Il-Barkiet tal-Ministeru Bħala Pijunier
“Il-barka tal-Mulej iġġib l-għana, u xejn ma jżid magħha t-taħbit tagħna.”—PROVERBJI 10:22.
1, 2. (a) Wieħed pijunier kif esprima s-sentimenti tiegħu rigward il-ministeru full-time? (b) Il-pijunieri għala qegħdin f’pożizzjoni li jħossu iktar bis-sħiħ il-ferħ taʼ li jagħmlu dixxipli?
“JISTAʼ jkun hemm xi ferħ akbar milli tara lil xi ħadd li tistudja miegħu jsir attiv f’li jfaħħar lil Jehovah? Huwa eċċitanti u jsaħħaħ il-fidi li tara kemm il-Kelma t’Alla għandha qawwa f’li timmotiva lin-nies biex jagħmlu bidliet f’ħajjithom sabiex jogħġbu lil Jehovah.” Hekk kiteb wieħed pijunier mill-Kanada li ilu iktar minn 32 sena fil-ministeru full-time. Hu jgħid, rigward il-ministeru tiegħu bħala pijunier: “Ma nimmaġinanix nagħmel xi ħaġa oħra. Żgur li ma nimmaġina ebda ħaġa li tistaʼ ġġibli l-istess ferħ.”
2 Taqbel int li hemm ferħ kbir f’li jkollok sehem f’li tgħin lil xi ħadd fi triqtu lejn il-ħajja? M’għandniex xi ngħidu, il-pijunieri m’humiex l-uniċi wħud li jesperjenzaw ferħ bħal dan. Il-qaddejja taʼ Jehovah kollha għandhom l-inkarigu li “[j]agħmlu dixxipli mill-ġnus,” u huma jistinkaw biex dan iwettquh. (Mattew 28:19) Madankollu, ladarba l-pijunieri jistgħu jqattgħu ħafna sigħat fis-servizz taʼ l-għalqa, qegħdin spiss f’pożizzjoni li jħossu b’mod iktar sħiħ il-ferħ taʼ li jagħmlu dixxipli. Imma x-xogħol taʼ pijunier għandu premjijiet oħrajn. Tkellem mal-pijunieri, u dawn se jgħidulek li x-xogħol taʼ pijunier huwa mod stupend biex tesperjenza ‘l-barka taʼ Jehovah li ġġiblek l-għana.’—Proverbji 10:22.
3. X’jistaʼ jqanqalna hekk kif inkomplu naqdu lil Jehovah?
3 Dan l-aħħar, pijunieri minn diversi partijiet tad-dinja ġew mitlubin jiddeskrivu l-barkiet li esperjenzaw fil-ministeru full-time. Ejjew nikkunsidraw x’kellhom xi jgħidu. Tiskuraġġix ruħek, iżda, jekk is-servizz tiegħek huwa limitat minħabba nuqqas taʼ saħħa, età avanzata, jew ċirkostanzi oħrajn. Ftakar, l-importanti hu li taqdi lil Jehovah b’ruħek kollha, hi x’inhi l-kariga tiegħek. Xorta waħda, li tismaʼ l-kummenti taʼ xi pijunieri għandu mnejn iżid l-interess tiegħek f’li taqbad din l-attività premjanti jekk qatt ikun possibbli.
Sentimenti Profondi Taʼ Sodisfazzjon u Ferħ
4, 5. (a) Li naqsmu l-aħbar tajba m’oħrajn għala hi esperjenza daqstant premjanti? (b) Il-pijunieri kif iħossuhom dwar li jieħdu sehem fil-ministeru full-time?
4 “Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu,” qal Ġesù. (Atti 20:35) Iva, l-għoti bla egoiżmu jġib il-premjijiet minnu nnifsu. (Proverbji 11:25) Dan hu minnu b’mod speċjali fejn jinvolvi l-qsim taʼ l-aħbar tajba m’oħrajn. Verament, liema għotja akbar nistgħu nagħtu lil bniedem bħalna iktar milli ngħinuh jikseb l-għarfien dwar Alla, li jwassal għall-ħajja taʼ dejjem?—Ġwann 17:3.
