Il-Biżaʼ Jaħkem lid-Dinja
SPLUŻJONI ġganteska taʼ bomba f’karozza heżhżet il-bini taʼ 110 sulari tal-World Trade Center fil-belt taʼ New York fis-26 taʼ Frar, 1993. Eluf taʼ ħaddiema ġew maqbudin f’liftijiet weqfin jew kellhom jaħarbu minn turġien mimlijin duħħan. Huma ħassew il-biżaʼ li huwa issa mifrux maʼ kullimkien f’din id-dinja vjolenti.
Nies f’ħafna artijiet ġew itterrorizzati bil-bombi, li saru xi ħaġa taʼ kuljum f’pajjiżi bħall-Irlanda u l-Libanu. Iva, 13 splodew f’ġurnata waħda biss—it-12 taʼ Marzu, 1993—f’Bombay, l-Indja, billi qatlu mal-200 ruħ! Wieħed osservatur qal: “Hemm paniku maʼ Bombay kollu.” Skond ir-rivista Newsweek, “il-banalità kollha taʼ bomba f’karozza tagħmilha biss iktar tal-biżaʼ.”
Biżgħat Nukleari Jippersistu
Hemm il-biżaʼ li reatturi nukleari huma vulnerabbli għall-bombi. Attakk b’suċċess fuq impjant taʼ l-enerġija nukleari jistaʼ jikkaġuna ħsara u tbatija bla għadd. Fatt li jsaħħaħ din il-fehma kien l-attentat taʼ wieħed raġel li pprova jibqaʼ dieħel bil-karozza minn ġo xatba tas-sigurtà fl-istazzjon taʼ enerġija nukleari taʼ Three Mile Island fl-Istati Uniti.
Ħafna jibżgħu li terroristi u ħakkiema għatxana għall-poter sejrin jakkwistaw armi nukleari. Xi wħud huma beżgħanin li eluf taʼ xjenzati nukleari Sovjetiċi bla xogħol se jipprovaw ibiegħu l-kapaċitajiet tagħhom. Iktar minn hekk, għalkemm it-trattat imsejjaħ START u ftehim ieħor jitolbu tnaqqis kbir ferm taʼ armi nukleari u strateġiċi, qbil bħal dan mhux se jiġi attwat għal ħafna snin. Sadanittant, l-użu possibbli taʼ dawn l-armi minn xi ras kbira fanatika jinstab imdendel bħal sħaba tempestuża taʼ theddid fuq l-umanità.
Il-Vjolenza Tippromwovi L-Biżaʼ
Iż-żjieda mad-dinja kollha taʼ kriminalità vjolenti tagħmel lin-nies beżgħanin fi djarhom u fit-toroq. Huwa stmat li 23,200 Amerikan ġew maqtulin fl-1990. Fil-belt taʼ Chicago, per eżempju, żjieda fl-użu tal-kokaina crack ikkontribwiet għal madwar 700 omiċidju f’sena waħda. Ċerti nħawi taʼ xi bliet saru kampijiet tal-battalja fejn dawk li jkunu għaddejjin, inklużi tfal, ġew maqtulin waqt sparar minn kullimkien. Tgħid rivista waħda: “Il-vjolenza qiegħda tiżdied b’rata mgħaġġla fi bliet taʼ daqs medju. . . . Ħadd m’hu ħieles waqt li komunitajiet maʼ l-[Istati Uniti] huma mgħarrqin bi drogi u delinkwenti żgħażagħ. Kull sena 1 minn kull 4 familji Amerikani tesperjenza xi kriminalità jew serq vjolenti.”—U.S.News & World Report, 7 t’Ottubru, 1991.
Biżaʼ minn stupru jagħmel lin-nisa anzjużi. Fi Franza l-istupri rrapportati telgħu bi 62 fil-mija mill-1985 sa l-1990. Fi żmien sitt snin l-attakki sesswali rdoppjaw għal 27,000 fil-Kanada. Il-Ġermanja rrapportat attakk sesswali fuq mara kull sebaʼ minuti.
It-tfal ukoll jibżgħu għas-sigurtà tagħhom. In-Newsweek tirrapporta li fl-Istati Uniti, “tfal, saħansitra tar-rabaʼ u l-ħames sena primarja, qegħdin jarmaw lilhom infushom, u l-għalliema u l-uffiċjali taʼ l-iskola qegħdin isiru beżgħanin.” Is-sitwazzjoni hi tant serja li kwart taʼ l-iskejjel fid-distretti taʼ l-ibliet kbar jużaw apparat li jfittex il-metall, imma żgħażagħ iddeterminati jsibu mezz kif jiskapulawhom billi jnewlu armi tan-nar lil oħrajn mit-twieqi.
Biżaʼ Mill-AIDS
Iktar u iktar nies huma beżgħanin illi jieħdu l-AIDS. Kien hemm ’il fuq minn 230,000 każ fl-Istati Uniti waħedhom. L-AIDS saret is-sitt l-iktar kawża taʼ mwiet fost dawk taʼ bejn il-15 u l-24 sena. “Fil-futur hemm il-prospett li jkexkex taʼ ħafna iktar mard maʼ kullimkien,” tgħid in-Newsweek.
Il-mewt mill-AIDS qiegħda żżid fil-frekwenza fost nies fl-oqsma taż-żfin, it-teatru, iċ-ċinema, il-mużika, il-moda, it-televiżjoni, l-arti, u oqsma oħrajn. Rapport wieħed qal li 60 fil-mija taʼ l-imwiet taʼ rġiel li jgħixu f’Pariġi fil-ġurnaliżmu, fl-arti, u fid-divertiment bejn il-25 u l-44 sena kienu minħabba l-AIDS. Il-WHO (L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa) tirrapporta li minn 8 miljun sa 15-il miljun ruħ madwar id-dinja huma infettati bl-HIV. Dr. Michael Merson, direttur tal-WHO, jgħid: “Issa huwa ċar li l-ħsad taʼ l-infezzjoni HIV madwar il-globu qiegħed jeħżien bl-għaġla, speċjalment fil-pajjiżi li qegħdin jiżżviluppaw.”
M’għandniex xi ngħidu, hemm ukoll biżgħat ambjentali u oħrajn. Madankollu, ir-rapporti msemmijin hawn waħedhom jagħmluha evidenti li l-biżaʼ jaħkem lid-dinja. Hemm xi ħaġa sinjifikanti b’mod speċjali dwar dan? Nistgħu aħna qatt nistennew li ngawdu ħelsien mill-biżaʼ? (w94 7/15)
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 3]
Bob Strong/Sipa Press