LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w95 2/1 pp. 19-21
  • Taʼ Min Huwa t-Tort?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Taʼ Min Huwa t-Tort?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Tbatija Finanzjarja
  • Diżappunt Bit-​Tfal
  • Falliment F’Li Jimxu ’l Quddiem Spiritwalment
  • L-​Iskuża Aħħarija
  • Niffaċċjaw Ir-​Realtà
  • Jehovah m’Għandux Ħtija
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Ibni Familja Soda Spiritwalment
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Ġenituri u Tfal: Poġġu lil Alla l-Ewwel!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
w95 2/1 pp. 19-21

Taʼ Min Huwa t-​Tort?

L-​EWWEL bniedem, Adam, ta bidu għax-​xejra. Wara li dineb qal lil Alla: “Il-​mara li lilha int tajt biex tkun miegħi, hi tatni l-​frott mis-​siġra u għalhekk jien kilt.” Fil-​fatt, kien qiegħed jgħid: “M’huwiex tort tiegħi!” L-​ewwel mara, Eva, għamlet l-​istess ħaġa meta qalet: “Is-​serpent​—dan qarraq bija u għalhekk jien kilt.”—Ġenesi 3:12, 13.

B’hekk ġie stabbilit il-​preċedent fil-​ġnien t’Għeden għal li l-​bnedmin jirrifjutaw li jaċċettaw ir-​responsabbiltà għall-​azzjonijiet tagħhom stess. Qatt kont ħati taʼ din il-​ħaġa? Meta jqumu l-​problemi, int malajr titfaʼ l-​ħtija fuq oħrajn? Jew tanalizza s-​sitwazzjoni biex tara taʼ min tassew huwa t-​tort? Fil-​ħajja taʼ kuljum, tant huwa faċli li naqgħu fin-​nassa li nwaħħlu f’oħrajn għall-​iżbalji tagħna u li ngħidu: “M’huwiex tort tiegħi!” Ejjew nagħtu ħarsa lejn sitwazzjonijiet komuni u naraw xi nies x’tendenza għandhom li jagħmlu. Iktar importanti, irrifletti fuq dak li kont tagħmel int fl-​istess ċirkostanzi.

Tbatija Finanzjarja

“M’huwiex tort tiegħi​—hija l-​ekonomija, in-​negozjanti qarreqin, l-​għoli tal-​ħajja,” xi wħud jistgħu jgħidu meta jsibu lilhom infushom f’inkwiet kbir finanzjarju. Imma huwa tassew ħtija taʼ dawn il-​fatturi? Forsi kundizzjonijiet li m’humiex ċerti wassluhom f’li jidħlu għal xi biċċiet taʼ negozju dubjużi jew spekulattivi. Xi kultant ir-​regħba toħnoq l-​oġġettività, u n-​nies isibu lilhom infushom iteftfu fid-​dlam, billi b’hekk isiru priża faċli għall-​ħattafa. Huma jinsew il-​qawl, “Jekk tidher li hija tajba wisq biex titwemmen, ġeneralment hekk tkun.” Huma jfittxu parir li jaqbel għal widnejhom, imma meta t-​tbatija finanzjarja tisponta bl-​ikrah, ifittxu f’min iwaħħlu. Dan, sfortunatament, xi drabi jiġri saħansitra fil-​kongregazzjoni Kristjana.

Xi wħud inqabdu fi skemi taʼ investimenti m’humiex għaqlin jew foloz, bħalma huwa x-​xiri taʼ djamanti li ma kinux jeżistu, l-​iffinanzjar taʼ programmi televiżivi popolari li malajr sfaxxaw fix-​xejn, jew l-​appoġġ taʼ żviluppi taʼ bini li fallew. Xewqa li m’hijiex moderata għall-​għana setgħet ċajpret il-​memorja tagħhom tal-​parir tal-​Bibbja: “Dawk li huma ddeterminati li jkunu għonja jaqgħu f’tentazzjoni u nasba . . . u nifdu lilhom infushom minn fuq s’isfel b’ħafna weġgħat.”—1 Timotew 6:9, 10.

