LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w93 5/1 pp. 4-6
  • It-Tajjeb Qatt se Jikkonkwista lill-Ħażin?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • It-Tajjeb Qatt se Jikkonkwista lill-Ħażin?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Ġlieda Kontra l-​Ħażen f’Dachau
  • Nikkonkwistaw il-​Ħażen Ġewwa Fina
  • Inġibu lix-​Xitan fix-​Xejn
  • “M’Humiex Se Jagħmlu Ħażen”
  • X’Jagħmilna Tajbin jew Ħżiena?
    Stenbaħ!—2010
  • It-Tajjeb Kontra l-Ħażin—Battalja Dejjiema
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Kif it-Tajjeb Se Jirbaħ lill-Ħażin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • “Troddu lil Ħadd Ħsara bi Ħsara”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
w93 5/1 pp. 4-6

It-Tajjeb Qatt se Jikkonkwista lill-Ħażin?

KWAŻI elfejn sena ilu, Ġesù Kristu, bniedem innoċenti, kien għaddej ġuri għal ħajtu. Bnedmin mill-​agħar kienu qegħdin jikkonfoffaw biex jeqirduh għaliex tkellem il-​verità. Kien akkużat b’mod falz b’sedizzjoni, u l-​folla għajtet biex jiġi maqtul. Gvernatur Ruman, li pprezza l-​prestiġju politiku tiegħu stess iktar mill-​ħajja taʼ mastrudaxxa umli, ikkundanna lil Ġesù għal mewt kiefra. Għad-​dehriet kollha minn barra, donnu kien jidher li l-​ħażen kien ittrijonfa.

Madankollu, il-​lejl taʼ qabel l-​esekuzzjoni tiegħu, Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Jien ikkonkwistajt lid-​dinja.” (Ġwann 16:33) X’ried ifisser? F’parti, li l-​ħażen fid-​dinja la kien irrabjah u lanqas ġiegħlu jirritalja bl-​istess manjiera. Id-​dinja ma kinetx deffsitu f’forma taʼ ħażen. (Qabbel Rumani 12:​2, Phillips.) Saħansitra meta kien qiegħed imut, hu talab għan-​nom tal-​qattiela tiegħu: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu.”—Luqa 23:34.

Ġesù wera—san-​nifs tal-​mewt tiegħu—​li l-​ħażen jistaʼ jiġi kkonkwistat. Hu ħeġġeġ lis-​segwaċi tiegħu biex jiġġieldu l-​battalja tagħhom stess kontra l-​ħażen. Kif jistgħu jagħmlu dan? Billi jagħtu kas il-​parir Skritturali biex ma ‘jroddu ħażen għal ħażen lil ħadd’ u biex ‘jibqgħu jikkonkwistaw lill-​ħażen bit-​tajjeb,’ bħalma kien għamel Ġesù. (Rumani 12:17, 21) Imma korsa bħal din taħdem verament?

Il-​Ġlieda Kontra l-​Ħażen f’Dachau

Else kienet mara Ġermaniża fil-​ħabs f’Dachau li tat għotja prezzjuża lil tifla Russa taʼ 14-il sena, il-​għotja taʼ fidi u tama.

Dachau kien kamp taʼ konċentrament magħruf ħafna fejn eluf mietu u mijiet, inkluża din it-​tifla Russa, kienu ssuġġettati għal esperimenti makabri taʼ mediċina. Dachau donnu kien ir-​rappreżentazzjoni tal-​ħażen. Madankollu, saħansitra f’ħamrija bħal din li kienet tidher li ma tistax tagħti frott, it-​tajjeb nibet u saħansitra mmoltiplika.

Else ħassitha ddispjaċuta b’mod iddisprat għal din it-​tifla li kienet ukoll ġiet imġiegħla tara lil gwardjani tal-​SS jistupraw b’mod selvaġġ lil ommha. Else, billi ssograt ħajjitha stess, fittxet għal opportunitajiet biex titkellem mat-​tifla dwar it-​tajjeb u l-​ħażen u dwar it-​tama Skritturali taʼ rxoxt. Hi għallmet lill-​ħabiba żagħżugħa tagħha biex tħobb minflok ma tobgħod. U t-​tifla Russa salvat mit-​tkexkix taʼ Dachau, grazzi għal Else.

