Minn Appartamenti Għoljin fl-Ibliet Għal Tundra Deżolata—Morru Għand in-Nies
LA X-XITA, la l-borra, la s-silġ, la l-ilpup, la l-iljuni tal-muntanji, u lanqas territorju ostili ma setgħu jmewtu l-ispirtu tagħhom taʼ determinazzjoni. B’veloċità taʼ l-għaġeb, huma għaddew bil-galopp 3,000 kilometru, billi qasmu kampanja fil-beraħ, xmajjar imfawrin, u widien fondi biex iġorru posta urġenti lejn il-Kosta tal-Punent. Min kienu?
Kienu r-rikkieba żgħażagħ u taʼ gazz tal-pony express.a X’kien li qanqal spirtu intens bħal dan f’dawn l-irġiel żgħażagħ? X’aktarx l-isfida, l-avventura, u s-sodisfazzjon taʼ li jwasslu l-posta. Taʼ interess, kull rikkieb kien iġorr Bibbja fil-basket tas-sarġ flimkien mal-posta taʼ prijorità.
Iktar minn seklu wara, spirtu akbar taʼ determinazzjoni, entużjażmu, u devozzjoni qiegħed jintwera minn iktar minn 113,000 proklamatur devot tas-Saltna minn mal-Kanada kollha. X’inhi l-motivazzjoni tagħhom? Imħabba għal Alla u għall-proxxmu tispirahom iqassmu l-verità tas-Saltna bil-paġna stampata u bil-fomm. Din il-verità li tagħti l-ħajja hija bil-wisq iktar urġenti minn kwalunkwe posta mqassma mill-pony express. Iva, huwa l-messaġġ prezzjuż tas-Saltna mill-Bibbja Mqaddsa, l-istess ktieb li kien jinstab fil-basktijiet tas-sarġ li kellhom ir-rikkieba tal-pony express.—Proverbji 2:21, 22; Isaija 2:2-4; 61:2; Mattew 22:37-39; 24:14.
Immotivati mill-Imħabba għal Jehovah u għan-Nies
Ix-Xhieda taʼ Jehovah jħobbu jitkellmu man-nies dwar is-Saltna. Issibhom jagħmlu dan f’appartamenti għoljin fl-ibliet, f’komunitajiet remoti tat-tundra, f’terminals taʼ l-ajruporti, fit-toroq u f’postijiet pubbliċi oħrajn, u fuq it-telefon. Għala f’postijiet varji bħal dawn?
L-istili taʼ ħajja li qed jinbidlu minħabba kundizzjonijiet ekonomiċi u demografiċi huma taʼ sfida formidabbli biex jinstabu n-nies fid-djar. F’ħafna każi, kemm ir-raġel u kemm il-mara jaħdmu biex jieħdu ħsieb in-neċessitajiet materjali bażiċi tal-familja u taʼ spiss jittraskuraw il-bżonnijiet spiritwali. Fost pressjonijiet u tensjonijiet bħal dawn, huma jeħtieġu disperatament messaġġ taʼ tama li jqawwi l-qalb. Ix-Xhieda taʼ Jehovah jwieġbu bil-ferħ. Billi jużaw id-diskrezzjoni u l-qalb tajba, huma joħolqu opportunitajiet biex iwasslu l-aħbar tajba lil kull xorta taʼ nies b’manjiera li tappella u li tqanqal il-ħsieb.—1 Timotju 2:3, 4.
F’Lingwi Oħrajn: Meta Ġesù kkmanda lis-segwaċi tiegħu biex ‘jagħmlu dixxipli,’ hu ħalla post għal inizjattiva u determinazzjoni f’li jitwassal il-messaġġ taʼ tama lin-nies taʼ kull lingwa. (Mattew 28:19) Bħal ħafna pajjiżi oħrajn, il-Kanada saret soċjetà mħallta b’kulturi u lingwi differenti, u ħafna proklamaturi tas-Saltna addattaw ruħhom billi tgħallmu lingwi ġodda.
Per eżempju, koppja miżżewġa, li huma ministri full-time f’Edmonton, Alberta, raw f’belthom il-bżonn li jintlaħqu nies li kienu jitkellmu biċ-Ċiniż Mandarin. L-ewwel, madankollu, il-koppja kellhom bżonn jitgħallmu l-lingwa, u għalhekk ikkuntattjaw student universitarju li kien jitkellem bil-Mandarin. Hu qabel li jgħallimhom il-lingwa u fl-istess ħin jitgħallem veritajiet Bibliċi mingħandhom. X’sitwazzjoni ideali! Fi żmien 24 xahar dawn iż-żewġ proklamaturi devoti tas-Saltna kienu kkwalifikati li jgħallmu bil-Mandarin. Fl-istess waqt, l-għalliem/student tagħhom ikkwalifika għall-magħmudija Kristjana.