5 Mhux taʼ b’xejn, mela, li dawk li jieħdu sehem fil-ministeru full-time taʼ spiss jikkummentaw dwar il-ferħ u s-sens profond taʼ sodisfazzjon li jiksbu mill-ministeru tagħhom. “Jiena naf li ebda xogħol ieħor qatt ma setaʼ jġibli s-sodisfazzjon li ksibt milli naqsam il-verità m’oħrajn,” jgħid pijunier taʼ 64 sena mill-Gran Britannja. Armla minn Zaire esprimiet dak li x-xogħol bħala pijuniera kien sar ifisser għaliha: “Is-servizz bħala pijuniera kien taʼ faraġ reali għalija wara t-telfa taʼ l-għażiż żewġi. Iktar ma noħroġ fis-servizz biex ngħin oħrajn, inqas inħoss it-telfa traġika. Inqiegħed il-fidi tiegħi fil-wegħdi taʼ Jehovah u naħseb l-iktar dwar kif, lil dawk li nistudja magħhom, nistaʼ ngħinhom jagħmlu bidliet fil-ħajjiet tagħhom. Meta tgħaddi l-ġurnata, ngħasi jkun ħelu, u qalbi tkun mimlija ferħ.”
6. Xi pijunieri ġarrbu liema ferħ speċjali?
6 Xi wħud li ilhom pijunieri għal bosta għexur taʼ snin kellhom il-ferħ speċjali li jaqdu f’inħawi remoti, billi stabbilew kongregazzjonijiet, li eventwalment kibru f’circuits. Per eżempju, f’Abashiri, Hokkaido (l-iktar gżira ’l fuq tal-Ġappun), hemm oħt li ilha pijuniera għal 33 sena. Hi tiftakar li fl-ewwel assemblea tagħha tas-circuit—għal Hokkaido kollha—kien hemm biss 70 li attendew. U issa? Hemm 12-il circuit f’dik il-gżira, b’total taʼ iktar minn 12,000 pubblikatur. Immaġina kif tfur bil-ferħ qalbha meta tattendi l-assembleat u l-konvenzjonijiet mal-qtajjaʼ taʼ proklamaturi sħabha tas-Saltna f’dik il-gżira!
7, 8. Il-biċċa l-kbira tal-pijunieri antiki liema ferħ ġarrbu?
7 Pijunieri antiki oħrajn kellhom il-ferħ li jaraw studenti tal-Bibbja jitgħammdu u mbagħad jirsistu għal privileġġi akbar taʼ servizz. Fil-Ġappun waħda oħt li kienet qdiet f’disaʼ inkarigi differenti bħala pijuniera mill-1957 ’l hawn tiftakar li ħalliet rivista Stenbaħ! maʼ mara żagħżugħa li kienet taħdem ġo bank. Fi żmien disaʼ xhur il-mara żagħżugħa tgħammdet. Iktar tard iżżewġet, u hi u żewġha saru pijunieri speċjali. X’ferħ ħasset l-oħt pijuniera meta, fit-tielet inkarigu tagħha, il-kongregazzjoni tagħha kellha żjara mingħand l-indokratur il-ġdid tas-circuit u martu—dik li qabel kienet studenta tagħha tal-Bibbja!
8 Mhux taʼ b’xejn li dawk li għamlu l-ministeru bħala pijunieri l-karriera tagħhom iqisuh bħala “privileġġ imprezzabbli li għandna ngħożżuh,” bħalma esprima ruħu wieħed li ilu 22 sena pijunier!
Evidenza Taʼ Kemm Jehovah Jieħu Ħsiebna
9. Bħala l-Provditur il-Kbir, Jehovah x’iwiegħed lill-qaddejja tiegħu, u dan x’ifisser għalina?
9 Jehovah, il-Provditur il-Kbir, iwiegħed li jwieżen lill-qaddejja tiegħu, billi jieħu ħsiebhom spiritwalment u materjalment. Setaʼ jgħid tajjeb is-Sultan David tal-qedem: “Kont żagħżugħ, u issa xjeħt, u qatt ma rajt il-ġust minsi, jew uliedu jittallbu ħobżhom.” (Salm 37:25) M’għandniex xi ngħidu, din il-garanzija divina ma tiskużaniex mill-obbligu li nipprovdu materjalment għall-familji tagħna, lanqas ma tagħtina d-dritt li nabbużaw mill-ġenerożità taʼ ħutna Kristjani. (1 Tessalonikin 4:11, 12; 1 Timotju 5:8) Iżda, meta minn jeddna nagħmlu sagrifiċċji fil-ħajjiet tagħna sabiex naqdu lil Jehovah iżjed bis-sħiħ, hu qatt ma se jabbandunana.—Mattew 6:33.
10, 11. Mill-esperjenza, ħafna pijunieri x’jafu dwar l-abbiltà taʼ Jehovah li jipprovdi?
10 Pijunieri mad-dinja kollha jafu mill-esperjenza li Jehovah jipprovdilhom lil dawk li jerħu ruħhom fl-idejn ħanina tiegħu. Ikkunsidra l-każ taʼ koppja pijuniera li marret toqgħod f’belt żgħira fejn kien hemm bżonn akbar għal predikaturi tas-Saltna. Wara ftit xhur, ix-xogħol sekulari skarsa, u l-flus li kienu faddlu nefquhom. Imbagħad irċevew kont taʼ $81 għall-insurance tal-karozza. “Ma stajna nħallsuh bl-ebda mod,” jispjega l-ħu. “Dik il-lejla tlabna kemm flaħna.” L-għada, irċevew kartolina taʼ tislija mingħand familja li wkoll kienet qiegħda tissara finanzjarjament. Il-familja kienet irċeviet xi flus lura minn tat-taxxi, huma spjegaw fil-kartolina, u peress li ħadu lura iktar flus milli kienu antiċipaw, huma riedu jagħtu ftit minnhom lill-koppja pijuniera. Mal-kartolina kien hemm ċekk taʼ $81! “Qatt ma ninsieh dak in-nhar—ix-xagħar taʼ ġismi qamli xewk xewk!” jgħid il-ħu pijunier. “Tant apprezzajna l-ġenerożità taʼ din il-familja.” Jehovah wkoll japprezza qalb tajba bħal din, li hi tipika taʼ l-ispirtu ġeneruż li hu jinkuraġġixxi fil-qaddejja tiegħu.—Proverbji 19:17; Lhud 13:16.
11 Ħafna pijunieri jistgħu jirrakkontaw esperjenzi simili. Staqsihom, u jgħidulek li huma qatt ma ġew ‘minsijin.’ Billi jħares lura lejn 55 sena fil-ministeru full-time, pijunier li għandu 72 sena jgħid, “Jehovah qatt ma ddiżappuntani.”—Lhud 13:5, 6.
“Mod Eċċellenti Biex Tersaq Eqreb Lejn Jehovah”
12. Ix-xogħol taʼ l-ipproklamar taʼ l-aħbar tajba għala hu privileġġ daqstant straordinarju?
12 Għandna nqisuh privileġġ li Jehovah saħansitra jitlobna nipproklamaw l-aħbar tajba tas-Saltna. Hu jikkunsidra lilna—għalkemm bnedmin imperfetti—bħala ‘ħaddiema sħab miegħu’ f’din l-attività li ssalva l-ħajja. (1 Korintin 3:9; 1 Timotju 4:16) Hekk kif nippridkaw lil oħrajn dwar is-Saltna t’Alla, hekk kif nipproklamaw dwar tmiem il-ħażen, hekk kif nispjegaw lin-nies dwar l-imħabba meraviljuża tiegħu f’li pprovda r-rahan, hekk kif niftħu l-Kelma ħajja tiegħu u ngħallmu l-kontenut prezzjuż tagħha lil nies taʼ qalb onesta, awtomatikament aħna nersqu eqreb lejn il-Ħallieq tagħna, Jehovah.—Salm 145:11; Ġwann 3:16; Lhud 4:12.