Else għamlet dak li għamlet għaliex riedet issegwi l-​eżempju mhux egoist taʼ Kristu. Bħala waħda mix-​Xhieda taʼ Jehovah, hi kienet tgħallmet biex ma troddx lura ħażen għal ħażen, u l-​fidi tagħha qanqlitha biex tgħin lil oħrajn jagħmlu l-​istess. Għalkemm sofriet f’Dachau, hi rebħet rebħa morali fuq reġim mill-​agħar. U ma kinetx l-​unika waħda.

Paul Johnson, fil-​ktieb tiegħu A History of Christianity, innota li “[x-Xhieda taʼ Jehovah] irrifjutaw kwalunkwe koperazzjoni mal-​istat Nażista li huma ddenunzjaw bħala totalment mill-​agħar. . . . Sebgħa u disgħin fil-​mija sofrew persekuzzjoni f’xi forma jew oħra.” Kienet din taqbida bla tama? Fil-​ktieb Values and Violence in Auschwitz, is-​soċjologa Pollakka Anna Pawelczynska qalet dwar ix-​Xhieda: “Dan il-​grupp ċkejken taʼ priġunieri kien forza ideoloġika soda u huma rebħu l-​battalja tagħhom kontra n-​Nażiżmu.”

Għall-biċċa l-​kbira minna, iżda, il-​battalja prinċipali hija miġġielda kontra l-​ħażen minn ġo fina minflok il-​ħażen minn barra. Hija taqbida ġo fina stess.

Nikkonkwistaw il-​Ħażen Ġewwa Fina

L-​appostlu Pawlu ddeskriva din il-​ġlieda kif ġej: “M’huwiex it-​tajjeb li rrid nagħmel li attwalment nagħmel; huwa l-​ħażen li ma rridx nagħmel li nibqaʼ nagħmel.” (Rumani 7:19, The New Testament, minn William Barclay) Bħalma Pawlu kien jaf sewwa, li wieħed jagħmel it-​tajjeb mhux dejjem jiġi b’mod naturali.

Eugenioa kien żagħżugħ Spanjol li, għal sentejn sħaħ, iġġieled battalja kontra l-​inklinazzjonijiet mill-​agħar tiegħu. “Kelli nkun iebes fuqi nnifsi,” hu jispjega. “Minn età żgħira, kelli tendenza li nkun immorali. Bħala żagħżugħ, ipparteċipajt minn jeddi f’orġji omosesswali, u biex ingħid il-​verità, ħadt pjaċir b’dik ix-​xorta taʼ stil taʼ ħajja.” X’kien eventwalment li ġiegħlu jkun irid ibiddel?

“Ridt ingħoġob lil Alla, u tgħallimt mill-​Bibbja li hu ma kienx japprova l-​mod kif kont qiegħed ingħix,” qal Eugenio. “Mela ddeċidejt li nkun xorta taʼ persuna differenti, biex nimxi skond il-​linji taʼ gwida t’Alla. Kull ġurnata, kelli niġġieled kontra ħsibijiet negattivi u maħmuġin li xorta kienu jimlew lil moħħi. Kont iddeterminat li nirbaħ din il-​battalja, u tlabt bla waqfien għall-​għajnuna t’Alla. Wara sentejn l-​agħar kien għadda, għalkemm xorta għadni strett miegħi nnifsi. Imma t-​taqbida kienet siewja. Issa għandi rispett lejja nnifsi, żwieġ tajjeb, u, fuq kollox, relazzjoni tajba m’Alla. Jien naf mill-​esperjenza persunali li ħsibijiet mill-​agħar jistgħu jiġu mtajrin qabel ma jagħtu l-​frott​—jekk int tassew tagħmel l-​isforz.”

It-tajjeb jikkonkwista lill-​ħażin kull darba li ħsieb mill-​agħar jiġi rrifjutat, kull darba li ma nroddux lura ħażen għal ħażen. Madankollu, rebħiet bħal dawn, huma kemm huma importanti, ma jeliminawx iż-​żewġ sorsi prinċipali tal-​ħażen. Nipprovaw kemm nipprovaw, ma nistgħux għalkollox negħlbu d-​djufijiet tagħna li writna, u Satana għadu jeżerċita influwenza mill-​agħar fuq l-​umanità. Mela din is-​sitwazzjoni qatt se tinbidel?