Tberbiq bla rażan taʼ flus jistaʼ wkoll iwassal għal rovina finanzjarja. Xi wħud iħossu li għandhom jidhru bħan-​nies fir-​rivisti l-​iktar riċenti tal-​moda, jieħdu vaganzi li jiswew ħafna flus, jieklu barra f’restoranti taʼ lussu, u jixtru l-​aħħar “ġugarelli” tal-​kbar​—vetturi taʼ rikreazzjoni, dgħajjes, cameras, tagħmir taʼ l-​istereo. M’għandniex xi ngħidu, maż-​żmien xi wħud jistgħu jkunu kapaċi li jkollhom dawn l-​affarijiet permezz taʼ ppjanar u tfaddil bil-​għaqal. Madankollu dawk li huma mgħaġġlin biex jakkwistawhom jistgħu jsibu lilhom infushom mgħaddsin fid-​dejn. Jekk jagħmlu hekk, taʼ min ikun it-​tort? Ovvjament huma injoraw il-​parir f’loku taʼ Proverbji 13:18: “Il-​wieħed li qiegħed jittraskura d-​dixxiplina jiġi għall-​faqar u d-​diżunur.”

Diżappunt Bit-​Tfal

“Huwa t-​tort taʼ l-​anzjani li t-​tfal tiegħi telqu mill-​verità,” xi ġenituri jistgħu jgħidu. “Ma tawx attenzjoni biżżejjed lit-​tfal tiegħi.”

L-​anzjani tassew li għandhom ir-​responsabbiltà li jirgħu u jieħdu ħsieb il-​merħla, imma xi ngħidu għall-​ġenituri nfushom? Huma eżemplari f’li juru l-​frott taʼ l-​ispirtu t’Alla f’dak kollu li kellu x’jaqsam magħhom? Kien l-​istudju tal-​Bibbja tal-​familja kondott b’mod regulari? Urew il-​ġenituri żelu fis-​servizz taʼ Jehovah u għenu lit-​tfal tagħhom biex jippreparaw għalih? Kienu attenti għal maʼ min kienu qegħdin jassoċjaw it-​tfal tagħhom?

Bl-istess mod, huwa faċli għal ġenitur li jgħid dwar ix-​xogħol taʼ l-​iskola: “Huwa tort taʼ l-​għalliema li ibni ma marx tajjeb fl-​iskola. Ma kellhomx grazzja maʼ ibni. U dik l-​iskola ma tantx hija tajba fuq kollox.” Imma kien il-​ġenitur jikkomunika mill-​qrib maʼ l-​iskola? Kien il-​ġenitur interessat fil-​kurrikulum u l-​istudji tat-​tifel? Kien il-​homework tiegħu ppjanat, u kienet tiġi offruta l-​għajnuna meta meħtieġa? Setgħet il-​problema bażika kienet kwistjoni t’attitudni jew għażż min-​naħa tat-​tifel jew tal-​ġenitur?

Minflok ma l-​ġenituri jwaħħlu fis-​sistema taʼ l-​iskola, huwa bil-​wisq iktar produttiv jekk jieħdu azzjoni pożittiva biex ikunu ċerti li t-​tfal tagħhom għandhom l-​attitudni xierqa u li jieħdu vantaġġ mill-​opportunitajiet taʼ tagħlim disponibbli għalihom fl-​iskola.

Falliment F’Li Jimxu ’l Quddiem Spiritwalment

Xi kultant nisimgħu lil xi ħadd jgħid: “Kont inkun iktar b’saħħti spiritwalment, imma m’huwiex tort tiegħi li m’inix. L-​anzjani ma jagħtunix attenzjoni biżżejjed. M’għandix ħbieb. L-​ispirtu taʼ Jehovah m’huwiex fuq din il-​kongregazzjoni.” Sadattant, oħrajn fil-​kongregazzjoni għandhom il-​ħbieb, huma henjin, u jagħmlu progress spiritwali mill-​aħjar; u l-​kongregazzjoni hija mbierka bi tkabbir u prosperità spiritwali. Mela xi wħud għala għandhom il-​problemi?