13. Xi wħud x’jgħidu dwar l-effett tal-ministeru tagħhom bħala pijunieri fuq ir-relazzjoni tagħhom maʼ Jehovah?
13 Il-pijunieri jistgħu jqattgħu ħafna ħin kull xahar jitgħallmu u jgħallmu dwar Jehovah. Kif iħossu li dan jeffettwa r-relazzjoni tagħhom m’Alla? “Ix-xogħol taʼ pijunier hu mod eċċellenti biex tersaq eqreb lejn Jehovah,” iwieġeb anzjan fi Franza li ilu pijunier għal iktar minn għaxar snin. Pijunier ieħor f’dak il-pajjiż, li qattaʼ 18-il sena fil-ministeru full-time, jgħid: “Is-servizz bħala pijunier iħallina ‘nduqu u naraw kemm hu tajjeb Jehovah,’ jum wara l-ieħor billi ninsġu relazzjoni dejjem iżjed qawwija mal-Ħallieq tagħna.” (Salm 34:9 [Salm 34:8, NW]) Oħt fil-Gran Britannja li ilha 30 sena pijuniera tħossha l-istess. “Il-fatt li jkolli nistrieħ fuq l-ispirtu taʼ Jehovah għall-gwida fil-ministeru tiegħi jressaqni eqreb lejh,” tgħid. “Jien verament ħassejt li l-ispirtu taʼ Jehovah kemm-il darba dderiġieni lejn xi dar partikulari fil-waqt xieraq.”—Qabbel Atti 16:6-10.
14. Il-pijunieri kif jibbenefikaw mill-użu li jagħmlu jum wara l-ieħor mill-Bibbja u minn pubblikazzjonijiet ibbażati fuqha biex jgħallmu lil oħrajn?
14 Ħafna pijunieri jsibu li l-użu li jagħmlu mill-Bibbja u minn pubblikazzjonijiet ibbażati fuqha jum wara l-ieħor biex jispjegaw u jgħallmu veritajiet Skritturali jgħinhom jikbru fl-għarfien tal-Kelma t’Alla. Ħu taʼ 85 sena fi Spanja li ilu 31 sena pijunier jispjega: “Ix-xogħol taʼ pijunier għenni nikseb għarfien profond tal-Bibbja, għarfien li wżajtu biex ngħin lil ħafna nies isiru jafu lil Jehovah u l-iskopijiet tiegħu.” Waħda oħt mill-Gran Britannja li ilha 23 sena pijuniera tgħid: “Il-ministeru full-time għenni nikkultiva aptit qawwi għal ikel spiritwali.” Il-fatt li tispjega lil oħrajn ‘il-għala tat-tama li għandek’ jistaʼ jsaħħaħlek il-konvinzjonijiet tiegħek stess rigward it-twemmin li tgħożż. (1 Pietru 3:15) Jgħid wieħed pijunier mill-Awstralja: “Ix-xogħol taʼ pijunier itejjeb il-fidi tiegħi hekk kif nesprimi ruħi m’oħrajn.”
15. Ħafna x’kienu lesti li jagħmlu sabiex jidħlu fil-ministeru bħala pijunieri u jibqgħu fih, u għala?
15 Jidher ċar li dawn il-ministri pijunieri huma konvinti li għażlu għamla taʼ servizz li ġġib barkiet bla għadd mingħand Jehovah. Mhux taʼ b’xejn li ħafna kienu lesti li jagħmlu xi aġġustamenti fil-ħajjiet tagħhom, saħansitra billi ssagrifikaw karriera sekulari u għana materjali, biex daħlu fil-ministeru bħala pijunieri u baqgħu fih!—Proverbji 28:20.
Tixxennaq Qalbek Biex Tagħmel Iżjed?
16, 17. (a) Jekk qed tikkunsidra hux possibbli għalik ix-xogħol taʼ pijunier, x’tistaʼ tagħmel? (b) Xi wħud kif iħossuhom meta ma jkunux jistgħu jaqdu bħala pijunieri?
16 Wara li rajna x’jgħidu l-pijunieri dwar il-barkiet tal-ministeru bħala pijunier, għandek mnejn qed tikkunsidra jekk ix-xogħol taʼ pijunier hux prattiku għalik. Jekk inhu hekk, għax ma titkellimx maʼ xi pijunier li kellu suċċess fil-ministeru full-time? Forsi ssibha t’għajnuna wkoll li titkellem maʼ wieħed mill-anzjani tal-kongregazzjoni, xi ħadd li jafek—jaf l-istat taʼ saħħtek, il-limitazzjonijiet tiegħek, u r-responsabbiltajiet tiegħek tal-familja. (Proverbji 15:22) Il-kummenti realistiċi t’oħrajn jistgħu jgħinuk tiżen bir-reqqa jekk ix-xogħol taʼ pijunier huwiex possibbli għalik. (Qabbel Luqa 14:28.) Jekk int kapaċi tagħmel ix-xogħol taʼ pijunier, kbar tabilħaqq se jkunu l-barkiet tiegħek.—Malakija 3:10.