Esperjenzi simili qed jitgawdew fi bliet oħrajn hekk kif proklamaturi tas-Saltna, immotivati mill-imħabba, jitgħallmu lingwi bħall-Pollakk, ir-Russu, u l-Vjetnamiż.
Waqt Vjaġġi fit-Triq: Bħar-rikkieba tal-pony express fis-seklu li għadda, li vvjaġġaw waħedhom, xi proklamaturi tas-Saltna fil-qalba tal-British Columbia jivvjaġġaw waħedhom. Ħafna mill-ħin tagħhom iqattgħuh fix-xogħol sekulari tagħhom isuqu trakkijiet enormi bl-injam minn ġo kampanja salvaġġa għal impjanti taʼ sserrar. Dan jirrikjedi kuntatt kontinwu maʼ sewwieqa tat-trakkijiet oħrajn permezz tas-CB (citizens band) radio, biex jikkomunikaw dwar l-ammont taʼ traffiku u l-perikli fit-toroq.
Billi jużaw il-kreattività tagħhom, dawn il-proklamaturi tas-Saltna jużaw is-CB radio tagħhom b’mod uniku. Jibdew diskussjonijiet fuq is-CB billi jsemmu ġrajjiet kurrenti. Imbagħad bis-sengħa jirreferu għall-Bibbja. F’każ minnhom, wieħed mis-sewwieqa wieġeb għal dak li l-Bibbja tgħid rigward it-tama għall-mejtin. (Ġwann 5:28, 29; Atti 24:15) Il-mewt taʼ sewwieq sieħbu f’aċċident tat-triq iddisturbatu profondament. Bi gratitudni hu aċċetta studju tal-Bibbja u issa jistaʼ jinstemaʼ jipproklama l-aħbar tajba lil ħaddiema sħabu u lil ħbiebu. Iktar minn hekk, b’ferħ għalih, studju tal-Bibbja nbeda maʼ l-armla tal-ħabib mejjet tiegħu. Xi premju talli ttieħdet l-inizjattiva biex jiġi ppreżentat il-messaġġ tal-verità li jagħti l-ħajja b’dan il-mod mhux tas-soltu!
Bl-Ajru: Meta jkunu jridu jqassmu l-messaġġ prezzjuż tal-verità, proklamaturi żelużi tas-Saltna jmorru fejn qegħdin in-nies, billi ‘jidħlu fl-irħula’ b’ajruplani żgħar. (Mattew 10:11, 12) Xi ftit żmien ilu, żewġ gruppi bl-ajruplani, imqanqlin miż-żelu li jiddikjaraw l-aħbar tajba u minn buthom stess, marru għand in-nies imxerrdin fil-medda vasta tat-tundra deżolata. Kull grupp bl-ajruplan għamel xi 3,000 kilometru u niżel f’14-il komunità differenti, billi resqu 250 kilometru viċin iċ-Ċirku Artiku. Dawn il-proklamaturi enerġetiċi komplew għal sebat ijiem sħaħ jilħqu lin-nies iżolati minn distanzi kbar.
U kien dan kollu vallapena? Aħseb ftit dwar l-impatt pożittiv li l-messaġġ tal-Bibbja kellu fuq dawn il-komunitajiet. Il-ministri viżitaturi għenu biex jimtela bżonn spiritwali vitali meta indikaw il-fatturi ewlenin taʼ l-iskop taʼ Jehovah għal ġenna fuq l-art fil-futur qarib. (Mattew 5:3) Żmien twil wara li jkunu telqu dawk li ġarrew il-messaġġ, in-nies taʼ qalb onesta fil-komunitajiet se jkunu jistgħu jaqraw mill-524 Bibbja u għajnuniet għall-istudju tal-Bibbja u t-3,000 rivista li tpoġġew f’idejhom.—Qabbel Atti 12:24.
