Meta Qlub Ibsin Jibdew Iwieġbu
FL-1989, IX-XHIEDA TAʼ JEHOVAH FIL-POLONJA ġew irrikonoxxuti legalment bħala organizzazzjoni reliġjuża. Xhieda li kienu ġew arrestati minħabba n-newtralità Kristjana tagħhom bdew jinħelsu bil-ftit il-ftit, u fil-ħabs dawn ħallew warajhom lil ħafna ħabsin li tant kienu jixtiequ jitgħallmu iktar dwar il-Bibbja mingħandhom. Dan hu r-rakkont taʼ kif ġo ħabs minnhom, ix-Xhieda taʼ Jehovah jħabirku biex jgħinu lil dawk li xi darba kellhom qalbhom iebsa, ħalli huma jwieġbu għall-qawwa tal-Kelma t’Alla.
F’WOŁÓW, belt bi 12,000 abitant fil-Majjistral tal-Polonja, hemm penitenzjarju li għandu mal-200 sena u li fih jinżammu xi wħud mill-agħar kriminali tal-Polonja. Minn mindu x-xogħol tax-Xhieda taʼ Jehovah ġie rrikonoxxut uffiċjalment, huma ħabirku biex iwasslu l-aħbar tajba tas-Saltna lill-ħabsin hemmhekk, u dan jagħmluh b’entużjażmu kbir.
X’kien li fetħilhom it-triq? Kienet ittra indirizzata lid-diretturi kollha tal-ħabsijiet fil-Polonja maħruġa mill-Ministeru tal-Ġustizzja fi Frar taʼ l-1990. L-ittra wissiethom li ma kellhom “jikkaġunaw l-ebda diffikultà” lil dawk il-ħabsin li riedu jirċievu l-pubblikazzjonijiet tal-Watch Tower jew li riedu jiltaqgħu max-Xhieda taʼ Jehovah. Ix-Xhieda, li xi wħud minnhom qattgħu snin twal fil-ħabs taʼ Wołów, kienu jafuhom sew lil dawk il-ħabsin li kienu saru qalbhom iebsa. Madankollu, huma straħu fuq Jehovah biex ibierek l-isforzi tagħhom sabiex iħallu l-verità tal-Bibbja trattab il-qlub ibsin taʼ ħabsin oħrajn.
Jinbeda x-Xogħol
“Kien diffiċli biex jinbeda l-programm,” jgħid Ħuna Czesław li kien ġie awtorizzat biex iżur il-ħabs ġewwa Wołów, u li kien mill-belt taʼ Wrocław, madwar 40 kilometru ’l bogħod. “Kellna ħafna diskussjonijiet twal maʼ l-uffiċjali tal-ħabs sakemm irnexxielna nikkonvinċuhom li ‘s-servizzi reliġjużi’ tagħna huma taʼ benefiċċju għall-priġunieri.”
Biex jikkomplika l-affarijiet, jiftakar Paweł, sieħeb Czesław, “fizzjal imlaħħaq insista li l-ħabsin kienu qegħdin sempliċement jużaw is-servizzi reliġjużi bħala skuża għall-qligħ materjali.” Imma meta fl-1991, tlett irġiel li darba kienu kriminali perikolużi ppreżentaw lilhom infushom għall-magħmudija, l-awtoritajiet tal-ħabs bidlu l-attitudni tagħhom, u l-kooperazzjoni tjiebet.
“Bdejna billi tajna xiehda lill-ħabsin, lill-familji tagħhom li kienu jiġu jżuruhom fil-ħabs, kif ukoll lil dawk li kienu jaħdmu fil-penitenzjarju,” jispjega Czesław. “Imbagħad qlajna permess biex nippridkaw l-aħbar tajba minn ċella għall-oħra, verament eċċezzjoni mhux tas-soltu. Fl-aħħar, meta sibna l-ewwel ftit li kienu interessati, ħallewna nużaw sala żgħira biex nikkonduċu studji tal-Bibbja u nagħmlu laqgħat Kristjani ġo fiha.” Iva, Jehovah fetaħ it-triq għal dawk il-qlub ibsin tal-priġunieri.
Programm Effettiv taʼ Edukazzjoni
Dik is-sala ċkejkna malajr bdiet issir żgħira ħafna għalina. Ladarba kemm il-priġunieri mgħammdin u kemm l-aħwa li kienu jiġu minn barra kienu bdew jieħdu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar, kien hemm daqs 50 ħabsi li bdew jattendu għal-laqgħat. “Domna iktar minn tliet snin nagħmlu l-laqgħat hemmhekk, u l-priġunieri kienu jattendu għal-laqgħat taʼ kull ġimgħa regolarment,” jispjega wieħed mill-anzjani taʼ dak il-post. Għalhekk, f’Mejju taʼ l-1995 ngħataw il-permess biex jużaw sala akbar.