Inġibu lix-​Xitan fix-​Xejn

Il-​fedeltà taʼ Ġesù sal-​mewt kienet telfa kbira ferm għal Satana. Ix-​Xitan falla fl-​attentat tiegħu biex ikisser l-​integrità taʼ Ġesù, u dak il-​falliment immarka l-​bidu tat-​tmiem għal Satana. Bħalma tispjega l-​Bibbja, Ġesù daq il-​mewt biex “permezz taʼ mewtu hu jistaʼ jġib fix-​xejn . . . lix-​Xitan.” (Ebrej 2:14) Wara l-​irxoxt tiegħu Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “L-​awtorità kollha ngħatat lili fis-​sema u fuq l-​art.” (Mattew 28:18) U din l-​awtorità kellha tintuża biex tannulla x-​xogħlijiet taʼ Satana.

Il-ktieb taʼ Rivelazzjoni jiddeskrivi l-​jum meta Ġesù kellu jkeċċi lil Satana ’l barra mis-​smewwiet. Dan il-​wieħed arċiħażin, flimkien mad-​demonji tiegħu, kellu jkun ikkonfinat lejn il-​viċinanza tal-​art. Bħala riżultat, twissi l-​Bibbja, il-​ħażen kellu jkun kotran: “Gwaj għall-​art u għall-​baħar, għaliex ix-​Xitan niżel għandkom, billi għandu rabja kbira, billi jaf li għandu perijodu qasir taʼ żmien.”—Rivelazzjoni 12:7-9, 12.

Il-profezija tal-​Bibbja tindika li din il-​ġrajja storika diġà seħħet​—madwar iż-​żmien tal-​Ewwel Gwerra Dinjija.b Dak jispjega ż-​żjieda mmarkata fil-​ħażen li rajna b’għajnejna fi żmienna. Imma dalwaqt Satana se jkun imrażżan totalment sabiex ma jkun jistaʼ jinfluwenza iktar lil ħadd.—Rivelazzjoni 20:1-3.

Dan kollu x’se jkun ifisser għall-​umanità?

“M’Humiex Se Jagħmlu Ħażen”

Bħala Sultan tas-​Saltna t’Alla, Ġesù dalwaqt se juża ‘l-​awtorità tiegħu fuq l-​art’ biex jorganizza programm taʼ edukazzjoni spiritwali mill-​ġdid. “It-​tjieba hija dak li l-​abitanti tal-art produttiva ċertament li se jitgħallmu.” (Isaija 26:9) Il-​benefiċċji se jkunu ovvji għal kulħadd. Il-​Bibbja tassigurana: “Ma se jagħmlu ebda ħsara [“m’humiex se jagħmlu ħażen,” Interlinear Hebrew/Greek English Bible taʼ Green] jew jikkaġunaw xi rovina . . . għaliex l-​art ċertament li se tkun mimlija bil-​għarfien taʼ Jehovah bħalma l-​ilmijiet qegħdin jiksu lill-​istess baħar.”—Isaija 11:9.

Saħansitra issa, ħafna mill-​inklinazzjonijiet mill-​agħar tagħna jistgħu jiġu megħlubin. Meta l-​influwenza tad-​demonji ma tkunx iktar, żgur li se jkun iktar u iktar faċli biex wieħed ‘idur lil hinn minn dak li hu ħażin u jagħmel dak li hu tajjeb.’—1 Pietru 3:11.

Għandna kull raġuni li nkunu fiduċjużi li t-​tajjeb se jikkonkwista lill-​ħażen għaliex Alla huwa tajjeb, u bil-​għajnuna tiegħu dawk li jixtiequ jagħmlu t-​tajjeb jistgħu jegħlbu lill-​ħażen, bħalma Ġesù ta prova permezz tal-​eżempju tiegħu stess. (Salm 119:68) Dawk issa li huma lesti li jiġġieldu lill-​ħażen jistgħu jħarsu ’l quddiem lejn li jgħixu f’art imnaddfa maħkuma mis-​Saltna t’Alla, gvern li għandu l-​inkarigu li jeqred mill-​għeruq lill-​ħażen għaż-​żmien kollu. Is-​salmista jiddeskrivi r-​riżultat: “Inkwantu għall-​qalb tajba bl-​imħabba u dak li hu veru, huma ltaqgħu maʼ xulxin; it-​tjieba u l-​paċi​—biesu lil xulxin. Dak li hu veru nnifsu se jinbet mill-​istess art, u t-​tjieba nfisha se tħares ’l isfel mill-​istess smewwiet.”—Salm 85:10, 11.

[Noti taʼ taħt]

a Mhux ismu veru.

b Għal iktar dettalji, ara paġni 20-2 tal-​ktieb Int Tistaʼ Tgħix għal Dejjem f’Ġenna tal-​art, ippubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja