LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w97 2/1 pp. 12-16
  • Alla x’Jirrikjedi Minna?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Alla x’Jirrikjedi Minna?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “[I]l-Kmandamenti Tiegħu M’Humiex Tqal”
  • Ħu Għarfien Dwar Alla
  • Nikkonformaw Mal-​Livelli T’Alla
  • Uri Rispett Għall-​Ħajja u D-​Demm
  • Naqdu Flimkien Mal-​Poplu Organizzat Taʼ Jehovah
  • “L-Imħabba t’Alla Tfisser Dan”
    “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
  • L-imħabba t’Alla ma tispiċċa qatt
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
  • Qis il-​Ħajja bil-​Mod Kif Iqisha Alla
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • Tapprezza l-ħajja daqskemm japprezzaha Alla?
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
w97 2/1 pp. 12-16

Alla x’Jirrikjedi Minna?

“Din hi l-​imħabba taʼ Alla, li nżommu l-​kmandamenti tiegħu; u l-​kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.”—1 ĠWANN 5:3.

1, 2. Għala m’huwiex sorprendenti li Alla għandu affarijiet x’jirrikjedi minn dawk li jridu jqimuh b’mod aċċettabbli?

“IR-​RELIĠJON tiegħi togħġobni!” M’huwiex dak li taʼ spiss jgħidu n-​nies? Attwalment, iżda, il-​mistoqsija għandha tkun, “Ir-​reliġjon tiegħi togħġbu lil Alla?” Iva, Alla għandu affarijiet x’jirrikjedi minn dawk li jridu jqimuh b’mod aċċettabbli. Għandu dan jissorprendina? M’għandux għalfejn. Nassumu li għandek dar sabiħa, dar li dan l-​aħħar għamilt spiża kbira biex tirrinovaha. Se tħalli int lil min ġie ġie jgħix hemmhekk? Dażgur li le! Kwalunkwe inkwilin potenzjali jkun irid jissodisfa dak li tirrikjedi int.

2 B’mod simili, Alla Jehovah ipprovda din l-​art bħala dar għall-​familja umana. Taħt il-​ħakma tas-​Saltna tiegħu, l-​art dalwaqt se tiġi “rinnovata”​—ittrasformata f’ġenna sabiħa. Jehovah se jwettaq dan. Bi spiża kbira għalih innifsu, ta lill-​Iben uniġenitu tiegħu biex jagħmel dan possibbli. Żgur li Alla jrid ikollu affarijiet li jirrikjedi minn dawk li se jgħixu hemmhekk!—Salm 115:16; Mattew 6:9, 10; Ġwann 3:16.

3. Salamun kif ġabar fil-​qosor dak li Alla jistenna minna?

3 Kif nistgħu nsiru nafu x’inhuma l-​affarijiet li Alla jirrikjedi? Jehovah nebbaħ lill-​għaref Sultan Salamun biex jiġbor fil-​qosor dak li Hu jistenna minna. Wara li rrifletta fuq dak kollu li kien stinka għalih​—inklużi l-​għana, proġetti tal-​bini, interessi mużikali, u mħabba romantika—​Salamun wasal għal din ir-​realizzazzjoni: “Il-​konklużjoni, wara li kollox instamaʼ, hi: Ibżaʼ minn Alla, u ħares il-​kmandamenti tiegħu: għax dan hu d-​dmir taʼ kull bniedem.” (Korsiv tagħna.)—Ekkleżjażti 12:13, Karm Żammit.

“[I]l-Kmandamenti Tiegħu M’Humiex Tqal”

4-6. (a) X’inhu t-​tifsir litterali tal-​kelma Griega tradotta “tqal”? (b) Għala nistgħu ngħidu li l-​kmandamenti t’Alla m’humiex tqal?

4 “Ħares il-​kmandamenti tiegħu.” Bażikament, dak huwa li Alla jistenna minna. Qiegħed hu jitlob iżżejjed? Xejn affattu. L-​appostlu Ġwanni jgħidilna xi ħaġa ferm rassiguranti dwar il-​kmandamenti, jew affarijiet li Alla jirrikjedi. Hu kiteb: “Din hi l-​imħabba taʼ Alla, li nżommu l-​kmandamenti tiegħu; u l-​kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.” (Korsiv tagħna.)—1 Ġwann 5:3.

