Immaġina l-Ħajja fl-Art Imwiegħda
Eżempji Tajbin u Ħżiena taʼ Tfal u Żgħażagħ li Għexu f’Silo
META taħseb fuq il-bliet, l-irħula, u l-postijiet fl-Art Imwiegħda, wisq probabbli jiġuk f’moħħok irġiel u nisa li ssemmi l-Bibbja u li kienu jgħixu f’dawk il-postijiet. Imma l-Bibbja titkellem ukoll dwar xi tfal u żgħażagħ. Ġieli ħsibt kif kienet ħajjithom f’dak iż-żmien?
Nistgħu naraw minn eżempji taʼ tfal u żgħażagħ li nsibu fil-Bibbja. Ftit minnhom kienu t’eżempju tajjeb għalina u kien hemm xi wħud li ma kinux.
Silo kienet tinsab fuq għolja.a Meta l-Iżraelin daħlu fl-Art Imwiegħda, huma poġġew it-tabernaklu f’Gilgal qrib Ġeriko. (Ġożwè 4:19) Imma meta l-art kienet qed tinqasam bejn it-tribujiet, it-tabernaklu ramawh f’Silo u b’hekk din il-belt saret iċ-ċentru tal-qima f’Iżrael. (Ġożwè 18:1) Silo kienet madwar 30 kilometru ’l fuq minn Ġerusalemm fir-reġjun muntanjuż t’Efrajm. Nisa u rġiel minn Iżrael kienu jivvjaġġaw lejn Silo, fejn folol kbar kienu jinġabru fin-naħa t’isfel tal-wied fejn setaʼ kien it-tabernaklu. (Ġożwè 22:12) Taħseb li kienu jmorru tfal?
Iva, kien hemm tfal li marru Silo. Wieħed minnhom kien it-tfajjel Samwel. Il-ġenituri tiegħu, Elkana u Ħanna, kienu joqogħdu f’raħal fuq in-naħa l-oħra tal-għoljiet fil-Punent taʼ Silo. Kull sena huma kienu jivvjaġġaw lejn Silo mal-mara l-oħra t’Elkana u t-tfal tagħha. Fl-aħħar, Ġeħova bierek lil Ħanna b’tifel, li semmietu Samwel. Meta Samwel kien għadu tifel żgħir, il-ġenituri tiegħu ħaduh biex jgħix ġo Silo biex b’hekk ikun jistaʼ jaqdi fit-tabernaklu mal-Qassis il-Kbir Għeli.—1 Samwel 1:1-28; 2:1-11.
It-tifel kien ikollu x’jagħmel fit-tabernaklu, u jistaʼ jkun li kellu xi opportunitajiet biex imur jimxi fl-għoljiet li kienu fil-viċin. (1 Samwel 3:1, 15) Xi ftit mill-għoljiet kienu mimlijin siġar taż-żebbuġ. Stajt tara wkoll torri tal-għassa żgħir magħmul mill-ġebel. Il-bdiewa jew ir-ragħajja setgħu jużaw it-torri biex joqogħdu għassa għall-għelieqi jew in-nagħaġ tagħhom. Tistaʼ timmaġina lit-tfajjel Samwel jitlaʼ fih biex jittawwal? (Ara l-prinċipju fit-2 Kronaki 20:24.) Dan kien post tajjeb minn fejn stajt tara jekk hemmx annimali salvaġġi.
Dak iż-żmien kien hemm ħafna iktar siġar milli hemm issa u kien hemm foresti bl-annimali salvaġġi. (Ġożwè 17:15, 18) Dan nafuh minn x’ġara lil Eliżew meta sar il-profeta taʼ Ġeħova. Eliżew kien qed jivvjaġġa minn Ġeriko lejn Betel, allura kien f’dawn l-inħawi xi 16-il kilometru ’l isfel minn Silo. In-nies taʼ Betel kienu jqimu barri żgħir tad-deheb, allura Eliżew setaʼ ħaseb kif kienu se jittrattawh dawn in-nies. (1 Slaten 12:27-33; 2 Slaten 10:29) Milli jidher, dawn in-nies kienu jobogħduh il-profeta taʼ Ġeħova, u t-tfal tagħhom imitaw l-eżempju ħażin tagħhom.
Fit-2 Slaten 2:23, 24 naqraw li grupp taʼ subien bdew jiddieħqu b’Eliżew u jgħidulu: “Itlaq minn hawn ja qargħi! Itlaq minn hawn ja qargħi!” Hu dar lejhom u “seħithom f’isem Ġeħova. Imbagħad ħarġu żewġ orsijiet nisa mill-foresta u qattgħu biċċiet 42 minnhom.” Dawn l-orsijiet kannella tas-Sirja jistgħu jkunu feroċi meta jinħasdu jew meta xi ħadd jipprova jweġġaʼ l-frieħ tagħhom. (2 Samwel 17:8; Proverbji 17:12; 28:15) Ġeħova użahom biex joqtol lil dawk is-subien għax kienu jobogħdu lill-profeta tiegħu, u dan kien ifisser li kienu jobogħdu lilu wkoll.
B’hekk aħna nafu li fl-għoljiet taʼ madwar Silo kienu jgħixu l-annimali salvaġġi li setgħu joqtlu t-tfal. Dan jistaʼ jgħinna nifhmu kemm kellhom fidi l-ġenituri taʼ Samwel biex ħaduh jaqdi fit-tabernaklu.
Raġel ieħor li kien iħobb lil Ġeħova u kellu fidi b’saħħitha fih kien l-Imħallef Ġefta. Hu kien jgħix fil-Lvant tal-Ġordan f’post jismu Gilegħad, li kien mimli għoljiet. Ġefta kien talab lil Ġeħova għall-għajnuna biex jirbaħ lill-Għammonin, u wiegħdu li kien se jtih l-ewwel persuna li toħroġ mid-dar biex tilqgħu lura. L-unika tifla li kellu kienet l-ewwel waħda li ħarġet biex tilqgħu. Allura ħa lit-tifla tiegħu fit-tabernaklu taʼ Ġeħova f’Silo, fejn hi għexet u qdiet b’lealtà għal ħajjitha kollha.—Imħallfin 11:30-40.
Meta naħsbu fit-tfal u ż-żgħażagħ li kienu jgħixu f’Silo, ma rridux inkunu bħat-42 tifel li ma wrewx rispett lejn Eliżew. Minflok, aħna rridu nimitaw l-imħabba u l-fidi li wrew Samwel u t-tifla taʼ Ġefta.—Ara l-prinċipju fl-1 Korintin 10:6, 11.
[Nota taʼ taħt]
a Għal stampa ikbar ara n-1992 Calendar of Jehovah’s Witnesses.
[Sors]
Pictorial Archive (Near Eastern History) Est.
[Sors]
Pictorial Archive (Near Eastern History) Est.
[Sors]
Safari Zoo, Ramat-Gan, Tel Aviv