L-aħwa responsabbli kif jiddeterminaw min jistaʼ jattendi għal-laqgħat li jsiru fil-ħabs? “Għandna lista taʼ priġunieri li juru interess sinċier għall-verità,” jispjegaw Ħutna Czesław u Zdzisław. “Jekk ħabsi ma jagħmilx progress jew jonqos li jattendi għal-laqgħat għal kull ħaġa taʼ xejn, u b’hekk ikun qed juri nuqqas t’apprezzament għal dawn il-provvedimenti, ismu jitħassar mil-lista u ninformaw lid-direttur tal-ħabs.”
Matul l-istudji tal-Bibbja li jikkonduċu, l-aħwa jgħallmu wkoll lill-priġunieri kif jippreparaw sew għal-laqgħat u kif jużaw il-letteratura tagħna b’mod effettiv. B’hekk, meta l-ħabsin jiġu għal-laqgħat, ikunu ppreparati sew u jipparteċipaw minn jeddhom. Huma jagħmlu kummenti li jibnu, jużaw il-Bibbji tagħhom b’sengħa kbira, u japplikaw il-pariri għalihom infushom, billi taʼ spiss jinkludu fil-kummenti tagħhom osservazzjonijiet bħal, ‘Mela rrid nagħmel din jew dik.’
“B’kollox, fil-ħabs taʼ Wołów qed jinżammu 20 studju tal-Bibbja. Tmienja minnhom jikkonduċuhom tliet pubblikaturi priġunieri,” jgħid is-segretarju tal-kongregazzjoni. Kellhom ukoll riżultati tajbin waqt l-ippridkar minn ċella għall-oħra u waqt il-passiġġati tagħhom fil-bitħa tal-ħabs. Per eżempju, matul l-għaxar xhur, minn Settembru taʼ l-1993 sa Ġunju taʼ l-1994, qassmu 235 ktieb, kważi 300 browxer, u 1,700 rivista. Reċentement, żewġ uffiċjali tal-ħabs talbu għal studju tal-Bibbja.
Assembleat Speċjali Jġibu l-Ferħ
Maż-żmien, żdied element ieħor mal-programm taʼ edukazzjoni f’dan il-ħabs, jiġifieri, l-assembleat speċjali. Indokraturi li jivvjaġġaw u aħwa kkwalifikati oħrajn jiġu fil-ġimm tal-ħabs biex jippreżentaw il-partijiet prinċipali tal-programmi taʼ l-assemblea tas-circuit u tal-jum t’assemblea speċjali. L-ewwel assemblea speċjali saret f’Ottubru taʼ l-1993. Attendew ħamsin ħabsi, u “familji sħaħ, inkluż nisa u tfal żgħar, ġew minn Wrocław,” irrapportat il-gazzetta Słowo Polskie, u l-attendenza totali kienet taʼ 139. Il-waqfa taʼ nofsinhar fil-programm taʼ l-assemblea pprovdiet opportunità għal ikla ppreparata mill-aħwa nisa, kif ukoll ħin għal sħubija Kristjana mill-aħjar.
Minn dakinhar ’l hawn saru sebaʼ assembleat speċjali oħrajn, u l-benefiċċji laħqu mhux biss lil dawk fil-ħabs imma anki lil dawk taʼ barra. Meta Oħt kellmet lil wieħed li darba kien ħabsi ġewwa Wołów u li issa kien jgħix ġol-belt, dan għall-ewwel kien pjuttost negattiv. Imma meta qaltlu li ċertu ħabsi kien sar Xhud, ir-raġel ma setax jemmen: “Kif jistaʼ jkun, dak il-qattiel issa sar Xhud?” B’riżultat taʼ dan, ir-raġel aċċetta studju tal-Bibbja.
Seħħet Bidla Meraviljuża
Dan il-programm taʼ edukazzjoni fuq skala kbira tassew rattabhom il-qlub ibsin tal-ħabsin? Ejjew inħallu lilhom jirrakkontaw l-istejjer tagħhom.