Bit-Telefon: Eluf taʼ wħud li jgħixu fl-ibliet joqogħdu f’appartamenti għoljin ħafna u li għandhom sistema taʼ sigurtà sofistikata. Minkejja dan, proklamaturi dedikati tas-Saltna jkomplu jaħdmu b’żelu u diskrezzjoni. Kif jirnexxilhom imorru fejn qegħdin dawn in-nies? Fil-waqt li kuntatt wiċċ imbwiċċ huwa preferibbli, taʼ spiss l-interkom fl-intrata taʼ l-appartamenti jintuża b’suċċess. Meta dan m’huwiex possibbli, huma jħallu lis-swabaʼ tagħhom jagħmlu x-xogħol, billi jċemplu lin-nies bit-telefon.
Għodwa waħda mara anzjana wieġbet it-telefon tagħha. Wara tislima fil-qosor u bl-edukazzjoni, ġiet mistoqsija jekk kinitx taħseb li għad ikun hawn żmien meta n-nies se jkunu jistgħu jimxu fit-toroq bil-lejl fis-sigurtà. Inqrawlha xi skritturi biex jiżgurawha li l-paċi se tkun abbundanti fil-futur. (Salm 37:10, 11; Danjel 2:44; Mattew 6:9, 10) Hi qablet li tinżamm konversazzjoni bit-telefon il-ġimgħa taʼ wara fl-istess ħin biex jiġi diskuss għala nistgħu nemmnu l-wegħdi taʼ Alla. Wara xahar studju tal-Bibbja fuq it-telefon, b’qari taʼ paragrafi minn għajnuna għal studju tal-Bibbja u billi saru mistoqsijiet addattati, il-proklamatriċi tas-Saltna rċeviet tifħir mill-mara talli kull ġimgħa kienet titħaddet fuq daqstant suġġetti differenti. Kien wasal il-waqt li jiġi deskritt il-ktieb taʼ studju u kopja persunali tiġi offruta lilha. Saru arranġamenti biex jiltaqgħu personalment. Tassew, ix-Xhieda taʼ Jehovah wrew imħabbithom lejn in-nies, u n-nies qed iwieġbu, billi jirrikonoxxu li Jehovah qiegħed maʼ dawn il-predikaturi Kristjani.—Qabbel l-1 Korintin 14:25.
Bil-Paġna Stampata: Proklamaturi tas-Saltna fil-provinċja taʼ Quebec fejn il-Franċiż huwa l-lingwa predominanti, ukoll qed imorru fejn qegħdin in-nies. Ministru li jivvjaġġa osserva: “Għal bosta snin l-aħwa ħassew li ma kien qed isir ebda progress minħabba l-oppożizzjoni ħarxa mill-knisja. Imma permezz tax-xogħol bla heda li għamlu l-aħwa u ż-żjajjar ripetuti tagħhom, il-Bibbja, li kważi kważi kienet ktieb mhux magħruf u moqri biss mill-minoranza, issa għandha postha fil-parti l-kbira tad-djar.”
Riżultati eċċitanti qed jitgawdew hekk kif evanġelizzaturi ġodda jiġu mil-livelli kollha tas-soċjetà taʼ Quebec, inkluża l-komunità medika. Dan huwa l-każ taʼ wieħed tabib. Martu, hija nfisha proklamatriċi tas-Saltna, kienet taʼ spiss tiddiskuti t-tama tal-Bibbja miegħu. Anzjan tal-kongregazzjoni aġixxa fil-pront u ħa l-inizjattiva biex jistieden lit-tabib għal-laqgħa tal-kongregazzjoni fiż-żmien li kien qed jiġi studjat il-browxer Id-Demm Kif Jistaʼ Jsalvalek Ħajtek? Hu ġie u pparteċipa wkoll. Billi kien impressjonat bil-kwalità u l-profondità spiritwali tad-diskussjonijiet, hu aċċetta li jsirlu studju persunali tal-Bibbja. Issa hu wkoll huwa proklamatur tas-Saltna.
L-użu effettiv tar-rivisti kellu rwol importanti f’li jiġbed lin-nies lejn il-Bibbja. Ma tistax tgħid liema artiklu se jkun l-influwenza motivanti li tiġbed lil xi ħadd lejn il-verità. Waħda proklamatriċi tas-Saltna offriet ħarġa taʼ Stenbaħ! lill-ġâra tagħha li ma riditx tismaʼ l-messaġġ imma li kienet interessata fl-insetti. Ir-ritratt fl-artiklu taʼ l-Awake! tat-22 taʼ Novembru, 1992, “Chagas’ Disease—A Kiss of Death” qajmilha l-kurżità. Impressjonata b’dak li qrat, hi talbet għal iktar rivisti. Inbeda studju tal-Bibbja, u fi żmien sitt xhur kienet qed tagħti xiehda lil oħrajn.