17 Xi ngħidu, iżda, dwar il-ħafna pubblikaturi leali tas-Saltna li m’humiex f’pożizzjoni li jaqdu bħala pijunieri, għalkemm forsi jixxennqu biex jagħmlu iżjed fil-ministeru? Ikkunsidra, per eżempju, is-sentimenti taʼ waħda oħt Kristjana li qiegħda tissara biex trabbi ’l-erbat itfal tagħha waħedha. “Inħossni mdejqa,” tgħid hi, “għaliex qabel kont pijuniera regulari, imma issa, minħabba ċ-ċirkostanzi tiegħi, ma nistax noħroġ għas-servizz taʼ l-għalqa daqs kemm kont qabel.” Din l-oħt tħobbhom ħafna lit-tfal tagħha u trid tipprovdi għalihom. Fl-istess ħin, hi tixxennaq biex tagħmel iżjed fix-xogħol taʼ l-ippridkar. “Il-ministeru nħobbu,” hi tispjega. Kristjani devoti oħrajn li l-imħabba tagħhom għal Alla tqanqalhom biex jixtiequ jaqdu lil Jehovah ‘b’qalbhom kollha’ għandhom l-istess sentimenti.—Salm 86:12.
18. (a) Jehovah x’jistenna minna? (b) Għala m’għandniex naqtgħu qalbna jekk iċ-ċirkostanzi jillimitaw dak li nistgħu nagħmlu?
18 Ftakar li dak li Jehovah jistenna minna hu servizz b’ruħna kollha. L-ammont taʼ dan is-servizz jistaʼ jvarja konsiderevolment minn ruħ għal ruħ. Xi wħud jistgħu jirranġaw l-affarijiet tagħhom sabiex jaqdu bħala pijunieri regulari. Ħafna oħrajn jagħtu isimhom biex jaqdu bħala pijunieri awżiljarji minn żmien għal żmien jew fuq bażi kontinwa, billi jqattgħu 60 siegħa kull xahar fil-ministeru. Fil-biċċa l-kbira, madankollu, in-nies taʼ Jehovah jiddedikaw lilhom infushom għall-ippridkar u t-tagħlim b’ruħhom kollha bħala pubblikaturi tal-kongregazzjoni. Mela jekk int verament limitat b’nuqqas taʼ saħħa, età avanzata, responsabbiltajiet tal-familja, jew xi ċirkostanzi oħrajn, taqtax qalbek. Dment li tagħti mill-aqwa tiegħek, is-servizz tiegħek hu imprezzabbli f’għajnejn Alla, bħalma hu taʼ dawk li jaqdu fil-ministeru full-time!
Ilkoll Nistgħu Nuru L-Ispirtu Taʼ Pijunier
19. X’inhu l-ispirtu taʼ pijunier?
19 Avolja ma tkunx tistaʼ sservi bħala pijunier, int ukoll tistaʼ turi l-ispirtu taʼ pijunier. X’inhu l-ispirtu taʼ pijunier? Il-ħarġa taʼ Lulju 1988 taʼ l-Our Kingdom Ministry stqarret: “Dan jistaʼ jiġi definit bħala li jkollok attitudni pożittiva lejn il-kmand biex tippriedka u tagħmel dixxipli, li tħossok marbut li turi mħabba u tħassib għan-nies, li tissagrifika lilek innifsek, li ssib ferħ f’li ssegwi ’l-Imgħallem mill-qrib, u li ssib għaxqa f’affarijiet spiritwali, mhux materjali.” Kif tistaʼ turih l-ispirtu taʼ pijunier?
20. Il-ġenituri kif jistgħu juru l-ispirtu taʼ pijunier?
20 Jekk inti ġenitur bi tfal żgħar, tistaʼ b’qalbek kollha tirrikmandalhom il-karriera taʼ pijunier. L-attitudni pożittiva tiegħek lejn il-ministeru tistaʼ tittimbra fihom il-bżonn li jagħmlu s-servizz taʼ Jehovah l-iktar ħaġa importanti f’ħajjithom. Tistaʼ tistieden lil xi pijunieri u lil indokraturi li jivvjaġġaw u n-nisa tagħhom f’darek biex uliedek ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-eżempji taʼ dawk li sabu ferħ fil-ministeru full-time. (Qabbel Lhud 13:7.) Saħansitra fi djar maqsumin reliġjożament, ġenituri li jemmnu jistgħu jgħinu lil uliedhom, bil-kliem u bl-eżempju, jagħmlu l-ministeru full-time il-mira tagħhom fil-ħajja.—2 Timotju 1:5; 3:15.
