Turment Etern—Għala Duttrina li Tinkwetak?
“Smajt li biddiltuh lill-kappillan tagħkom. X’ġara?”
“Sewwa, hu kien igħidilna li lkoll kemm aħna sejrin l-infern.”
“Il-kappillan il-ġdid xi jgħid?”
“Il-kappillan il-ġdid igħid li aħna sejrin l-infern, ukoll.”
“Mela x’differenza hemm?”
“Sewwa, id-differenza hi li meta qalha l-qassis taʼ qabel, kien qisu qiegħed jieħu pjaċir biha; imma meta jgħidha l-ġdid, qisha qiegħda taqsamlu qalbu.”
DIN l-istorja, li tidher fi ktieb bl-istampi, tirrifletti bil-mod uniku tagħha kif ħafna għalliema tal-Bibbja, kif ukoll dawk li jmorru l-knisja, m’humiex komdi bid-duttrina tal-infern. F’kuntest akbar, tikkonferma wkoll l-osservazzjoni tat-teologu Kanadiż Clark H. Pinnock: “Mill-artikli kollha tat-teoloġija li nkwetaw il-kuxjenza umana matul is-sekli, jien naħseb li ftit setgħu kkaġunaw anzjetà akbar mill-interpretazzjoni aċċettata tal-infern bħala kastig konxju taʼ dejjem fil-ġisem u r-ruħ.”
Implikazzjonijiet Morali
Ħafna, allura, għala huma nkwetati dwar ix-xeni tal-infern li huma ppreżentati fil-Kristjaneżmu? Il-professur Pinnock igħid: “L-idea li ħlejqa konxja trid tgħaddi minn tortura fiżika u mentali għal żmien bla tmiem hija verament inkwetanti, u l-ħsieb li dan jiġi fuqhom b’digriet divin joffendi l-konvinzjoni tiegħi dwar l-imħabba t’Alla.”
Iva, it-tagħlim taʼ turment etern jippreżenta problema morali. Per eżempju, Kristjani sinċieri jirriflettu fuq il-mistoqsijiet imqajmin mit-teologu Kattoliku Hans Küng: “Għandu dak Alla taʼ mħabba . . . joqgħod jara għall-eternità kollha din it-tortura fiżika u psikoloġika bla tmiem, bla tama, bla ħniena, bla mħabba, u krudili tal-ħlejjaq tiegħu?” Küng ikompli: “Huwa kreditur daqshekk qalbu iebsa? . . . Kieku x’naħsbu dwar bniedem tad-demm u l-laħam li ssodisfa l-għatx tiegħu għall-vendetta b’tali mod li qatt ma tistaʼ tkun fil-paċi miegħu u li jissodisfah?”a Tabilħaqq, kif jistaʼ dak Alla li jgħidilna fil-Bibbja li aħna rridu nħobbu l-għedewwa tagħna jixtieq jittortura l-għedewwa tiegħu għall-eternità? (1 Ġwann 4:8-10) Mhux taʼ b’xejn li xi nies jikkonkludu li n-natura tal-infern sempliċement mhix kompatibbli man-natura t’Alla, u li din id-duttrina ma tagħmilx sens morali.
Ħafna kredenti oħrajn jipprovaw isikktu l-kuxjenza tagħhom billi jevitaw dawn il-mistoqsijiet. Li jdawru wiċċhom in-naħa l-oħra, iżda, ma jġagħalx lil dan it-taħwid jisparixxi. Mela ejjew niffaċċjaw il-kwistjoni. X’inhuma l-implikazzjonijiet morali nvoluti f’din id-duttrina? Fil-Criswell Theological Review, il-professur Pinnock jikteb: “Turment taʼ dejjem ma tistax tittollerah minn lat morali għaliex ipinġi lil Alla bħala mostru għatxan għad-demm li jieħu ħsieb Auschwitz taʼ dejjem għall-vittmi li lanqas biss iħallihom imutu.” Hu jistaqsi: “Kif jistaʼ xi ħadd li għandu ħniena ġo fih jibqaʼ kalm waqt li jikkontempla idea bħal din [id-duttrina tradizzjonali tal-infern]? . . . Kif jistaʼ jkun li l-Kristjani jipproġettaw alla krudil u vendikattiv daqshekk?”
Billi juri l-influwenza ħażina li din id-duttrina jistaʼ jkollha fuq l-imġieba taʼ xi bniedem, Pinnock jikkummenta: “Jien saħansitra ninsab imħasseb dwar liema atroċitajiet ikkommettew dawk li kienu jemmnu b’wieħed Alla li jittortura lill-għedewwa tiegħu?” Hu jikkonkludi: “M’huwiex dan konċett li jinkwetak ħafna u li hemm bżonn li wieħed jerġaʼ jaħseb fuqu?” Iva, jekk krudeltà bħal din hija attribwita lil Alla, mhux taʼ b’xejn li wħud sensittivi li jmorru l-knisja qegħdin jeżaminaw mill-ġdid in-nar tal-infern. U x’jaraw? Problema oħra tikkonfronta l-idea taʼ turment etern.
L-Infern u l-Ġustizzja
Ħafna minn dawk li jaħsbu dwar id-duttrina tradizzjonali tal-infern isibu li din donnha tagħti stampa t’Alla bħala li jaġixxi b’mod inġust, u għalhekk toffendi s-sens naturali tagħhom taʼ ġustizzja. B’liema mod?
Issib tweġiba waħda meta tqabbel id-duttrina taʼ turment etern maʼ livell taʼ ġustizzja mogħtija minn Alla: “Għajn għal għajn, sinna għal sinna.” (Eżodu 21:24) U għall-argument, applika mad-duttrina tan-nar tal-infern dik il-liġi divina mogħtija lil Iżrael tal-qedem, liġi taʼ ħlas eżatt għad-dnub. Liema konklużjoni taħseb li tasal għaliha? Li dawk il-midinbin biss li kkaġunaw turment etern jixirqilhom turment etern ugwali bi tpattija—turment etern għal turment etern. Imma ladarba l-bnedmin (huma kemm huma mill-agħar) jistgħu jikkaġunaw turment li jispiċċa, li jiġu ssentenzjati għal turment etern joħloq nuqqas taʼ proporzjon bejn id-delitti tagħhom u l-penalità infinita tan-nar tal-infern.
Ngħiduha kif inhi, is-sentenza kienet tkun iebsa wisq. Kienet tmur wisq iktar minn “għajn għal għajn, sinna għal sinna.” Meta tikkunsidra t-tagħlim taʼ Ġesù li jimmodera l-idea taʼ ritaljazzjoni, int forsi tammetti li l-veri Kristjani jkollhom diffikultà f’li jaraw sens taʼ ġustizzja fit-turment etern.—Mattew 5:38, 39; Rumani 12:17.
Jiġġustifikaw id-Duttrina
Xorta waħda, ħafna kredenti jkomplu jipprovaw jiġġustifikaw id-duttrina. Kif? L-awtur Britanniku Clive S. Lewis jitkellem għal ħafna difensuri fil-ktieb tiegħu The Problem of Pain: “M’hemmx duttrina oħra li kont inneħħi iktar bil-qalb mill-Kristjanità minn din, li kieku kelli s-setgħa. Imma għandha l-appoġġ sħiħ tal-Iskrittura u, speċjalment, taʼ kliem il-Mulej tagħna nnifsu.” B’hekk, dawk li jappoġġjawh jistqarru li t-turment etern huwa tal-biżaʼ, imma fl-istess nifs, isostnu li d-duttrina hija obbligatorja għaliex huma jħossu li l-Bibbja tgħallimha. Jinnota t-teologu Pinnock: “Billi jammettu l-kruha tagħha, huma jittamaw li jagħtu prova tal-fedeltà li ma titħarrikx tagħhom lejn il-Bibbja u ċertu eroiżmu f’li jemmnu verità terribbli bħal din għaliex tgħallimha l-Iskrittura. Iġagħluha tinstemaʼ qisha li l-infallibiltà tal-Bibbja kienet tiddependi minnha. Imma huwa verament hekk?”
Int ukoll forsi tistaqsi jekk il-fedeltà lejn il-Bibbja tħallilekx għażla ħlief li taċċetta din id-duttrina. Il-Bibbja x’tgħid tassew?
[Nota taʼ taħt]
a Eternal Life?—Life After Death as a Medical, Philosophical, and Theological Problem, paġna 136.