Babilonja, u eventwalment Jehovah kif ġab ħelsien?
15 Kienet meħtieġa l-perseveranza mill-eżiljati Lhud sabiex iżommu l-integrità lejn Alla matul il-jasar tagħhom f’Babilonja għal madwar 70 sena taʼ dwejjaq. (Salm 137:1-6) Wieħed li żamm l-integrità b’mod notevoli kien il-profeta Danjel. (Danjel 1:1-7; 9:1-3) Immaġina l-ferħ tiegħu meta fis-sena 537 Q.E.K. beda jopera d-digriet taʼ Ċiru, is-sultan Persjan, li kien jippermetti lil-Lhud jirritornaw lejn Ġuda biex jibnu t-tempju mill-ġdid! (Esdra 1:1-4) Danjel u oħrajn kienu ssaportew għal bosta snin, imma finalment raw il-waqgħa taʼ Babilonja u l-ħelsien tal-poplu taʼ Jehovah. Dan għandu jgħinna nuru perseveranza waqt li nistennew il-qerda taʼ “Babilonja l-Kbira,” l-imperu dinji taʼ reliġjon falza.—Apokalissi 18:1-5.
Jehovah Dejjem Isalva lill-Poplu Tiegħu
16. Alla liema salvazzjoni wettaq fi żmien ir-Reġina Ester?
16 Jehovah dejjem isalva lill-poplu tiegħu meta dan ikun leali lejn ismu. (1 Samwel 12:22; Isaija 43:10-12) Ejjew immorru lura għal żmien ir-Reġina Ester—il-ħames seklu Q.E.K. Is-Sultan Assweru (Xerxes I) ħatar lil Ħaman bħala prim ministru. Mgħaddab minħabba li Mordekaj il-Lhudi jirrifjuta li jmil quddiemu, Ħaman jikkomplotta li jeqred lilu u lil-Lhud kollha fl-Imperu Persjan. Hu jpinġihom bħala nies li jiksru l-liġi, jinkludi somma flus mat-talba tiegħu, u jitħalla juża ċ-ċurkett tas-sultan biex jissiġilla dokument li jordna l-qerda tagħhom. B’kuraġġ, Ester tirrivela lis-sultan li hi taʼ demm Lhudi u tikxef il-komplott qattiel taʼ Ħaman. Ħaman malajr isib ruħu mdendel maʼ l-istess zokk li kien ħejja għall-esekuzzjoni taʼ Mordekaj. Mordekaj jintgħamel prim ministru, b’awtorizzazzjoni li jħalli lil-Lhud jiddefendu lilhom infushom. Huma jagħmlu rebħa kbira fuq l-għedewwa tagħhom (Ester 3:1–9:19). Din il-ġrajja għandha ssaħħaħ il-fidi tagħna li Jehovah se jwettaq atti taʼ salvazzjoni għan-nom tal-qaddejja ubbidjenti tiegħu tal-preżent.
17. L-ubbidjenza kif lagħbet parti fil-ħelsien tal-Kristjani Lhud li kienu jgħixu fil-Lhudija fl-ewwel seklu?
17 Raġuni oħra għala Alla jsalva lill-poplu tiegħu hi għax huma jobdu lilu u lil Ibnu. Immaġina lilek innifsek minflok wieħed mid-dixxipli Lhud taʼ Ġesù fl-ewwel seklu. Hu jgħidilhom: “Meta mbagħad taraw lil Ġerusalemm magħluqa minn kullimkien bl-eżerċti, tkunu tafu li l-qerda tagħha tkun waslet. Ħa jaħarbu mbagħad lejn il-muntanji dawk li jkunu fil-Lhudija.” (Luqa 21:20-22) Jgħaddu s-snin, u int tibda titħasseb meta se jitwettaq dan il-kliem. Imbagħad isseħħ rewwixta Lhudija fis-sena 66 E.K. Forzi Rumani taħt Ċestjus Gallus idawru lil Ġerusalemm u javanzaw sas-swar tat-tempju. F’daqqa waħda r-Rumani jirtiraw mingħajr ebda raġuni ovvja. X’se jagħmlu l-Kristjani Lhud? Fl-Ecclesiastical History (It-Tielet Ktieb, kapitlu V, 3), miktub minn Ewsebju, dan jgħid li huma ħarbu minn Ġerusalemm u l-Lhudija. Huma nħelsu għaliex obdew it-twissija profetika taʼ Ġesù. Int daqstant pront li tikkonforma mal-gwida Skritturali pprovduta permezz tal-“prokuratur leali” maħtur fuq “dak kollu li jippossiedi” Ġesù?—Luqa 12:42-44, NW.