“Qatt ma kont naf min huma l-ġenituri tiegħi għaliex dawn abbandunawni meta kont għadni żgħir, u l-iktar li kont inħossni mweġġaʼ kien minħabba li ħadd ma kien iħobbni,” jistqarr Zdzisław, bniedem ħosbien di natura. “Kmieni f’ħajti, ġejt involut fil-kriminalità, billi eventwalment wettaqt delitt. Is-sens taʼ ħtija ġagħalni nikkunsidra l-possibbiltà li nikkommetti suwiċidju, u kont b’mod iddisprat qed infittex tama vera. Imbagħad, fl-1987, ġiet f’idi r-rivista t-Torri taʼ l-Għassa. Minnha sirt naf dwar it-tama taʼ l-irxoxt u l-ħajja taʼ dejjem. Billi rrealizzajt li kien għad hemm tama, neħħejt l-idea li nagħmel suwiċidju minn ġo moħħi u bdejt nistudja l-Bibbja. Issa sirt naf xi tfisser l-imħabba permezz taʼ Jehovah u taʼ l-aħwa.” Dan li darba kien qattiel, ilu mill-1993 bħala qaddej ministerjali u pijunier awżiljarju, u s-sena l-oħra sar pijunier regulari.
Tomasz, min-naħa l-oħra, mill-ewwel aċċetta studju tal-Bibbja. “Madankollu, ma kontx qed inkun sinċier,” hu jistqarr. “Kont qed nistudja sempliċement għax kont nieħu pjaċir niffanfra meta nispjega t-twemmin tax-Xhieda taʼ Jehovah lil oħrajn. Imma l-verità tal-Bibbja ma tantx kont qed neħodha bis-serjetà. Darba waħda, iddeċidejt li mmur għal-laqgħa Kristjana. Il-priġunieri mgħammdin tant laqgħuni tajjeb. Irrealizzajt li minflok ma noqgħod nipprova niffanfra b’kemm naf, kien hemm bżonn li nrattab il-qalb iebsa li kelli u nbiddel il-mentalità tiegħi.” Tomasz beda jilbes il-personalità Kristjana ġdida. (Efesin 4:22-24) Illum, huwa Xhud iddedikat u mgħammed, u l-għaxqa tiegħu hi li jippriedka minn ċella għall-oħra.
Pressjonijiet mill-Ħbieb taʼ Qabel
Dawk li saru jafu bil-verità tal-Bibbja minn ġol-ħabs kellhom pressjonijiet kbar mill-ħbieb taʼ qabel taċ-ċella u mill-uffiċjali tal-ħabs. Wieħed minnhom jiftakar: “Il-ħin kollu kienu jgħaddu ż-żmien bija u jwaqqgħuni għaċ-ċajt. Imma żammejt f’moħħi l-kliem inkuraġġanti taʼ l-aħwa. ‘Ibqaʼ itlob lil Jehovah,’ qaluli. ‘Aqra l-Bibbja tiegħek u tħoss il-paċi ġewwa fik.’ Dan tassew għeni.”
“Sħabi l-priġunieri bla ħniena qalu ħafna kattiveriji kontrija,” jgħid Ryszard, ħu mgħammed u li hu robust. “‘Tistaʼ tmur għal-laqgħat tiegħek, imma tipprovax tkun prominenti u tippretendi li int aħjar, OK?’ kienu jwissuni. Tgħidx kemm kelli nsofri meta għamilt bidliet f’ħajti minħabba li applikajt il-prinċipji tal-Bibbja. Kienu jħarbtuli s-sodda, jitfgħuli l-letteratura tal-Bibbja ’l hemm u ’l hawn, u kienu jagħmluli mandra fil-parti tiegħi taċ-ċella. Kont nitlob lil Jehovah biex jgħinni nikkontrolla lili nnifsi u mbagħad kont naqbad u nnaddaf il-parti taċ-ċella tiegħi bil-kwiet. Wara ftit dawn l-attakki waqfu.”
“Meta l-priġunieri sħabna jaraw li nkunu ħadna deċiżjoni soda biex naqdu lil Jehovah,” jgħidu xi priġunieri mgħammdin oħrajn, “il-pressjoni tieħu xejra oħra. X’aktarx jgħidulna, ‘Ftakru, intom ma tistgħux tixorbu, tpejpu, jew tigdbu iktar.’ Pressjoni bħal din tgħin biex wieħed jikkontrolla lilu nnifsu, u b’hekk malajr ineħħi kwalunkwe vizzju jew abbuż. Tgħin ukoll biex wieħed jikkultiva l-frott taʼ l-ispirtu.”—Galatin 5:22, 23.