F’Postijiet Pubbliċi: Il-liġi Kanadiża tippermetti l-libertà tal-kelma f’postijiet pubbliċi, bħalma huma l-ajruporti. Fl-Ajruport Internazzjonali taʼ Halifax, proklamaturi tas-Saltna javviċinaw b’mod diskret lil vjaġġaturi bejn it-titjiriet, billi jdaħħluhom f’konversazzjonijiet. Mistoqsijiet f’waqthom u li jwasslu għall-punt jiġu wżati biex jidderieġu l-konversazzjoni lejn il-Bibbja. Peress li jġorru Bibbja żgħira u xi letteratura, huma jistgħu jwieġbu għal bżonnijiet spiritwali. Kirurgi, xjenzati, avukati, piloti, membri tal-kleru, pulizija, sewwieqa tat-taksi, inġiniera, għalliema, nies tal-militar, u politikanti minn pajjiżi barranin huma fost dawk li semgħu l-messaġġ tas-Saltna b’dan il-mod u ġarrew magħhom żrieragħ tal-verità biex jinbtu f’pajjiżi ’l bogħod.—Kolossin 1:6.
Kmieni għodwa waħda fl-ajruport, wieħed raġel aċċetta r-rivisti It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! Imbagħad qal minn taħt l-ilsien b’vuċi kalma: “Le, ma jistax ikun, mhux ix-Xhieda taʼ Jehovah!” Għala rreaġixxa hekk? Ir-raġel kien Musulman devot li ftit qabel kien qiegħed jitlob fil-kappella taʼ l-ajruport. Hu kien talab lil Alla biex jurih l-għerf, id-dehen, u l-verità. Il-ħsieb li x-Xhieda taʼ Jehovah kienu tweġiba immedjata għat-talba tiegħu sempliċement ħallietu mbellah.
Tassew, il-proklamaturi kuraġġużi tas-Saltna fil-Kanada ma jħallu xejn ifixkilhom milli jippreżentaw il-messaġġ prezzjuż tas-Saltna. Ma jħallu la lingwi barranin, la toroq imħarbtin u maħmuġin, la komunitajiet remoti, lanqas bini taʼ appartamenti fl-ibliet b’sigurtà sofistikata jiskuraġġuhom. Huma ddeterminati li jqassmu l-messaġġ taʼ Alla għall-ħajja lil dawk taʼ qalb onestà li qed ifittxu l-verità. Flimkien mal-fratellanza mad-dinja kollha taʼ ħaddiema sħabhom, huma jobdu bla egoiżmu l-kmand taʼ Ġesù biex ‘imorru jagħmlu dixxipli.’—Mattew 28:19.
[Nota taʼ taħt]
a Il-pony express kien servizz postali fl-Istati Uniti li eżista għal perijodu qasir taʼ 18-il xahar mill-1860 sa l-1861.
[Kaxxa f’paġna 27]
Proklamaturi tas-Saltna li Jirnexxu Jużaw it-Telefon
Xi wħud qalu: “Hello. Jien jisimni [agħti ismek]. Kont qed nitkellem fil-qosor man-nies fil-blokk tiegħek dwar kif tistaʼ tinkiseb il-paċi. Taħseb li qatt se jkun hawn paċi mad-dinja kollha? [Agħti ċans għal tweġiba.] Biex isserraħ rasek, jien m’iniex qed nagħmel xi stħarriġ jew inbigħ xi ħaġa. Minflok, kont qed naqsam il-ħsieb mill-Iskrittura Mqaddsa li Alla attwalment se jġib il-paċi.” Imbagħad il-konversazzjoni tistaʼ tkompli b’diskussjoni Skritturali qasira.
Oħrajn qalu: “Il-lejla t-tajba. Jien jisimni [agħti ismek]. Jien volontier fl-inħawi tiegħek. Kont qed nieħu l-opinjonijiet taʼ individwi li jgħixu fil-blokk tiegħek. Ħafna huma kkonċernati dwar is-sigurtà persunali meta jħarsu lejn il-vjolenza u l-kriminalità li qed jiżdiedu fl-inħawi tagħna. Tikkonċernak lilek din il-ħaġa? [Agħti ċans għal tweġiba.] Taħseb li qatt se jkun hawn żmien meta d-dinja kollha se tħossha fis-sigurtà?” Agħti ċans għal risposta, u kompli b’messaġġ Skritturali.