Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Alla wissa lil Kajjin li ‘d-dnub kien qiegħed jitbaxxa fid-daħla u għalih kienet ix-xenqa tiegħu,’ li donnu jalludi għal bhima salvaġġa u l-priża tagħha. (Ġenesi 4:7) Għala kellu jintuża dak il-lingwaġġ jekk qabel id-Dulluvju, l-annimali kielu biss il-ħxejjex?
Fil-kotba miktubin minn Mosè, insibu numru taʼ versi li jirriflettu fatti jew żviluppi storiċi li jistgħu jidhru b’mod stramb li huma barra minn lokhom fl-isfond storiku tagħhom.
Per eżempju, ir-rakkont taʼ Ġenesi 2:10-14 jagħti dettalji ġeografiċi dwar il-ġnien taʼ Għeden. Mosè kiteb li xmara waħda kienet “dik li kienet sejra lejn il-Lvant taʼ l-Assirja.” Imma l-art taʼ l-Assirja ħadet isimha minn Asxur, bin Xem li twieled wara d-Dulluvju. (Ġenesi 10:8-11, 22; Eżekjel 27:23; Mikea 5:6) B’mod evidenti, fir-rakkont preċiż u mnebbaħ tiegħu, Mosè sempliċement uża t-termini “Assirja” biex jirreferi għal reġjun li kien familjari mal-qarrejja tiegħu.
Ikkunsidra eżempju ieħor mill-kapitli tal-bidu taʼ Ġenesi. Wara li Adam u Eva dinbu u ġew imkeċċijin mill-ġnien, Jehovah ma ħalliehomx jerġgħu lura fih. Kif? Ġenesi 3:24 igħid: “[Hu] saq lill-bniedem ’il barra u poġġa fil-Lvant tal-ġnien taʼ Għeden lill-kerubini u x-xafra taqbad taʼ sejf li kien idawwar lilu nnifsu l-ħin kollu biex igħasses il-mogħdija lejn is-siġra tal-ħajja.” Innota, “[i]x-xafra taqbad taʼ sejf.” Kien Alla li vvinta s-sjuf?
M’għandniex għalfejn nikkonkludu li l-Ħallieq tagħna kollu mħabba kien l-ewwel wieħed li għamel dawk li nafuhom bħala sjuf. Adam u Eva raw iddur quddiem l-anġli xi ħaġa li kienet qiegħda taqbad. X’kienet eżattament? Sakemm Mosè kiteb il-ktieb taʼ Ġenesi, is-sjuf kienu magħrufin sewwa u wżati fil-gwerra. (Ġenesi 31:26; 34:26; 48:22; Eżodu 5:21; 17:13) Mela l-kliem taʼ Mosè “x-xafra taqbad taʼ sejf” għen lill-qarrejja tiegħu biex iġibu quddiem għajnejhom sa ċertu punt dak li eżista fid-daħla taʼ Għeden. L-informazzjoni li kienet magħrufa fi żmien Mosè kkontribwiet biex jiġu mifhumin affarijiet bħal dawn. U l-lingwaġġ li Mosè uża bil-fors li kien preċiż, għax Jehovah ġiegħel li jkun inkluż fil-Bibbja.—2 Timotew 3:16.
Issa xi ngħidu dwar Ġenesi 4:7? Hemmhekk Alla wissa lil Kajjin: “Jekk iddur biex tagħmel it-tajjeb, mhux se jkun hemm eżaltar? Imma jekk ma ddurx biex tagħmel it-tajjeb, hemm id-dnub jitbaxxa fid-daħla, u għalik hi x-xenqa tiegħu; u sejjer int, min-naħa tiegħek, trażżnu?” Kif ġie nnotat, il-lingwaġġ jidher li qiegħed jagħti stampa tax-xbiha taʼ bhima salvaġġa bil-ġuħ, baxxuta u lesta biex taqbeż fuq u tiblaʼ lill-priża.
Madankollu, evidenza fil-Bibbja tindika li Adam u Eva kienu fil-paċi maʼ l-annimali kollha. Xi wħud mill-ħlejjaq setgħu ħassewhom komdi madwar il-bnedmin, saħansitra jibbenefikaw minn din il-viċinanza. Oħrajn kienu bhejjem salvaġġi, annimali li naturalment fittxew abitat ’il bogħod mill-bnedmin. (Ġenesi 1:25, 30; 2:19) Madankollu, il-Bibbja ma tissuġġerix li xi annimali kellhom bħala l-priża tagħhom annimali oħrajn jew bnedmin. Oriġinalment, Alla b’mod speċifiku ta l-ħxejjex bħala d-dieta kemm taʼ l-annimali kif ukoll tal-bnedmin. (Ġenesi 1:29, 30; 7:14-16) Dan ma nbidilx sa wara d-Dulluvju, kif jindika Ġenesi 9:2-5.
Xi ngħidu, allura, dwar it-twissija t’Alla lil Kajjin, bħalma naqraw f’Ġenesi 4:7? Ċertament li x-xbiha taʼ bhima salvaġġa baxxuta u lesta biex taqbeż fuq il-priża kienet tiġi mifhuma faċilment fi żmien Mosè, u aħna nifhmuha wkoll. Mela, għal darb’oħra, Mosè setaʼ kien qiegħed juża l-lingwaġġ addattat għall-qarrejja li kienu familjari mad-dinja taʼ wara d-Dulluvju. U saħansitra li kieku Kajjin qatt ma kien ra ħlejqa bħal din, hu kien ikun kapaċi jifhem il-punt taʼ twissija li xebbah lix-xewqa midinba taʼ ġo fih maʼ bhima bil-ġuħ, li tiblaʼ kull ma tara.
L-aspetti primarji li għandhom ikollhom impatt akbar fuqna huma dawn: Il-qalb tajba t’Alla f’li jwissi lil Kajjin, il-valur taʼ li naċċettaw b’umiltà l-pariri, kemm l-għira faċilment tistaʼ tikkorrompina, u kemm għandna nieħdu bis-serjetà twissijiet divini oħrajn li Alla poġġa fl-Iskrittura għalina.—Eżodu 18:20; Ekkleżjasti 12:12; Eżekjel 3:17-21; 1 Korintin 10:11; Ebrej 12:11; Ġakbu 1:14, 15; Ġuda 7, 11.