Isiru Qaddejja Ddedikati t’Alla
Bil-permess taʼ l-awtoritajiet tal-ħabs, l-ewwel magħmudija seħħet fil-ġimm fir-rebbiegħa taʼ l-1991. Zdzisław kien il-kandidat ferħan. Għal din l-okkażjoni attendew tnax-il ħabsi, u 21 ħu u oħt mill-kongregazzjonijiet. Il-laqgħa kellha effett inkuraġġanti fuq il-priġunieri. Ftit minnhom tant għamlu progress rimarkevoli, li iktar tard f’dik is-sena tgħammdu żewġ ħabsin oħrajn. Sentejn wara, fl-1993, kien hemm żewġ magħmudijiet, u sebaʼ ħabsin oħrajn issimbolizzaw id-dedikazzjoni tagħhom lil Jehovah!
Waqt li rrapportat dwar il-magħmudija li saret f’Diċembru, il-gazzetta lokali, Wieczór Wrocławia, osservat: “In-nies kontinwament deħlin fis-sala tal-ġimm, jifirħu b’xulxin u jieħdu b’idejn xulxin. Ħadd ma jħossu ħuta barra mill-ilma hawnhekk. Dawn jifformaw familja waħda kbira, magħqudin fil-ħsieb, fil-mod taʼ ħajja tagħhom, u f’li jaqdu Alla wieħed, Jehovah.” Dik il-“familja waħda kbira” dakinhar kienet tikkonsisti f’135 persuna, inkluż 50 ħabsi. Ejjew niltaqgħu maʼ ftit minnhom.
Jerzy, li tgħammed f’Ġunju, jgħid: “Għalkemm snin ilu kelli xi ftit kuntatt mal-verità tal-Bibbja, ġo fija kelli qalb iebsa. Frodi, divorzju mill-ewwel mara tiegħi, relazzjonijiet illeċiti maʼ Krystyna, tarbija barra miż-żwieġ, u l-fatt li kont dieħel u ħiereġ il-ħabs—din kienet ħajti.” Billi ra kif kriminali oħrajn taʼ qalb iebsa saru Xhieda waqt li kienu fil-ħabs, hu beda jistaqsi lilu nnifsu: ‘Nistaʼ jien ukoll insir raġel aħjar?’ Hu talab għal studju tal-Bibbja u beda jattendi għal-laqgħat. Madankollu, il-vera bidla seħħet meta sar jaf mill-prosekutur pubbliku li Krystyna kienet ilha tliet snin li saret waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah. “Bqajt imbellah!” jgħid Jerzy. “Ħsibt, ‘U jien? X’qed nagħmel?’ Irrealizzajt li biex inkun approvat minn Jehovah, kelli nirranġa ħajti.” Bħala riżultat, seħħet rijunjoni taʼ ferħ fil-ħabs—maʼ Krystyna u binthom Marzena taʼ 11-il sena. F’qasir żmien illegalizzaw iż-żwieġ tagħhom. Għalkemm għadu l-ħabs u jkollu l-burdati tiegħu, reċentement Jerzy tgħallem il-lingwa bis-sinjali waħdu u kapaċi jgħin lill-priġunieri li huma torox.
Mirosław kien diġà involut f’attivitajiet kriminali meta kien għadu l-iskola primarja. Tgħidx kemm kien jammira dak li kienu jagħmlu ħbiebu, u malajr beda jagħmel bħalhom. Kien seraq jew ta xebgħa lil diversi wħud. Imbagħad spiċċa l-ħabs. “Meta sibt ruħi l-ħabs, mort għand il-qassis għall-għajnuna,” jistqarr Mirosław. “Imma kont ferm iddiżappuntat. Għalhekk, iddeċidejt li noqtol ruħi b’idejja billi nieħu l-velenu.” Preċiż f’dak il-jum li ppjana li jneħħi ħajtu, ġie ttrasferit ġo ċella oħra. Hemmhekk sab kopja taʼ It-Torri taʼ l-Għassa li kienet titkellem dwar l-iskop tal-ħajja. “L-informazzjoni sempliċi u ċara wriet li kienet sewwa sew dak li kelli bżonn,” hu jżid. “Issa ridt ngħix! Għalhekk, tlabt lil Jehovah u tlabt lix-Xhieda għal studju tal-Bibbja.” Hu malajr għamel progress fl-istudju tiegħu tal-Bibbja u tgħammed fl-1991. Issa qed jaqdi bħala pijunier awżiljarju fil-ħabs, u għandu l-privileġġ li jippriedka minn ċella għall-oħra.
