Il-Knejjes Jammettu Ħtijiethom
“Il-Papa Jgħaddi Ġuri lill-Knisja.” “L-Inkwiżizzjoni u l-Anti-Semitiżmu—Il-Knisja Qed Tipprepara l-Mea Culpa Tagħha.”a “Mea Culpa għall-Olokawst.” “Il-Metodisti Jitolbu Skuża lill-Indjani taʼ l-Amerka tal-Punent.”
QRAJT int titli bħal dawn fil-gazzetti? Donnu li dejjem iktar spiss, il-knejjes qegħdin jieħdu t-tort u jitolbu skuża għal dak li għamlu matul is-sekli. Il-mezzi tax-xandir qegħdin jagħtu prominenza, bla ma jaqtgħu xejn, lil stqarrijiet taʼ mea culpa ġodda li jagħmel il-Papa.
Meta l-Papa Jitlob Maħfra
Bejn l-1980 u l-1996, Ġwanni Pawlu II ‘rrikonoxxa l-ħtijiet storiċi tal-Knisja jew talab maħfra’ mill-inqas 94 darba, jgħid il-kummentatur għall-Vatikan Luigi Accattoli fil-ktieb tiegħu Quando il papa chiede perdono (Meta l-Papa Jitlob Maħfra). Skond Accattoli, “fil-Knisja Kattolika, il-Papa biss għandu dritt jagħmel stqarrija taʼ mea culpa.” U hekk għamel, billi rrefera għall-iktar paġni kontroversjali taʼ l-istorja Kattolika—il-Kruċjati, il-gwerer, l-appoġġ lid-dittatorjati, il-firda fil-knejjes, l-anti-Semitiżmu, l-Inkwiżizzjonijiet, il-Mafja, u r-razziżmu. F’memorandum li ntbagħat fl-1994 lill-kardinali (li huwa meqjus minn xi wħud bħala l-iktar dokument importanti tal-pontifikat), Ġwanni Pawlu II ppropona “ammissjoni ġenerali u millennjali tad-dnubiet.”
Xi prelati segwew l-eżempju tal-Papa. F’Diċembru taʼ l-1994, il-gazzetta Taljana Il Giornale rrapportat: “Ħafna isqfijiet Amerikani dehru fuq it-televixin u talbu maħfra pubblikament.” Għal xiex? Talli ssottovalutaw il-problema taʼ qassisin li jabbużaw sesswalment mit-tfal, għad-dannu taʼ ħafna vittmi żgħar. F’Jannar taʼ l-1995, il-gazzetta La Repubblica għamlet rapport dwar “ġest li bħalu qatt ma sar qabel fl-istorja tal-Kattoliċiżmu kontemporanju”—ġiet ittrattata l-problema tas-skiet li żamm Papa Piju XII f’konnessjoni maʼ l-Olokawst. F’Jannar taʼ l-1995, l-istess gazzetta rrapportat li l-episkopat tal-Ġermanja talab maħfra għall-“ħafna ħtijiet” tal-Kattoliċi Rumani li appoġġjaw id-delitti tan-Nazi. Diversi knejjes Protestanti wkoll bdew jikkritikaw lilhom infushom.
Għala?
Il-Bibbja tinkuraġġina biex nitolbu maħfra meta jkollna tort, u ħafna juru l-approvazzjoni tagħhom meta l-knejjes jikkritikaw lilhom infushom. (Ġakbu 5:16) Imma l-knejjes għala qed jagħmlu hekk? Dan kif għandu jeffettwa l-mod kif inħarsu lejhom?
[Nota taʼ taħt f’paġna 3]
a Il-frażi Latina għal “ħtija tiegħi,” parti minn talba tal-Kattoliċi (il-Confiteor jew, “l-Istqarrija tad-Dnubiet”), li fiha l-fidili jirrepetu din l-espressjoni.