Żjara fl-Art Imwiegħda
NISSOPONU li ħabib qallek li xtralek—bħala rigal—dar ġdida fjamanta f’ambjent sabiħ u kwiet. ‘Min jaf kif inhi?’ tgħid bejnek u bejn ruħek. Bla dubju tkun ħerqan li tara din id-dar int innifsek, li tidħol fiha u tispezzjona kull kamra. Wara kollox, din hija d-dar ġdida li se toqgħod fiha!
Fl-1473 Q.E.K., Jehovah għadda lill-ġens taʼ Israel tal-qedem dar ġdida—l-Art Imwiegħda, strixxa taʼ territorju li kienet madwar 500 kilometru mit-Tramuntana san-Nofsinhar u 55 kilometru wiesgħa, bejn wieħed u ieħor.a Imqiegħda f’dak li kien imsejjaħ il-Fertile Crescent (art għammiela forma taʼ kwart taʼ qamar), l-Art Imwiegħda kienet post li titgħaxxaq tgħix fih, mogħni bil-karatteristiċi uniċi tiegħu.
Imma għala għandek tkun interessat illum f’“dar” li kienet mogħtija lil xi ħadd ieħor, speċjalment lil xi ħadd li għex snin ilu? Għax għarfien dwar din l-art storika jistaʼ jkabbarlek l-apprezzament għar-rakkonti Bibliċi. “Fl-art tal-Bibbja,” kiteb il-Professur Yohanan Aharoni, “il-ġeografija u l-istorja huma tant minsuġin flimkien li ebda waħda ma tistaʼ tiġi mifhuma sewwa mingħajr l-għajnuna taʼ l-oħra.” Barra minn hekk, fl-aqwa tagħha l-Art Imwiegħda pprovdiet eżempju fiċ-ċokon taʼ dak li l-Ġenna taħt is-Saltna t’Alla dalwaqt se tkun tfisser għall-umanità mad-dinja kollha!—Isaija 11:9.
Jekk Jehovah setaʼ jipprovdi art hekk sinjura u sabiħa għall-poplu tiegħu tal-qedem, ċertament li jistaʼ jagħti lill-qaddejja leali tiegħu taż-żmien modern ġenna glorjuża li tkun testendi maʼ l-art kollha—b’muntanji, widien, xmajjar, u għadajjar. Iva, l-Art Imwiegħda tal-qedem bid-diversità kollha tagħha kienet iddewwaq biss naqra mill-ġenna spiritwali li x-Xhieda tiegħu jgawdu llum u mill-Ġenna futura tad-dinja l-ġdida. Hemmhekk, il-wegħda mniżżla f’Salm 37:29 se tkun imwettqa: “Il-ġusti jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.” (w96 8/15)
[Nota taʼ taħt]
a L-użu taʼ “l-Art Imwiegħda” f’dawn l-artikli jħares lejn l-affarijiet mill-perspettiva taż-żminijiet tal-qedem, kif ippreżentata fil-Bibbja, u mingħajr involviment fi kwistjonijiet moderni dwar min għandu l-jedd politiku/reliġjuż għar-reġjun.
[Sors taʼ l-istampa f’paġna 3]
Garo Nalbandian