Sa dak iż-żmien kienu tgħammdu 15-il priġunier. Is-sentenzi tagħhom f’daqqa jammontaw għal kważi 260 sena. Xi wħud ġew meħlusin qabel għax tnaqqsitilhom is-sentenza tagħhom. Priġunier minnhom naqqsulu 10 snin mis-sentenza tiegħu taʼ 25 sena. U ħafna minn dawk li wrew interess waqt li kienu fil-ħabs, tgħammdu u saru Xhieda wara li ġew meħlusin. Barra minn hekk, hemm erbaʼ detenuti oħrajn fil-ħabs li qed jippreparaw għall-magħmudija.
Għarfien mill-Awtoritajiet tal-Ħabs
“Il-bidla fl-attitudni tal-ħabsin kienet partikolarment taʼ min jinnotaha,” jgħid rapport tal-ħabs. “Ħafna waqfu jpejpu, u qed iżommu ċ-ċelel tagħhom nodfa. Bidliet bħal dawn fil-kondotta huma evidenti f’ħafna ħabsin.”
Il-gazzetta Życie Warszawy tirrapporta li l-mániġment tal-penitenzjarju ġewwa Wołów ammetta li “dawk li kkonvertew huma ddixxiplinati; ma joħolqux problemi lill-għassiesa tal-ħabs.” L-artiklu jinnota wkoll li dawk li nħelsu qabel għax tnaqqsitilhom is-sentenza tagħhom integraw sew fiċ-ċirku tax-Xhieda taʼ Jehovah u ma jerġgħux lura għall-kriminalità.
U x’inhi l-opinjoni tad-direttur tal-ħabs? “Ix-xogħol tax-Xhieda taʼ Jehovah f’dan il-penitenzjarju huwa apprezzat ferm u t’għajnuna,” hu jgħid. Id-direttur jammetti li “matul l-istudju tagħhom tal-Bibbja [max-Xhieda], il-valuri u l-livelli tal-ħabsin jinbidlu, u dawn jagħtuhom forza ġdida li tiggwidahom f’ħajjithom. Il-kondotta tagħhom hija verament prudenti u edukata. Huma ħaddiema diliġenti, u ma joħolqu kważi ebda problemi.” M’għandniex xi ngħidu, kummenti favorevoli bħal dawn mill-awtoritajiet jieħdu gost bihom ix-Xhieda li jaħdmu mal-ħabsin fil-ħabs taʼ Wołów.
Dawn ix-Xhieda li jżuru l-ħabs japprezzaw bis-sħiħ il-kliem taʼ Ġesù: “Jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi, u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili, . . . huma jisimgħu leħni, u jkun hemm merħla waħda, ragħaj wieħed.” (Ġwann 10:14, 16) Lanqas saħansitra l-ħitan tal-ħabs ma jistgħu jżommu lura lir-Ragħaj mill-Aħjar, Ġesù Kristu, milli jiġbor uħud bħal nagħaġ. Ix-Xhieda ġewwa Wołów huma grati li għandhom il-privileġġ li jieħdu sehem f’dan is-servizz ferrieħi. U jfittxu lil Jehovah għall-barka kontinwa tiegħu f’li jgħinu lil ħafna iktar qlub ibsin iwieġbu għall-aħbar tajba tas-Saltna qabel ma jiġi t-tmiem.—Mattew 24:14.
[Kaxxa f’paġna 27]
Problema taʼ “adult tifel”
“Taʼ spiss, wara li wieħed ikun ilu l-ħabs għal ftit taż-żmien, jitlef is-sens taʼ xi jfisser li jgħix fil-libertà, jew għalih waħdu,” josservaw ix-Xhieda li jaħdmu fil-penitenzjarju taʼ Wołów. “Essenzjalment ikun hemm problema taʼ ‘adult tifel,’ bniedem li meta jiġi meħlus mill-ħabs ma jkunx jaf kif jieħu ħsieb tiegħu nnifsu. Huwa għalhekk li l-irwol tal-kongregazzjoni huwa ferm iktar milli sempliċement ngħallmuh il-verità tal-Bibbja. Irridu wkoll nippreparawh biex isir parti mill-komunità, u nwissuh dwar perikli u tentazzjonijiet ġodda li għandu mnejn jiffaċċja. Għalkemm irridu noqogħdu attenti li ma nkunux protettivi żżejjed, irridu ngħinuh biex jibda ħajja ġdida.”