5 Il-​kelma Griega tradotta “tqal” litteralment hekk tfisser. Din tistaʼ tirreferi għal xi ħaġa li hija iebsa biex tgħixha jew diffiċli biex twettaqha. F’​Mattew 23:4, hija wżata biex tiddeskrivi l-​‘qatet tqal,’ ir-​regoli u t-​tradizzjonijiet magħmulin mill-​bnedmin, li l-​iskribi u l-​Fariżej poġġew fuq in-​nies. Qiegħed int tieħu s-​sens taʼ dak li x-​xwejjaħ appostlu Ġwanni qiegħed jikkonkludi? Il-​kmandamenti t’Alla m’humiex xi piż tqil, lanqas m’huma diffiċli żżejjed biex aħna nosservawhom. (Qabbel Dewteronomju 30:11.) Għall-​kuntrarju, meta nħobbu lil Alla, li nwettqu dak li jirrikjedi jagħmilna henjin. Jagħtina opportunità prezzjuża biex nuru l-​imħabba tagħna lejn Jehovah.

6 Biex nuru mħabbitna lejn Alla, jeħtieġ li nkunu nafu speċifikament dak li jistenna minna. Ejjew issa nikkunsidraw ħamsa mill-​affarijiet li Alla jirrikjedi. Hekk kif nagħmlu dan, żomm f’moħħok dak li kiteb Ġwanni: ‘Il-​kmandamenti t’Alla m’humiex tqal.’

Ħu Għarfien Dwar Alla

7. Is-​salvazzjoni tagħna fuq xiex tiddependi?

7 L-​ewwel ħaġa li Alla jirrikjedi hija li nieħdu għarfien dwaru. Ikkunsidra l-​kliem taʼ Ġesù ddokumentat fi Ġwann kapitlu 17. L-​isfond kien l-​aħħar lejl tal-​ħajja taʼ Ġesù bħala bniedem. Ġesù kien qattaʼ l-​biċċa l-​kbira tal-​lejla jipprepara lill-​appostli tiegħu għat-​tluq tiegħu. Hu kien ikkonċernat dwar il-​futur tagħhom, il-​futur taʼ dejjem tagħhom. Waqt li refaʼ għajnejh lejn is-​sema, hu talab għalihom. Fil-​vers 3, naqraw: “Din hi l-​ħajja taʼ dejjem, li jagħrfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt.” Iva, is-​salvazzjoni tagħhom kienet tiddependi fuq li ‘jieħdu għarfien’ kemm dwar Alla u kemm dwar Kristu. Dan japplika għalina wkoll. Biex niksbu s-​salvazzjoni, irridu nieħdu għarfien bħal dan.

8. X’ifisser li ‘tieħu għarfien’ dwar Alla?

8 X’ifisser li ‘tieħu għarfien’ dwar Alla? Il-​kelma Griega tradotta hawnhekk “li tieħu għarfien” tissinjifika “li ssir taf, tirrikonoxxi,” jew “li tifhem kompletament.” Innota, ukoll, li t-​traduzzjoni mogħtija ‘jieħdu għarfien’ timplika li dan huwa proċess li jibqaʼ sejjer. Li tieħu għarfien dwar Alla b’hekk ifisser li ssir tafu mhux b’mod superfiċjali imma b’mod intimu, billi tiżviluppa ħbiberija komprensiva miegħu. Relazzjoni kontinwa m’Alla ġġib għarfien li dejjem jikber dwaru. Dan il-​proċess jistaʼ jkompli għal dejjem, għax qatt ma se nsiru nafu kollox dwar Jehovah.​—Rumani 11:33.

9. X’nistgħu nitgħallmu dwar Jehovah mill-​ktieb tal-​ħolqien?

9 Kif nieħdu għarfien dwar Alla? Hemm żewġ kotba li jistgħu jgħinuna. Wieħed huwa l-​ktieb tal-​ħolqien. L-​affarijiet li Jehovah ħalaq​—kemm ħajjin u kemm bla ħajja—​jagħtuna ftit tad-​dehen inkwantu għal liema xorta taʼ persuna hu. (Rumani 1:20) Ikkunsidra xi eżempji. L-​irbombjar taʼ kaskata maestuża, it-​taħbit tal-​ħalel waqt maltempata, id-​dehra tas-​smewwiet mimlijin kwiekeb f’lejla bnazzi​—ma jgħallmuniex affarijiet bħal dawn li Jehovah hu Alla “vigoruż fil-​qawwa”? (Isaija 40:26, NW) Tarbija tidħak hekk kif tħares lejn ġeru jiġri wara denbu jew ferħ taʼ qattus jilgħab b’xi kobba suf​—ma jissuġġerix dan li Jehovah, “dak Alla ferħan,” għandu sens taʼ umoriżmu? (1 Timotju 1:11, NW) It-​togħma taʼ ikla delizzjuża, il-​fwieħa pjaċevoli taʼ fjuri f’xi għalqa, il-​kuluri vivaċi taʼ farfett delikat, il-​ħoss taʼ l-​għana taʼ l-​għasafar fir-​rebbiegħa, it-​tgħanniqa kordjali taʼ xi ħadd maħbub​—ma nintebħux minn affarijiet bħal dawn li l-​Ħallieq tagħna hu Alla taʼ mħabba, li jridna ngawdu l-​ħajja?—1 Ġwann 4:8.