21. (a) Kif nistgħu lkoll kemm aħna nagħtu appoġġ lil dawk li qegħdin jaqdu bħala pijunieri? (b) L-anzjani x’jistgħu jagħmlu biex jinkuraġġixxu lill-pijunieri?
21 Fil-kongregazzjoni, aħna lkoll nistgħu nagħtu appoġġ b’qalbna kollha lil dawk li jistgħu jagħmlu x-xogħol taʼ pijunier. Per eżempju, tistaʼ int toħroġ barra minn triqtek biex taħdem maʼ pijunier fil-ministeru, speċjalment f’ħinijiet meta l-pijunier inkella jkollu jaħdem waħdu? Int tabilħaqq tistaʼ ssib li se ‘tqawwu lil xulxin.’ (Rumani 1:11, 12) Jekk int anzjan, tistaʼ saħansitra tagħmel iktar biex tinkuraġġixxi ’l-pijunieri. Meta tiltaqaʼ l-ġemgħa taʼ l-anzjani, huma għandhom regolarment jikkunsidraw il-bżonnijiet tal-pijunieri. Meta pijunier jiġi skuraġġit jew ikun qiegħed iġarrab xi diffikultajiet, tgħaġġilx biex tirrikmanda li hu jew hi jieqfu mix-xogħol taʼ pijunier. Fil-waqt li f’ċerti każi jistaʼ jkun neċessarju li tirrikmanda ħaġa bħal din, tinsiex li x-xogħol taʼ pijunier huwa privileġġ prezzjuż li l-qaddej full-time għandu mnejn jgħożż b’mod profond. Ftit inkuraġġiment u xi parir jew għajnuna prattika jistgħu jkunu dak kollu li jkun hemm bżonn. L-uffiċċju tal-fergħa fi Spanja jikteb: “Meta l-anzjani jinkuraġġixxu x-xogħol taʼ pijunier, jappoġġjaw lill-pijunieri fil-ministeru taʼ l-għalqa, u jirgħuhom regolarment, il-pijunieri jkollhom iktar ferħ, iħossuhom bżonnjużi, u jkunu jridu jkomplu minkejja xi ostakli li jistgħu jqumu.”
22. F’dan il-perijodu kritiku taʼ l-istorja umana, x’għandna nkunu determinati li nagħmlu?
22 Aħna qegħdin ngħixu f’perijodu kritiku taʼ l-istorja umana. Jehovah tana xogħol li jsalva l-ħajja x’inwettqu. (Rumani 10:13, 14) Kemm jekk nistgħu nieħdu sehem f’dan ix-xogħol full-time bħala pijunieri u kemm jekk le, ejjew nuru l-ispirtu taʼ pijunier. Ħalli jkollna sens t’urġenza u spirtu taʼ li nissagrifikaw lilna nfusna. Ejjew inkunu determinati li nagħtu lil Jehovah dak li jitlob minna—servizz b’ruħna kollha. U ħalli niftakru li meta nagħtu dak kollu li nistgħu, kemm jekk jixbah liż-żewġ muniti żgħar taʼ l-armla jew liż-żejt għali taʼ Marija, is-servizz tagħna huwa b’ruħna kollha, u Jehovah jgħożż is-servizz tagħna b’ruħna kollha! (w97 10/15)
Tiftakar Int?
◻ Il-ministeru full-time għala jġib sentimenti taʼ sodisfazzjon u ferħ?
◻ Mill-esperjenza, ħafna pijunieri x’jafu dwar l-abbiltà taʼ Jehovah li jipprovdi għall-qaddejja tiegħu?
◻ Il-pijunieri jħossu li l-ministeru tagħhom għandu liema effetti fuq ir-relazzjoni tagħhom maʼ Jehovah?
◻ Kif tistaʼ turi l-ispirtu taʼ pijunier?
[Stampa f’paġna 18]
Il-pijunieri jiksbu ferħ kbir milli jagħmlu dixxipli
[Stampa f’paġna 18]
Uliedek jistgħu jibbenefikaw minn sħubija maʼ proklamaturi tas-Saltna full-time
[Stampa f’paġna 18]
L-anzjani jistgħu jinkuraġġixxu lill-pijunieri fil-ministeru taʼ l-għalqa