Ftit nies iridu jkunu mseħbin mill-​qrib maʼ dawk li juru spirtu negattiv u dejjem jilmentaw. Ilsien iniggeż u jaqtaʼ u lmentar kontinwu jistgħu jkunu skuraġġanti ferm. Billi ma jkunux iridu jmorru lura spiritwalment, xi wħud jistgħu jillimitawha s-​sħubija soċjali tagħhom maʼ persuni bħal dawn. Billi jieħu dan bħala bruda min-​naħa tal-​kongregazzjoni, wieħed jistaʼ jibda jpassi, billi l-​ewwel imur f’kongregazzjoni waħda, imbagħad f’oħra, u f’oħra. Bħall-​merħliet li jpassu fil-​pjanuri taʼ l-​Afrika li dejjem qegħdin ifittxu mergħat iktar iħaddru, dawn il-​“Kristjani tal-​passa” qegħdin dejjem ifittxu l-​kongregazzjoni x-​xierqa. Kemm iktar ikunu henjin li kieku jfittxu, minflok, it-​tajjeb f’nies oħrajn u jistinkaw biex juru iktar bis-​sħiħ il-​frott taʼ l-​ispirtu t’Alla fil-​ħajjiet tagħhom stess!—Galatin 5:22, 23.

Xi wħud jagħmlu hekk billi jagħmlu sforz speċjali biex ikellmu lil xi ħadd differenti f’kull laqgħa fis-​Sala tas-​Saltna u biex ifaħħruh b’mod sinċier fuq xi punt tajjeb. Jistaʼ jkun dwar it-​tfal tiegħu li jġibu ruħhom tajjeb, ir-​regolarità fil-​laqgħat Kristjani, il-​kummenti ppreparati tajjeb fl-​Istudju tat-​Torri Tal-​Għassa, l-​ospitalità f’li jiftaħ id-​dar tiegħu għall-​Istudju tal-​Ktieb tal-​Kongregazzjoni u għal-​laqgħat għas-​servizz taʼ l-​għalqa, u affarijiet bħal dawn. Billi tagħmilha l-​mira tiegħek biex tifli dak li hemm taħt il-​qoxra taʼ l-​imperfezzjonijiet, int ċertament li se tiskopri kwalitajiet nobbli f’ħutek Kristjani. Dan se jħabbek magħhom, u se ssib li l-​ħbieb leali ma jonqsux.

L-​Iskuża Aħħarija

“Hija r-​rieda t’Alla.” “Waħħal fix-​Xitan.” Probabilment l-​iskuża aħħarija hija li nwaħħlu f’Alla jew fix-​Xitan għall-​fallimenti tagħna stess. Huwa veru li Alla jew ix-​Xitan jistgħu jinfluwenzaw xi ġrajjiet fil-​ħajjiet tagħna. Madankollu, xi wħud jemmnu li prattikament kull ħaġa, tajba jew ħażina, f’ħajjithom hija r-​riżultat taʼ intervent minn Alla jew mix-​Xitan. Huwa bħal li kieku li l-​ebda ħaġa li ġratilhom ma kienet konsegwenza taʼ l-​azzjonijiet tagħhom stess. “Jekk Alla jrid li jkolli dik il-​karozza ġdida, se jara li niksibha.”

Uħud bħal dawn taʼ spiss jgħixu l-​ħajjiet tagħhom bla ebda kont, billi jagħmlu deċiżjonijiet finanzjarji u oħrajn fuq is-​suppożizzjoni li Alla se jsalvahom. Jekk l-​azzjonijiet tagħhom li m’humiex prudenti jirriżultaw f’xi diżastru, ekonomiku jew xort’oħra, iwaħħlu fix-​Xitan. Li jagħmlu xi ħaġa mferfxa mingħajr ma l-​ewwel ‘jgħoddu l-​ispiża’ u mbagħad iwaħħlu fix-​Xitan għall-​falliment, jew agħar minn hekk, li jistennew li Jehovah jintervjeni, ikun mhux biss prużunzjoni imma wkoll kontra l-​Iskrittura.—Luqa 14:28, 29.