10, 11. (a) Liema affarijiet dwar Jehovah u l-​iskopijiet tiegħu ma nistgħux nitgħallmu mill-​ktieb tal-​ħolqien? (b) It-​tweġibiet għal liema mistoqsijiet jinstabu biss fil-​Bibbja?

10 Hemm, madankollu, limitu għal dak li nistgħu nitgħallmu dwar Jehovah mill-​ktieb tal-​ħolqien. Biex nagħtu eżempju: X’inhu l-​isem t’Alla? Għala ħalaq l-​art u poġġa lill-​bniedem fuqha? Alla għala jippermetti l-​ħażen? X’hemm fil-​futur għalina? Għat-​tweġibiet taʼ mistoqsijiet bħal dawn, irridu mmorru fil-​ktieb l-​ieħor li jagħtina għarfien dwar Alla​—il-​Bibbja. Fil-​paġni tagħha, Jehovah jirrivela affarijiet dwaru nnifsu, inklużi ismu, il-​personalità tiegħu, u l-​iskopijiet tiegħu​—informazzjoni li aħna ma nistgħux niksbu minn kwalunkwe sors ieħor.—Eżodu 34:6, 7; Salm 83:19 [Salm 83:18, NW]; Għamos 3:7.

11 Fl-​Iskrittura, Jehovah jagħti wkoll għarfien vitali rigward persuni oħrajn li għandna bżonn inkunu nafu dwarhom. Per eżempju, min hu Ġesù Kristu, u liema rwol għandu fit-​twettiq taʼ l-​iskopijiet taʼ Jehovah? (Atti 4:12) Min huwa Satana x-​Xitan? B’liema modi jiżvija lin-​nies? Kif nistgħu nevitaw li niġu żvijati minnu? (1 Pietru 5:8) It-​tweġibiet li jsalvaw il-​ħajja għal dawn il-​mistoqsijiet jinstabu biss fil-​Bibbja.

12. Kif tispjega għala m’huwiex piż li tieħu għarfien dwar Alla u l-​iskopijiet tiegħu?

12 Huwa piż li tieħu għarfien bħal dan dwar Alla u l-​iskopijiet tiegħu? Bl-​ebda mod! Tistaʼ tiftakar kif ħassejtek meta sirt taf għall-​ewwel darba li l-​isem t’Alla huwa Jehovah, li s-​Saltna tiegħu se tirrestawra l-​Ġenna għal din l-​art, li hu ta lill-​Iben maħbub tiegħu bħala rahan għal dnubietna, kif ukoll veritajiet prezzjużi oħrajn? Ma kienx dan donnu li qiegħed jitneħħa velu taʼ injoranza u li qiegħed tara l-​affarijiet ċari għall-​ewwel darba? Li tieħu għarfien dwar Alla m’huwiex piż. Huwa għaxqa!—Salm 1:1-3; 119:97.

Nikkonformaw Mal-​Livelli T’Alla

13, 14. (a) Hekk kif nieħdu għarfien dwar Alla, liema bidliet ikollna bżonn nagħmlu f’ħajjitna? (b) Alla jirrikjedi li aħna nżommu ’l bogħod minn liema prattiċi mhux indaf?

13 Hekk kif nieħdu għarfien dwar Alla, nibdew nirrealizzaw li jeħtieġ li nagħmlu bidliet fil-​ħajjiet tagħna. Dan iġibna għat-​tieni ħaġa li Alla jirrikjedi. Irridu nikkonformaw mal-​livelli t’Alla għal kondotta xierqa u naċċettaw il-​verità tiegħu. X’inhi l-​verità? Tassew li jimpurtah Alla minn dak li nemmnu u dak li nagħmlu? Ħafna nies illum evidentement ma jaħsbux hekk. Rapport ippubblikat miċ-​Church of England fl-​1995 issuġġerixxa illi li tnejn jgħixu flimkien mingħajr ma jiżżewġu m’għandux jitqies bħala dnub. “Il-​frażi ‘tgħix fid-​dnub’ iġġib għajb u m’hijiex t’għajnuna,” stqarr wieħed mill-​isqfijiet tal-​knisja.