Salvazzjoni għall-Ħajja taʼ Dejjem
18, 19. (a) Il-mewt taʼ Ġesù liema salvazzjoni għamlet possibbli, u għal min? (b) L-appostlu Pawlu x’kien determinat li jagħmel?
18 Il-Kristjani Lhud fil-Lhudija salvaw għaliex huma taw kas tat-twissija taʼ Ġesù. Imma l-mewt taʼ Ġesù tagħmel possibbli s-salvazzjoni għall-ħajja taʼ dejjem għall-“bnedmin kollha.” (1 Timotju 4:10) Il-ħtieġa li l-umanità jkollha rahan qamet meta Adam dineb, u b’hekk tilef il-ħajja għalih innifsu u biegħ lir-razza umana fil-jasar għad-dnub u l-mewt. (Rumani 5:12-19) Is-sagrifiċċji taʼ l-annimali offruti taħt il-Liġi taʼ Mosè kienu biss għata simboliku għad-dnub. (Lhud 10:1-4) Ladarba Ġesù ma kellux missier uman u l-ispirtu qaddis t’Alla evidentement ‘xeħet id-dell tiegħu fuq’ Marija mill-mument li din ikkonċepiet sat-twelid taʼ Ġesù, hu twieled ħieles minn kull wirt taʼ dnub jew imperfezzjoni. (Luqa 1:35; Ġwann 1:29; 1 Pietru 1:18, 19) Meta Ġesù miet bħala wieħed li żamm l-integrità b’mod perfett, hu offra l-ħajja perfetta tiegħu stess biex jixtri lura u jeħles lill-umanità. (Lhud 2:14, 15) Kristu b’hekk “ta lilu nnifsu bħala prezz tal-fidwa għal kulħadd.” (1 Timotju 2:5, 6) Mhux kulħadd se japprofitta ruħu minn dan il-provvediment għas-salvazzjoni, imma Alla japprova l-applikar tal-benefiċċji tiegħu għal dawk li jaċċettawh bil-fidi.
19 Billi ppreżenta l-valur tas-sagrifiċċju tiegħu bħala rahan lil Alla fis-sema, Kristu xtara lura lil nisel Adam. (Lhud 9:24) Ġesù b’hekk jikseb Għarusa, ifformata minn 144,000 mis-segwaċi midlukin tiegħu rxoxtati għall-ħajja fis-sema. (Efesin 5:25-27; Apokalissi 14:3, 4; 21:9) Hu jsir ukoll “Missier għal dejjem” għal dawk li jaċċettaw is-sagrifiċċju tiegħu u jirċievu ħajja taʼ dejjem fuq l-art. (Isaija 9:5, 6 [Isaija 9:6, 7, NW]; 1 Ġwann 2:1, 2) X’arranġament taʼ mħabba! L-apprezzament taʼ Pawlu għal dan huwa evidenti fit-tieni ittra mnebbħa tiegħu lill-Kristjani f’Korintu, bħalma se juri l-artiklu li jmiss. Fil-fatt, Pawlu kien determinat li ma jħalli xejn itellfu milli jgħin lin-nies jieħdu vantaġġ mill-provvediment taʼ l-għaġeb taʼ Jehovah għas-salvazzjoni għall-ħajja taʼ dejjem.
Int Kif Twieġeb?
◻ Liema prova Skritturali hemm li Alla jsalva lill-poplu rett tiegħu?
◻ Kif nafu li Jehovah jsalva lil dawk li jafdaw fih u jżommu l-integrità tagħhom?
◻ Alla liema provvediment għamel għas-salvazzjoni għall-ħajja taʼ dejjem?
[Stampa f’paġna 12]
David fada f’Jehovah, dak ‘Alla taʼ salvazzjoni.’ Xi ngħidu għalik?
[Stampa f’paġna 15]
Jehovah dejjem isalva lill-poplu tiegħu, kif wera fi żmien ir-Reġina Ester