LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w96 12/1 pp. 19-21
  • Aħtaf Din l-Opportunità Unika!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Aħtaf Din l-Opportunità Unika!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Nieħdu Deċiżjoni Għaqlija
  • Iż-​Żmien Li Qegħdin Ngħixu Fih Huwa Speċjali
  • Ibqaʼ ‘Fittex l-Ewwel is-Saltna’
    Qim lill-Uniku Alla Veru
  • Qed twettaq bis-sħiħ is-servizz tiegħek lil Alla?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
  • Naħdmu Lejalment maʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Imħarrġin biex Nagħtu Xiehda bir-Reqqa
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
w96 12/1 pp. 19-21

Aħtaf Din l-​Opportunità Unika!

PETER kien avanzat ġmielu fl-​istudji mediċi tiegħu meta l-​messaġġ taʼ salvazzjoni misjub fil-​Bibbja ġibidlu l-​attenzjoni tiegħu. Meta ggradwa u beda jaħdem bħala tabib ġewwa sptar, is-​superjuri tiegħu inkuraġġewh kontinwament biex jispeċjalizza bħala newro-kirurgu. Hawn kellu opportunità li bosta tobba ġodda kieku kienu jaħtfu minnufih.

Madankollu, Petera iddeċieda li ma jeħodhiex din l-​opportunità. Għala? Kien sempliċement nieqes mill-​ambizzjoni u l-​motivazzjoni meħtiġin? Le, għax Peter ħaseb bis-​serjetà dwar din l-​offerta. Wara li sar Xhud iddedikat u mgħammed taʼ Jehovah, hu xtaq li jqattaʼ kemm jistaʼ jkun ħin fid-​diversi aspetti tal-​ministeru Kristjan. Hekk kif jikkwalifika bħala newro-kirurgu, hu rraġuna, il-​professjoni tiegħu kienet se teħodlu iżjed u iżjed ħin u enerġija. Kien hu iblah li jwarrab dan il-​prospett distintiv, jew kien għaqli?

Għal xi wħud, id-​deċiżjoni taʼ Peter setgħet dehret li kienet waħda taʼ bluha. Madankollu, hu kkunsidra testi Bibliċi bħalma huma Efesin 5:15, 16. Hemmhekk l-​appostlu Pawlu ħeġġeġ lil Kristjani sħabu: “Qisu sewwa kif iġġibu ruħkom, mhux bħal nies bla dehen, iżda bħal nies għorrief, li jgħożżu ż-​żmien [‘jixtru ż-​żmien opportun,’ NW], għaliex ħżiena huma l-​jiem.”

Jekk jogħġbok innota l-​espressjoni “żmien opportun.” Din hija tradotta minn kelma Griega wżata fil-​Bibbja l-​iktar biex tirreferi għal żmien jew perijodu mmarkat minn ċerti karatteristiċi jew xieraq għal attività speċifika. Hawnhekk Pawlu enfasizza li l-​Kristjani għandhom jagħmlu l-​ħin għal kwistjonijiet importanti. Tabilħaqq, huma għandhom bżonn ‘jagħarfu jagħżlu l-​aħjar.’ (Filippin 1:10) Din hija kwistjoni taʼ li wieħed jistabbilixxi prijoritajiet.

Mela, allura, x’inhu l-​iskop divin għaż-​żmien tagħna? X’inhi r-​rieda t’Alla għal dawk li jħobbuh? Profeziji Bibliċi jidentifikaw b’mod ċar iż-​żmien li ngħixu fih bħala “ż-​żmien taʼ l-​aħħar,” jew “l-​aħħar tad-​dinja.” (Danjel 12:4; 2 Timotju 3:1) Kristu Ġesù ma ħalla l-​ebda dubju dwar x’kellu jkun l-​iktar importanti fi żmienna. Hu qal speċifikament li qabel it-​tmiem taʼ din is-​sistema mill-​agħar t’affarijiet, ‘din il-​Bxara t-​tajba tas-​Saltna kellha tixxandar fid-​dinja kollha, biex il-​ġnus kollha jkollhom xhieda.’ Huwa biss f’dak iż-​żmien li kellu jiġi t-​tmiem.—Mattew 24:3, 14.

Għalhekk, jeħtieġ li naħtfu kull opportunità biex nippridkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna u nagħmlu dixxipli. (Mattew 28:19, 20) Ladarba dawn l-​attivitajiet m’humiex se jerġgħu jiġu rripetuti, din hija l-​aħħar opportunità li nagħtu l-​aħjar tagħna f’dan ix-​xogħol li jsalva l-​ħajja. “Issa hu ż-​żmien tajjeb.” Tabilħaqq, “issa hu jum is-​salvazzjoni!”—2 Korintin 6:2.