14 Mela, allura, “li tgħix fid-​dnub” m’għadux iktar dnub? Jehovah jgħidilna bl-​iktar mod ċar kif iħossu dwar kondotta bħal din. Il-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, tistqarr: “Ħalli jkun iż-​żwieġ tagħkom miżmum fil-​ġieħ minn kulħadd u s-​sodda taż-​żwieġ bla tinġis, għax Alla għad jagħmel ħaqq miż-​żienja u mill-​adulteri.” (Lhud 13:4) Is-​sess qabel iż-​żwieġ għandu mnejn m’huwiex dnub f’għajnejn membri liberali tal-​kleru u wħud li jmorru l-​knisja, imma huwa dnub serju f’għajnejn Alla! U hekk huma l-​adulterju, l-​inċest, u l-​omosesswalità. (Levitiku 18:6; 1 Korintin 6:9, 10) Alla jirrikjedi li nżommu ’l bogħod minn prattiċi bħal dawn, li lilhom hu jqis bħala mhux indaf.

15. Dak li Alla jirrikjedi kif jinvolvi kemm il-​mod kif aħna nittrattaw m’oħrajn u kemm dak li nemmnu?

15 M’huwiex biżżejjed, madankollu, li wieħed iżomm ’il bogħod minn prattiċi li Alla jqishom bħala midinba. Dak li Alla jirrikjedi jinvolvi wkoll il-​mod li bih nittrattaw lil oħrajn. Fil-​familja, hu jistenna li r-​raġel u l-​mara jkollhom imħabba u rispett lejn xulxin. Alla jirrikjedi li l-​ġenituri jieħdu ħsieb il-​bżonnijiet materjali, spiritwali, u emozzjonali taʼ wliedhom. Hu jgħid lit-​tfal biex ikunu ubbidjenti lejn il-​ġenituri tagħhom. (Proverbji 22:6; Kolossin 3:18-21) U xi ngħidu dwar it-​twemmin tagħna? Alla Jehovah iridna nevitaw twemmin u drawwiet li jiġu mill-​qima falza jew li huma kuntrarju għall-​verità ċara mgħallma fil-​Bibbja.—Dewteronomju 18:9-13; 2 Korintin 6:14-17.

16. Spjega għala m’huwiex piż li tikkonforma mal-​livelli t’Alla għal kondotta xierqa u li taċċetta l-​verità tiegħu.

16 Huwa piż għalina li nikkonformaw mal-​livelli t’Alla għal kondotta xierqa u li naċċettaw il-​verità tiegħu? Mhux meta nikkunsidraw il-​benefiċċji​—żwiġijiet li fihom ir-​raġel u l-​mara jħobbu u jafdaw lil xulxin minflok żwiġijiet li huma mkissrin minħabba l-​infedeltà; djar fejn it-​tfal iħossuhom maħbubin u importanti għall-​ġenituri tagħhom minflok familji li fihom it-​tfal iħossuhom m’humiex maħbubin, ittraskurati, u żejda; kuxjenza nadifa u saħħa minflok sentimenti taʼ ħtija u ġisem imtertaq bl-​AIDS jew b’xi marda oħra trasmessa sesswalment. Ċertament, l-​affarijiet li Jehovah jirrikjedi ma jċaħħduniex minn xi ħaġa li għandna bżonn sabiex ingawdu l-​ħajja!—Dewteronomju 10:12, 13.

Uri Rispett Għall-​Ħajja u D-​Demm

17. Jehovah kif iqis il-​ħajja u d-​demm?

17 Hekk kif iġġib ħajtek f’armonija mal-​livelli t’Alla, tibda tapprezza kemm verament hija prezzjuża l-​ħajja. Ejjew issa niddiskutu t-​tielet ħaġa li Alla jirrikjedi. Irridu nuru rispett lejn il-​ħajja u d-​demm. Il-​ħajja hija sagra għal Jehovah. Hekk għandha tkun, għax hu s-​Sors tal-​ħajja. (Salm 36:10 [Salm 36:9, NW]) Iva, saħansitra l-​ħajja taʼ tarbija f’ġuf ommha hija prezzjuża għal Jehovah! (Eżodu 21:22, 23) Id-​demm jirrappreżenta l-​ħajja. Għalhekk, id-​demm ukoll huwa sagru f’għajnejn Alla. (Levitiku 17:14) M’għandux jissorprendina, allura, li Alla jistenna li aħna nqisu l-​ħajja u d-​demm bħalma jqishom hu.

18. Il-​ħarsa taʼ Jehovah dwar il-​ħajja u d-​demm x’tirrikjedi minna?

18 Ir-​rispett għall-​ħajja u d-​demm x’jirrikjedi minna? Bħala Kristjani, ma niħdux riskji bla bżonn bil-​ħajjiet tagħna sempliċement għall-​eċċitament. Aħna konxji dwar is-​sigurtà, u għalhekk naċċertaw ruħna li l-​karozzi u d-​djar tagħna huma bla periklu. (Dewteronomju 22:8) Ma nużawx it-​tabakk, ma nomogħdux il-​betel nut, u ma niħdux drogi addiktivi jew li jirvinaw l-​imħuħ, għall-​gost. (2 Korintin 7:1) Minħabba li nagħtu widen meta Alla jgħid ‘astjenu mid-​demm,’ aħna ma nħallux demm jiġi trasfuż għal ġo ġisimna. (Atti 15:28, 29) Għalkemm inħobbu l-​ħajja, mhux se nipprovaw insalvaw il-​ħajja preżenti tagħna billi niksru l-​liġi t’Alla u b’hekk nipperikolaw il-​prospett tagħna taʼ ħajja taʼ dejjem!—Mattew 16:25.

19. Spjega kif aħna nibbenefikaw milli nuru rispett għall-​ħajja u d-​demm.

19 Huwa piż għalina li nittrattaw il-​ħajja u d-​demm bħala sagri? Bl-​ebda mod! Aħseb ftit. Huwa piż li tkun ħieles mill-​kanċer tal-​pulmun ikkaġunat mit-​tipjip tat-​tabakk? Huwa piż li tevita li ssir tiddependi mentalment u fiżikament minn drogi li jagħmlu l-​ħsara? Huwa piż li żżomm ’il bogħod milli tieħu l-​AIDS, l-​epatite, jew xi marda oħra minn trasfużjoni tad-​demm? Jidher ċar illi li nevitaw vizzji u prattiċi li jagħmlu l-​ħsara huwa fl-​aqwa interess tagħna.—Isaija 48:17.

20. Waħda familja kif ibbenefikat talli kellha l-​ħarsa t’Alla dwar il-​ħajja?

20 Ikkunsidra din l-​esperjenza. Xi snin ilu, waħda Xhud li kellha madwar tliet xhur u nofs tqala lejla waħda bdiet tiġiha emorraġija u ttieħdet malajr lejn l-​isptar. Wara li eżaminaha tabib, semgħetu jgħid lil waħda mill-​infermieri li kien se jkollhom itemmulha t-​tqala. Billi kienet taf kif Jehovah iqis il-​ħajja tat-​trabi fil-​ġuf, hi b’mod sod irrifjutat abort, waqt li qalet lit-​tabib: “Jekk għadha ħajja, ħalliha hemm!” Hi kompliet issofri minn telf taʼ demm kull tant żmien, imma diversi xhur wara welldet tifel f’saħħtu qabel iż-​żmien, u li issa għandu 17-il sena. Hi spjegat: “Lit-​tifel tagħna għednielu b’dan kollu, u hu qal kemm hu ferħan li ma ġiex mormi fil-​landa taż-​żibel. Jaf li l-​fatt li aħna naqdu lil Jehovah huwa l-​unika raġuni għala għadu saħansitra ħaj.” Ċertament, li kellhom il-​ħarsa t’Alla dwar il-​ħajja ma kien t’ebda piż għal din il-​familja!

Naqdu Flimkien Mal-​Poplu Organizzat Taʼ Jehovah

21, 22. (a) Jehovah maʼ min jistenna li naqduh? (b) Il-​poplu organizzat t’Alla kif jistaʼ jiġi identifikat?

21 M’aħniex waħedna f’li nagħmlu l-​bidliet meħtieġa biex inġibu ħajjitna f’armonija mal-​livelli t’Alla. Jehovah għandu poplu fuq din l-​art, u jistenna li aħna naqduh flimkien miegħu. Dan iġibna għar-​rabaʼ ħaġa li Alla jirrikjedi. Irridu naqdu lil Jehovah maʼ l-​organizzazzjoni tiegħu diretta mill-​ispirtu tiegħu.

22 Kif, iżda, jistaʼ jiġi identifikat il-​poplu organizzat t’Alla? Skond il-​livelli miktubin fl-​Iskrittura, huma għandhom imħabba vera bejniethom, għandhom rispett profond lejn il-​Bibbja, jonoraw l-​isem t’Alla, jippridkaw dwar is-​Saltna tiegħu, u m’huma ebda parti minn din id-​dinja mill-​agħar. (Mattew 6:9; 24:14; Ġwann 13:34, 35; 17:16, 17) Hemm biss organizzazzjoni reliġjuża waħda fuq din l-​art li għandha dawn il-​marki kollha tal-​vera Kristjanità​—ix-​Xhieda taʼ Jehovah!

23, 24. Kif nistgħu nuru b’eżempju li m’huwiex piż li naqdu lil Jehovah flimkien mal-​poplu organizzat tiegħu?

23 Huwa piż li taqdi lil Jehovah flimkien mal-​poplu organizzat tiegħu? Tassew li le! Għall-​kuntrarju, huwa privileġġ prezzjuż li jkollok l-​imħabba u l-​appoġġ taʼ familja t’aħwa Kristjani rġiel u nisa minn madwar id-​dinja! (1 Pietru 2:17) Immaġinak issalva minn nawfraġju u ssib ruħek fl-​ilma, titħabat biex tibqaʼ fil-​wiċċ. Meta tħossok li ma tiflaħx iktar, xi ħadd joħroġ idu minn ġo dgħajsa taʼ salvataġġ biex jgħinek. Iva, hemm oħrajn li salvaw! Fid-​dgħajsa taʼ salvataġġ, int u l-​oħrajn taqdfu darba kull wieħed sax-​xatt, waqt li ttellgħu lil oħrajn li baqgħu ħajjin hekk kif tkunu għaddejjin.

24 M’aħniex aħna f’sitwazzjoni simili? Ġejna maħruġin mill-​“ilmijiet” perikolużi taʼ din id-​dinja mill-​agħar għal ġod-​“dgħajsa taʼ salvataġġ” taʼ l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah fuq l-​art. Ġo fiha, naqdu spalla maʼ spalla hekk kif nerħulha lejn ix-​“xtut” taʼ dinja ġdida taʼ tjieba. Jekk il-​pressjonijiet tal-​ħajja jġagħluna ngħajjew matul il-​mogħdija, kemm inkunu rikonoxxenti għall-​għajnuna u l-​faraġ taʼ sħabna l-​Kristjani veri!—Proverbji 17:17.

25. (a) Liema obbligu għandna lejn dawk li għadhom fl-​“ilmijiet” taʼ din id-​dinja mill-​agħar? (b) Liema ħaġa li Alla jirrikjedi se tiġi diskussa fl-​artiklu li jmiss?

25 Xi ngħidu dwar oħrajn​—nies taʼ qalb onesta li għadhom fl-​“ilma”? Aħna fl-​obbligu li ngħinuhom għal ġo l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah, mhux hekk? (1 Timotju 2:​3, 4) Jeħtieġu l-​għajnuna biex jitgħallmu dak li Alla jirrikjedi. Dan iġibna għall-​ħames ħaġa li Alla jirrikjedi. Irridu nkunu proklamaturi leali tas-​Saltna t’Alla. Dan x’jinvolvi se jiġi diskuss fl-​artiklu li jmiss. (w97 1/15)

Tiftakar Int?

◻ Il-​kmandamenti t’Alla għala m’humiex tqal?

◻ Kif nieħdu għarfien dwar Alla?

◻ Għala m’huwiex piż li tikkonforma mal-​livelli t’Alla għal kondotta xierqa u li taċċetta l-​verità tiegħu?

◻ Il-​ħarsa t’Alla dwar il-​ħajja u d-​demm x’tirrikjedi minna?

◻ Alla maʼ min jistenna li naqduh, u dawn kif jistgħu jiġu identifikati?

[Stampi f’paġna 12]

Nitgħallmu dwar Jehovah mill-​ktieb tal-​ħolqien u mill-​Bibbja

[Sorsi]

Crocodile: By courtesy of Australian International Public Relations; bear: Safari-Zoo of Ramat-Gan, Tel Aviv

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja