Int Ottimist jew Pessimist?
“KIEN żmien mill-aħjar, u żmien mill-agħar; . . . kienet ir-rebbiegħa tat-tama, u x-xitwa taʼ qtigħ il-jies; kien żmien meta quddiemna kellna kollox u ma kellna xejn.” Il-kliem tal-ftuħ tal-kapulavur letterarju taʼ Charles Dickens A Tale of Two Cities (Ġrajja Taʼ Żewgt Ibliet, traduzzjoni taʼ Karmenu Vassallo), jikkuntrasta b’sengħa kbira kif il-ġrajjiet jistgħu jeffettwaw il-ħsibijiet tagħna, is-sentimenti tagħna, u l-ħarsa tagħna lejn l-affarijiet.
Iż-żewġt ibliet li saret referenza għalihom kienu Londra u Pariġi matul it-taqlib tar-Rivoluzzjoni Franċiża. Għaċ-ċittadini mgħakksin fi Franza tas-seklu 18, il-proklamazzjoni tar-rivoluzzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem kienet tabilħaqq “ir-rebbiegħa tat-tama.” Imma għal dawk taʼ l-ancien régime, jew is-sistema politika li kienet qed tispiċċa, kienet “ix-xitwa taʼ qtigħ il-jies,” li kienet twassal għall-mewt u l-qerda.
Ottimiżmu jew pessimiżmu? Kollox kien jiddependi fuq maʼ liema naħa kont iżżomm. U għadu hekk sal-lum.
Żmien biex Teżamina Lilek Innifsek
Int ottimist? Tħares int lejn l-aspett pożittiv tal-ħajja, billi dejjem tantiċipa l-aħjar li jistaʼ jiġri? Jew int inklinat li tkun pessimist, tħares b’mod negattiv lejn il-prospetti li għandek, billi tittama għall-aħjar imma fl-istess ħin tistenna li kollox se jmur ħażin?
Sittin sena ilu, ir-rumanzier Amerikan James Branch Cabell ġabar b’dan il-mod iż-żewġ filosofiji li kienu f’konflitt: “L-ottimist jiddikjara li ngħixu fl-aqwa dinja li qatt tistaʼ teżisti; u l-pessimist jibżaʼ li dan huwa minnu.” Jekk tħoss li din hija ħarsa pjuttost ċinika, eżamina l-fatturi favur u kontra taʼ biss tliet aspetti tad-dinja tal-lum kif inhuma ppreżentati hawn taħt. Imbagħad analizza r-reazzjonijiet tiegħek, u staqsi lilek innifsek, ‘Jien ottimist jew pessimist?’
Paċi Dejjiema: Kemm-il reġjun fejn hemm l-inkwiet fid-dinja tistaʼ ssemmi? L-Irlanda, l-ex Jugoslavja, il-Lvant Nofsani, il-Burundi, l-Irwanda—dawn mill-ewwel jiġu f’moħħok. Dawn u konflitti oħrajn jistgħu qatt jiġu solvuti biex tiġi assigurata paċi globali permanenti? Hija d-dinja riesqa lejn il-paċi?
Stabbiltà Ekonomika: Fil-waqt li qegħdin jittamaw li jkun hawn għaqda monetarja sa l-1999, pajjiżi membri taʼ l-Unjoni Ewropea qegħdin jiffaċċjaw serjament problemi bl-inflazzjoni u bis-self lill-gvern f’forma taʼ ishma. Fi bnadi oħrajn, il-korruzzjoni qed tmermer l-istruttura ekonomika taʼ ħafna pajjiżi Amerikani u Afrikani, fejn l-inflazzjoni tpoġġi piż li kważi ma jifilħuhx, u problemi etniċi għadhom iġibu l-firda. Hija stabbiltà ekonomika dinjija preċiż quddiemna?
Il-Qgħad: Fl-elezzjoni nazzjonali taʼ l-1997, il-knejjes Britanniċi ngħaqdu biex iħeġġu lill-partiti politiċi kollha biex ipoġġu x-xogħol għal kulħadd fin-naħa taʼ fuq taʼ l-aġenda tagħhom. Imma bi kważi 30 fil-mija tan-nies eliġibbli għax-xogħol li jinsabu mingħajr impjieg jew m’għandhomx xogħol biżżejjed, jistaʼ jkun hemm xogħol permanenti għal kulħadd—speċjalment għal dawk li għadhom żgħar?
Kemm hu faċli li jiġuk ħsibijiet pessimisti! Madankollu, hemm bażi biex tkun ottimist, u nistidnuk tikkunsidra kif inhu possibbli li tiżviluppa ħarsa ottimista.
[Stampa f’paġna 3]
Ir-Rivoluzzjoni Franċiża
[Sors]
Mill-ktieb Pictorial History of the World