Nieħdu Deċiżjoni Għaqlija

Peter​—iż-​żagħżugħ li ġie msemmi fil-​bidu—​ħaseb bis-​serjetà dwar id-​deċiżjoni tiegħu u wiżen l-​għażliet tiegħu. Hu rrealizza li ma kienx ikun żbaljat għalih li jistudja bl-​intenzjoni li jsir newro-kirurgu. Imma x’kien l-​iżjed importanti għalih? Kienet l-​attività tiegħu fil-​ministeru Kristjan, meta wieħed jikkunsidra l-​urġenza taʼ dan ix-​xogħol. Fl-​istess ħin, kellu obbligi x’iwettaq. Hu kien miżżewweġ u ried imantni lil martu, li qiegħda tieħu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar full-time. (1 Timotju 5:8) Peter kellu wkoll iħallas lura djun assoċjati maʼ l-​edukazzjoni tiegħu. Allura, x’iddeċieda li jagħmel?

Peter iddeċieda li jispeċjalizza fir-​radjoloġija u li jagħmel scans taʼ l-​ultrasound. Dan kien xogħol li kellu jinvolvi ġurnata normali taʼ xogħol. Hu kellu wkoll jirċievi t-​taħriġ tiegħu waqt is-​sigħat regulari tax-​xogħol. Iva, xi wħud għandhom mnejn jikkunsidraw din bħala pożizzjoni inqas prestiġjuża, imma kienet se tħallilu iżjed ħin x’jiddedika għal skopijiet spiritwali.

Konsiderazzjoni oħra qanqlet id-​deċiżjoni taʼ Peter. Fil-​waqt li ma ġġudikax lil oħrajn li setgħu ddeċidew mod ieħor, hu kien jaf illi li ssir involut iżżejjed fi kwistjonijiet sekulari huwa taʼ periklu għal Kristjan. Dan jistaʼ jġagħlu jittraskura responsabbiltajiet spiritwali. Dan huwa muri permezz t’eżempju ieħor li kellu x’jaqsam maʼ impjieg.

Ċertu proklamatur tas-​Saltna full-time kien artist imħarreġ. Hu setaʼ jaqlaʼ l-​għixien tiegħu billi jbigħ il-​pitturi tiegħu. Fil-​waqt li ddedika ħafna mill-​ħin tiegħu għall-​ministeru Kristjan li huwa l-​iżjed ħaġa importanti, hu setaʼ b’hekk jgħix b’mod komdu. Madankollu, xewqa biex jimxi ’l quddiem fil-​karriera artistika tiegħu bdiet tikber. Hu sar iżjed involut fil-​pittura u d-​dinja taʼ l-​arti, telaq il-​ministeru full-time, u eventwalment sar inattiv għalkollox fejn kellha x’taqsam l-​attività taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna. Maż-​żmien, sar involut f’kondotta mhix skritturali, bir-​riżultat li ma baqax iżjed jagħmel parti mill-​kongregazzjoni Kristjana.—1 Korintin 5:11-13.

Iż-​Żmien Li Qegħdin Ngħixu Fih Huwa Speċjali

Bħala dawk li issa qegħdin jaqdu lil Jehovah, żgur li aħna rridu nibqgħu leali lejh. Aħna nafu li qegħdin ngħixu fl-​iktar żmien straordinarju fl-​istorja umana. Sabiex nibqgħu naqdu lil Alla u biex inkampaw maċ-​ċirkostanzi taż-​żmien preżenti b’mod effettiv, għandu mnejn ikollna bżonn li nagħmlu diversi aġġustamenti. Nistgħu nqabblu dan maʼ żmien il-​ħsad għal bidwi. Dak huwa perijodu t’attività speċjali, meta l-​ħaddiema tar-​rabaʼ huma mistennijin li jistinkaw iżjed mis-​soltu u jaħdmu jiem taʼ xogħol itwal. Għala? Għaliex il-​ħsad irid jinġabar f’perijodu limitat taʼ żmien.