Satana għamel attentat biex iġiegħel lil Ġesù jaħseb b’dak il-​mod u ma jiħux responsabbiltà għall-​azzjonijiet Tiegħu. Rigward it-​tieni tentazzjoni, Mattew 4:5-7 jirrapporta: “Ix-​Xitan ħadu miegħu ġewwa l-​belt qaddisa, u stazzjonah fuq is-​sur tat-​tempju u qallu: ‘Jekk int iben t’Alla, inxteħet ’l isfel; għax huwa miktub, “Hu se jagħti lill-​anġli tiegħu kmand dwarek, u se jġorruk fuq idejhom, biex f’ebda ħin ma taħbat sieqek maʼ xi ġebla.”’” Ġesù rrealizza li ma setax jistenna li Jehovah jintervjeni jekk kien se jieħu korsa li b’mod ċar kienet taʼ bluha, saħansitra suwiċidjali. Għalhekk, wieġeb: “Huwa miktub, ‘Ma tridx tqiegħed lil Jehovah Alla tiegħek għall-​prova.’”

Dawk bit-​tendenza qawwija li jwaħħlu fix-​Xitan jew f’Alla għall-​azzjonijiet dubjużi tagħhom stess jixbhu ferm lil dawk li jsegwu l-​astroloġija, li sempliċement jissostitwixxu l-​istilel flok Alla jew ix-​Xitan. Billi huma kompletament konvinti li kważi kulma jiġri m’għandhom ebda kontroll fuqu, jinjoraw il-​prinċipju sempliċi mistqarr f’Galatin 6:7: “Kulma bniedem qiegħed jiżraʼ, dan ukoll se jaħsad.”

Niffaċċjaw Ir-​Realtà

Ħadd ma se jħaqqaqha li qegħdin ngħixu f’dinja imperfetta. Il-​problemi diskussi hawn huma reali biżżejjed. Xi nies se jieħdu vantaġġ minna finanzjarjament. Xi wħud minn dawk li jimpjegaw se jkunu inġusti. Nies li nafuhom jistgħu jinfluwenzaw ħażin lil uliedna. Xi għalliema u skejjel jinħtieġu titjib. L-​anzjani xi kultant hemm bżonn li juru iktar imħabba u tħassib. Imma rridu nirrikonoxxu l-​effett taʼ l-​imperfezzjoni u li, kif turi l-​Bibbja, “[i]d-dinja kollha qiegħda taħt il-​poter tal-​wieħed mill-​agħar.” Mela m’huwiex realistiku li nistennew li l-​mogħdija tagħna tal-​ħajja se tkun lixxa l-​ħin kollu.—1 Ġwann 5:19.

Iktar minn hekk, irridu nirrikonoxxu l-​imperfezzjonijiet u l-​limitazzjonijiet tagħna stess u nirrealizzaw li ħafna drabi l-​problemi tagħna huma r-​riżultat tal-​bluha tagħna stess. Pawlu wissa lill-​Kristjani f’Ruma: “Jien ngħid lil kull wieħed li hemm fostkom biex ma jaħsibx dwaru nnifsu iktar milli huwa meħtieġ li jaħseb.” (Rumani 12:3) Dak il-​parir japplika bl-​istess forza għalina llum. Meta xi ħaġa tmur żmerċ fil-​ħajjiet tagħna, m’aħniex immedjatament se nsegwu lill-​antenati tagħna Adam u Eva u ngħidu: “M’huwiex tort tiegħi!” Minflok se nistaqsu lilna nfusna, ‘Xi stajt għamilt b’mod differenti biex evitajt dan ir-​riżultat taʼ dwejjaq? Eżerċitajt jien ġudizzju tajjeb fil-​kwistjoni u fittixt parir minn sors għaref? Tajt jien il-​benefiċċju tad-​dubju lill-​ieħor jew oħrajn, billi stmajthom bid-​dinjità?’

Jekk insegwu l-​prinċipji Kristjani u neżerċitaw ġudizzju f’loku, se jkollna iktar ħbieb u inqas problemi. Ħafna mill-​problemi bla bżonn fil-​ħajjiet tagħna taʼ kuljum se jiġu solvuti. Se nsibu ferħ f’li jkollna x’naqsmu m’oħrajn u m’aħniex se nkunu nkwetati bil-​mistoqsija: “Taʼ min huwa t-​tort?”

(w95 2/1)

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja