Hemm Ħajja Wara l-Mewt?
ŻEWĠ mistoqsijiet ħawdu lill-umanità għal millennji sħaħ: Għala għandna nixjieħu u eventwalment immutu? Hemm xi tip taʼ ħajja wara l-mewt li fiha tkun f’sensik?
L-ewwel waħda ħawdet bosta nies għax saħansitra x-xjenza medika moderna, bl-iskoperti impressjonanti kollha tagħha, ma kinitx kapaċi toħroġ bi tweġiba konklussiva u sodisfaċenti.
It-tieni mistoqsija kellha abbundanza taʼ tweġibiet varji. Ġeneralment, madankollu, tweġibiet dwar jekk hemmx ħajja li fiha tkun f’sensik wara l-mewt huma polarizzati bejn dawk li huma pożittivi li din il-ħajja mhix kollox u dawk li daqshom huma konvinti li l-ħajja tintemm mal-mewt. Il-biċċa l-kbira taʼ dan il-grupp taʼ l-aħħar jgħidulna li m’għandhom ebda dubju f’moħħhom li l-ħajja qasira tal-bniedem hija dak kollu li għandu jistenna. Spiss, kwalunkwe argument li jinġieb kontra dan jintlaqaʼ b’risposta meruża, “Insomma, ħadd qatt ma ġie lura biex jgħidilna, veru?”
Bħal f’mistoqsijiet kontroversjali oħrajn, hemm ħafna nies li għadhom m’humiex deċiżi—billi jisħqu li dejjem lesti jiġu pperswaduti minn naħa jew oħra. Imma oħrajn se jwieġbu, x’aktarx b’mod fieragħ, “Ikollna nistennew u naraw meta jasal il-waqt!”
Mistoqsija Li Ilha Żmien
Mistoqsija bikrija dwar il-ħajja wara l-mewt kienet imqajma xi 3,500 sena ilu mill-persunaġġ Orjentali tant magħruf Ġob, li huwa msemmi għall-paċenzja tiegħu waqt is-sofferenzi. Dan huwa l-mod kif Ġob poġġa l-mistoqsija tiegħu: “Il-bniedem imut u jitqiegħed fil-baxx; jieħu l-aħħar nifs tiegħu u jispiċċa. Bħalma l-ilma jisparixxi mill-baħar jew qiegħ taʼ xmara jitqaxqax u jinxef, hekk il-bniedem jimtedd u ma jqumx . . . Jekk bniedem imut, se jerġaʼ jgħix?”—Ġob 14:10-14, New International Version.
Imma Ġob ma kienx waħdu f’li jistaqsi dwar il-ħajja wara l-mewt. L-Encyclopædia of Religion and Ethics tforni din l-informazzjoni taʼ tidwil taħt it-titlu “Stat tal-Mejtin”: “L-ebda suġġett konness mal-ħajja psikika tiegħu ma qatt berren f’moħħ il-bniedem daqs dak dwar il-kundizzjoni tiegħu wara l-mewt. [Nies indiġeni] fir-reġjuni kollha tad-dinja ġeneralment għandhom kunċetti vivaċi u ċari ħafna dwar id-dinja taʼ l-ispirti—il-ħajja, il-karatteristiċi, ix-xenarji tagħha—u dan jissuġġerixxi preokkupazzjoni intensa dwar is-suġġett. Il-fatt li l-biżaʼ mill-mejtin jinsab mifrux ġmielu, jipponta lejn idea primittiva ħafna li l-istat tagħhom ma kienx wieħed li fih il-ħajja kienet spiċċat. Il-mewt qatgħet l-enerġiji; dan kien ovvju biżżejjed; imma ma kienx hemm enerġiji oħrajn jaħdmu, jew ma kinux dawk l-enerġiji kapaċi juru ruħhom b’modi sottili u misterjużi? Jekk il-bnedmin fil-bidu emmnux f’xi spirtu, ruħ, jew ħares, separati mill-ġisem, jew le, jidher li hemm kull raġuni li temmen li huma qiesu lill-mejtin bħala li għadhom b’xi mod jeżistu.”
Jistaʼ jkun li int tiffittja fi kwalunkwe waħda mill-kategoriji msemmijin hawn fuq: m’intix ċert x’jiġri wara l-mewt; konvint li hemm xi tip taʼ ħajja wara l-mewt; jew konvint li din il-ħajja hi kull m’hemm. Hu x’inhu l-każ, nistidnuk tikkunsidra bir-reqqa l-artiklu li jmiss. Ara jekk issibx fih prova Biblika konvinċenti li hemm prospett mill-isbaħ taʼ ħajja hienja wara l-mewt, kif se sseħħ, fejn, u meta. (w96 10/15)