Baqaʼ biss żmien limitat ferm għas-​sistema t’affarijiet mill-​agħar preżenti. Issa iżjed minn qatt qabel, Kristjan veru jrid jistinka biex isegwi l-​eżempju taʼ Ġesù u jimxi fil-​passi tiegħu. Il-​korsa taʼ ħajja tiegħu fuq l-​art uriet b’mod ċar dak li kien taʼ l-​akbar importanza għalih. Hu qal: “Sakemm għadu bin-​nhar, jaħtiġilna nagħmlu x-​xogħol taʼ dak li bagħatni, għax jasal il-​lejl meta ħadd ma jkun jistaʼ jaħdem.” (Ġwann 9:4) Meta qal li l-​lejl kien ġej, Ġesù kien qiegħed jirreferi għaż-​żmien tal-​ġuri, it-​tismir maʼ l-​għuda, u l-​mewt tiegħu, meta l-​ministeru tiegħu fuq l-​art kellu jintemm u ma kienx ikun jistaʼ jieħu sehem fix-​xogħlijiet taʼ Missieru tas-​sema.

Veru, matul il-​ministeru tiegħu li dam tliet snin u nofs, Ġesù qattaʼ xi ftit miż-​żmien tiegħu f’li jagħmel mirakli u jfejjaq lill-​morda. Minkejja dan, hu uża l-​biċċa l-​kbira tal-​ħin tiegħu biex jippriedka l-​messaġġ tas-​Saltna u biex ‘iħabbar il-​ħelsien lill-​imjassrin’ tar-​reliġjon falza. (Luqa 4:18; Mattew 4:17) Ġesù poġġa sforz serju fil-​ministeru tiegħu u wkoll ħa ż-​żmien biex iħarreġ lid-​dixxipli tiegħu sabiex setgħu jibnu s-​sisien li hu kien poġġa u jkomplu b’mod effettiv bix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Ġesù ħataf kull opportunità biex jippromwovi l-​interessi tas-​Saltna u ried lid-​dixxipli tiegħu jagħmlu l-​istess ħaġa.—Mattew 5:14-16; Ġwann 8:12.

Bħal Ġesù, aħna li aħna s-​segwaċi tiegħu taż-​żmien modern jeħtieġ li naraw is-​sitwazzjoni taʼ l-​umanità bħalma jaraha Alla Jehovah. Baqaʼ biss ftit żmien biex din is-​sistema t’affarijiet tispiċċa, u Alla fil-​ħniena tiegħu jrid li kulħadd ikollu l-​opportunità li jikseb salvazzjoni. (2 Pietru 3:9) Għalhekk, ma jkunx għaqli li npoġġu l-​ġiri l-​ieħor kollu tagħna fit-​tieni post għal li nagħmlu r-​rieda taʼ Jehovah? (Mattew 6:25-33) Speċjalment matul żmien speċjali bħal dan, xi ħaġa li normalment tkun meqjusa bħala importanti tistaʼ tassew issir inqas importanti fil-​ħajja tagħna bħala Kristjani.

Qatt se jiddispjaċih xi ħadd minna għax ipoġġi r-​rieda t’Alla l-​ewwel f’ħajtu? Żgur li le, għax il-​korsa Kristjana taʼ li nissagrifikaw lilna nfusna trendi bil-​kbir. Per eżempju, Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Tassew, ngħidilkom, li fost dawk kollha li minħabba fija u l-​Bxara t-​tajba jħallu lil darhom jew lil ħuthom jew lil ommhom jew lil missierhom jew lil uliedhom jew l-​egħlieqi tagħhom, ma hemm ħadd fosthom li minn issa, f’din id-dinja stess, ma jirċevix, għal mitt darba iktar, djar u aħwa u ommijiet u wlied u egħlieqi flimkien maʼ persekuzzjonijiet, u l-​ħajja taʼ dejjem fiż-​żmien li ġej.”—Mark 10:29, 30.

Ħadd ma jistaʼ jsemmi prezz għar-​rigali li jiġu gawduti minn dawk li jużaw il-​ħin tagħhom biex ifaħħru lil Jehovah u jipproklamaw il-​messaġġ tas-​Saltna. Huma jgawdu tant barkiet! Dawn jinkludu ħbieb veri, is-​sodisfazzjon taʼ li jagħmlu r-​rieda divina, it-​tbissima t’approvazzjoni t’Alla, u l-​prospett taʼ ħajja mingħajr tmiem. (Apokalissi 21:3, 4) U x’barka hi din li tgħin lin-​nies spiritwalment u li ġġib unur għall-​isem qaddis taʼ Jehovah bħala x-​Xhieda tiegħu! Mingħajr dubju, li ‘nixtru ż-​żmien opportun’ hija korsa tassew għaqlija u premjanti. Issa iktar minn qatt qabel huwa ż-​żmien li nieħdu sehem f’li niddikjaraw l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. Se taħtaf int u żżomm maʼ din l-​opportunità unika? (w96 11/15)

[Nota taʼ taħt]

a L-isem ġie sostitwit.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja