Nifirħu bil-Ħallieq Grandjuż Tagħna
“Ħalli Iżrael jifraħ b’Dak il-grandjuż li għamlu, ulied Sijon—ħalli jkunu mimlijin ferħ bis-Sultan tagħhom.”—SALM 149:2.
1. Minkejja għajjat taʼ “libertà sa fl-aħħar,” x’inhi s-sitwazzjoni vera tal-umanità?
ID-DINJA taʼ llum hija kkastigata b’“weġgħat taʼ hemm.” Dik hi l-espressjoni li Ġesù uża fil-profezija tiegħu dwar “[i]l-konklużjoni tas-sistema taʼ affarijiet,” l-era katastrofika li bdiet bl-ewwel gwerra dinjija fl-1914. (Mattew 24:3-8) Bosta politikanti ma jaraw xejn ħlief dlam għall-futur. Minkejja għajjat taʼ “libertà sa fl-aħħar” fl-Ewropa tal-Lvant, wieħed li darba kien president f’dawk l-inħawi ġabar fil-qosor is-sitwazzjoni meta qal: “L-isplużjoni tal-popolazzjoni u l-effett tas-serra, toqob fl-ozone u l-AIDS, it-theddida taʼ terroriżmu nukleari u l-ispazju li qiegħed jikber b’mod drammatiku bejn it-Tramuntana sinjura u n-Nofs in-Nhar fqir, il-periklu tal-ġuħ, l-iżvojtar tal-bijosfera u tar-riżorsi minerali tal-pjaneta, l-espansjoni tal-kultura taʼ televiżjoni kummerċjali u t-theddida li qiegħda tikber taʼ gwerer reġjonali—dawn kollha, flimkien maʼ eluf taʼ fatturi oħrajn, jirrappreżentaw theddida ġenerali għall-umanità.” M’hemm ebda qawwa umana li tistaʼ twarrab din it-theddida taʼ diżastru terminali.—Ġeremija 10:23.
2. Min għandu s-soluzzjoni permanenti għall-problemi tal-umanità, u liema pass diġà ħa hu?
2 Nistgħu nifirħu, madankollu, li l-Ħallieq Grandjuż tagħna għandu s-soluzzjoni permanenti. Fil-profezija taʼ Ġesù “l-konklużjoni tas-sistema taʼ affarijiet” hija marbuta mal-“preżenza” inviżibbli tiegħu. (Mattew 24:3, 37-39) Biex joħloq is-“smewwiet ġodda,” Jehovah poġġa lil Ġesù fuq it-tron tiegħu bħala Sultan Messjaniku, u l-evidenza profetika turi li din il-ġrajja storika seħħet fis-smewwiet fis-sena 1914.a (2 Pietru 3:13) Bħala ħakkiem imsieħeb mal-Mulej Sovran Jehovah, Ġesù huwa issa nkarigat biex jiġġudika lill-ġnus u biex jifred lin-nies ġwejdin bħal ngħaġ tal-art minn uħud stinati bħall-mogħoż. Il-“mogħoż” ħżiena huma mmarkati għal “qtugħ taʼ dejjem” u “n-ngħaġ” għall-ħajja taʼ dejjem fil-qasam tal-art tas-Saltna.—Mattew 25:31-34, 46.
3. Il-veri Kristjani għandhom liema raġuni biex jeżaltaw?
3 Il-fdal taʼ Iżrael spiritwali fuq l-art, imsieħeb issa minn folla kbira taʼ dawn in-ngħaġ ubbidjenti, għandu kull raġun ikun mimli ferħ b’Jehovah, is-Sultan tal-eternità, hekk kif iġib il-għanijiet grandjużi tiegħu għal quċċata permezz tas-Saltna taʼ Ibnu. Huma jistgħu jgħidu: “Żgur m’iniex se nonqos li neżalta b’Jehovah. Ruħi se tkun mimlija ferħ b’Alla tiegħi. Għax hu libbisni bl-ilbies tas-salvazzjoni . . . Bħalma l-art infisha tnibbet ir-rimja tagħha, u bħalma l-ġnien innifsu jġiegħel lill-affarijiet li jinżergħu fih jinbtu, bl-istess manjiera l-Mulej Sovran Jehovah se jġiegħel li jinbtu t-tjieba u t-tifħir quddiem il-ġnus kollha.” (Isaija 61:10, 11) Dan it-‘tinbit’ jidher fil-miljuni li qegħdin issa jiġu miġburin minn ġol-ġnus biex ikantaw it-tifħir taʼ Jehovah.
‘Ingħaġġluh’
4, 5. (a) Il-ġbir tan-nies t’Alla kif kien imbassar? (b) Liema żjieda li tispikka kienet tidher matul is-sena taʼ servizz 1992?
4 Il-ġbir iħaffef il-pass hekk kif jersaq it-tmiem tas-sistema taʼ Satana. Il-Ħallieq Grandjuż tagħna jiddikjara: “U nkwantu għal niesek, ilkoll kemm huma se jkunu twajbin . . . , in-nebbieta tat-taħwil tiegħi, ix-xogħol taʼ jdejja, għalija biex nissebbaħ. Iċ-ċkejken innifsu se jsir elf, u ż-żgħir ġens setgħani. Jien innifsi, Jehovah, se ngħaġġlu f’waqtu stess.” (Isaija 60:21, 22) Dan il-għaġġil huwa rifless b’mod meraviljuż fir-Rapport tas-Sena taʼ Servizz 1992 tax-Xhieda taʼ Jehovah mad-Dinja Kollha, ippubblikat f’paġni 12 sa 15 taʼ The Watchtower tal-1 taʼ Jannar, 1993.
5 Tispikka f’dan ir-rapport hemm il-quċċata ġdida taʼ 4,472,787 xandâr tas-Saltna, żjieda taʼ 193,967—4.5 fil-mija iktar mis-sena l-oħra. Il-quċċata taʼ 301,002 imgħammdin matul l-1992 ukoll tirrifletti l-fatt li kotriet qegħdin jaċċettaw il-verità tal-Bibbja. Kemm nifirħu aħna li f’dan il-“jum taʼ dlam u swidija, . . . hemm poplu numeruż u setgħan,” li bħal qatgħa ġurati, qegħdin jespandu x-xiehda tas-Saltna “sal-iktar parti ’l bogħod tal-art”! (Ġojeli 2:2, 25; Atti 1:8) Mill-Alaska kollha silġ—fejn l-ajruplan tal-Watch Tower Society għamel iktar minn 50 żjara lejn territorji mimlijin silġ—sad-deżerti mikwijin taʼ Mali u Burkina Faso u l-gżejjer imxerrdin taʼ Mikroneżja, il-qaddejja taʼ Jehovah qegħdin jiddu bħal “dawl tal-ġnus, biex is-salvazzjoni [tiegħu] tistaʼ tiġi li tkun sal-estremità tal-art.”—Isaija 49:6.
6, 7. Liema ġrajjiet m’humiex mistennijin rajna b’għajnejna f’dawn l-aħħar snin, u l-qaddejja taʼ Jehovah kif irreaġixxew għal dan?
6 Jehovah kien u għadu bħal fortizza u torri b’saħħtu f’li jippproteġi u jwieżen lin-nies tiegħu. F’ħafna partijiet tal-art, ix-Xhieda taʼ Jehovah kellhom jissaportu għexur taʼ snin taʼ oppressjoni krudila u persekuzzjoni. (Salm 37:39, 40; 61:3, 4) Imma dan l-aħħar, bħal li kieku b’miraklu, restrizzjonijiet u barrikati ġew imneħħijin f’xi 21 pajjiż, u b’hekk issa n-nies t’Alla jistgħu jxandru bil-libertà li l-Ħallieq Grandjuż tagħna ħatar lil Kristu bħala Sultan għal fuq l-art.—Salm 2:6-12.
7 Qegħdin in-nies taʼ Jehovah jagħmlu użu tajjeb mil-libertà tagħhom li għadhom kif sabu? Innota fit-tabella ż-żjidiet għall-Albanija, għar-Rumanija, u għal dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika fl-Ewropa tal-Lvant u għall-Angola, għall-Benin, u għall-Mozambique fl-Afrika. Fiż-Zaire, ukoll, l-espansjoni hija fenomenali. B’ferħ fi qlubhom, l-aħwa lliberati tagħna jwieġbu s-sejħa: “Iżżu ħajr lil Jehovah, għax hu tajjeb . . . , lil Dak li qiegħed jagħmel affarijiet kbar, tal-għaġeb waħdu: għax il-qalb tajba bl-imħabba tiegħu hi għal żmien indefinit.” (Salm 136:1, 4) Dan ir-radd il-ħajr isir permezz taʼ servizz żeluż f’li jinġabru nies oħrajn bħal ngħaġ lejn in-naħa tas-Saltna.
8. Uħud ġodda li jfaħħru lil Jehovah kif ‘ġew itiru sewwa sew bħal sħaba’ fl-Ewropa tal-Lvant? fl-Afrika?
8 Matul is-sajf Ewropew li għadda, konvenzjonijiet tan-nies taʼ Jehovah li saru f’pajjiżi li qabel kienu Komunisti kellhom attendenzi li jbellhuk. Saħansitra iktar tal-għaġeb huma n-numri li qegħdin jiġu mgħammdin, bħalma turi t-tabella li semmejna qabel. Bl-istess mod, f’Togo, fl-Afrika, il-projbizzjoni tneħħiet fil-10 taʼ Diċembru, 1991. Xahrejn biss wara, saru l-konvenzjonijiet. Ipparagunata mal-medja taʼ kull xahar taʼ 6,443 pubblikatur fil-għalqa, l-attendenza f’dawn il-konvenzjonijiet telgħet għal 25,467, b’556 jiġu mgħammdin—8.6 fil-mija tan-numru taʼ pubblikaturi f’dak iż-żmien. Bħalma jpingiha Isaija 60:8, uħud ġodda li jfaħħru lil Jehovah “jiġu jtiru sewwa sew bħal sħaba, u bħal ħamiem lejn it-toqob tal-barumbara tagħhom” fil-kongregazzjonijiet tan-nies taʼ Jehovah.
9. Liema provvedimenti saru sabiex il-Kristjani f’pajjiżi li ġew illiberati dan l-aħħar ikunu jistgħu ‘jieklu u jixbgħu’?
9 Il-ġuħ għal ikel spiritwali fl-Ewropa tal-Lvant u fl-Afrika wkoll qiegħed jiġi mtaffi. Il-fabbriki tal-Watch Tower Society fil-Ġermanja, fl-Italja, u fl-Afrika t’Isfel bagħtu trakk imgħobbi wara trakk imgħobbi taʼ letteratura, f’għadd taʼ lingwi, lejn pajjiżi bil-ġuħ spiritwalment. Qabel, ħafna mix-Xhieda kellhom igħaddu rivisti mtertqin lil xulxin, imma issa qegħdin jirċievu abbundanza taʼ ikel spiritwali. Huma jifirħu b’li jieħdu sehem fit-twettieq tal-profezija: “Intom ċertament li se tieklu, tieklu u tixbgħu, u se tkunu marbutin li tfaħħru lill-isem taʼ Jehovah Alla tagħkom, li għamel magħkom b’mod daqshekk tal-għaġeb.”—Ġojeli 2:26.
Nieħdu Ħsieb taʼ Espansjoni Akbar
10. Minħabba l-attendenza kbira fil-Mafkar, liema stedina qiegħda ssir lil dawk kollha li huma interessati?
10 Tal-għaġeb tabilħaqq hija l-figura tal-attendenza madwar id-dinja għall-Mafkar tal-mewt taʼ Ġesù, 11,431,171 żjieda taʼ 781,013, jew 7.3 fil-mija iktar mis-sena l-oħra. Merħba, intom il-ġodda kollha li ġejtu! Kemm kien ikun tal-għaġeb kieku dawn il-persuni interessati kollha ġodda jgawdu l-benefiċċju taʼ studju tal-Bibbja fid-dar maʼ wieħed (jew waħda) mix-Xhieda taʼ Jehovah! (Ara Isaija 48:17.) Ir-Rapport tas-Sena taʼ Servizz juri 4,278,127 minn dawn l-istudji li qegħdin isiru kull xahar, żjieda mill-aħjar taʼ 8.4 fil-mija. Madankollu, ħafna iktar jistgħu jagħmlu użu minn dan is-servizz. Ix-Xhieda taʼ Jehovah huma henjin li jmorru regolarment għand uħud interessati biex jikkonduċu studju tal-Bibbja b’xejn fid-dar, u b’hekk igħinu lil dawn biex ipoġġu saqajhom fis-sod fuq it-triq lejn il-ħajja taʼ dejjem. (Ġwann 3:16, 36) Għala ma titlobx studju bħal dan? U ftakar, merħba kordjali dejjem tistenniek fis-Sala tas-Saltna!—Salm 122:1; Rumani 15:7.
11, 12. (a) Liema problemi qegħdin jiltaqgħu magħhom f’xi pajjiżi? (b) B’liema mod qiegħed iseħħ “ugwaljar” bejn pajjiżi iktar sinjuri u pajjiżi iktar fqar?
11 Dawk il-kongregazzjonijiet li għandhom Swali tas-Saltna mill-aħjar huma mberkin b’mod għani. Is-sitwazzjoni hija differenti f’pajjiżi fejn Xhieda leali ssaportew bosta snin taħt projbizzjoni, billi ltaqgħu b’mod sigriet fi gruppi żgħar. F’għadd taʼ postijiet bħal dawn, huma issa liberi imma għandhom ftit Swali tas-Saltna. F’pajjiż Afrikan, per eżempju, bi 93 kongregazzjoni, hemm biss tliet Swali tas-Saltna. Mela l-laqgħat ġeneralment isiru fuq biċċiet kbar ħafna u vojta taʼ art. Kongregazzjoni taʼ 150 jistaʼ jkollha sa 450 li jattendu regolarment f’dawn il-laqgħat.
12 Fl-Ewropa tal-Lvant huwa spiss diffiċli biex tixtri propjetà jew biex tibni, imma xi progress qiegħed isir. Dedikazzjoni taʼ fergħa ġdida mill-aħjar kienet ipprogrammata għat-28 taʼ Novembru, 1992, fil-Polonja. Kontribuzzjonijiet ġenerużi għax-xogħol tax-Xhieda taʼ Jehovah madwar id-dinja qegħdin jintużaw biex igħinu fil-bini taʼ swali u faċilitajiet oħrajn. B’hekk, “ugwaljar” iseħħ għaliex il-ġenerożità taʼ aħwa li jikkontribwixxu miż-“żejjed” materjali tagħhom tgħin f’li tipprovdi l-ħtiġijiet spiritwali taʼ kongregazzjonijiet f’pajjiżi żvantaġġati.—2 Korintin 8:13, 14.
Biljun Siegħa!
13. Kemm-il siegħa ġew imgħoddijin fl-ippridkar u fit-tagħlim fl-1992, u l-isforzi taʼ min huma riflessi f’din il-figura?
13 X’kont tagħmel int b’biljun siegħa? Dawk kollha li jiksbu l-ħajja taʼ dejjem se jkollhom il-ħila jgħaddu dak l-ammont taʼ sigħat, u saħansitra iktar, f’servizz produttiv li jissodisfa lil Jehovah. Imma immaġina li ddaħħal dak l-ammont taʼ sigħat f’sena waħda! Dak hu li n-nies taʼ Jehovah wettqu matul l-1992. Billi nżidu flimkien ir-rapporti individwali tal-pubblikaturi kollha tas-Saltna, insibu quċċata ġdida taʼ 1,024,910,434 siegħa mgħoddijin bl-aħjar mod li s-sigħat jistgħu jkunu mgħoddijin—infaħħru lill-Ħallieq Grandjuż tagħna, ‘ngħallmu . . . pubblikament u minn dar għal dar.’ (Atti 20:20) Minn ras għal ras, 4,289,737 Xhieda kienu qegħdin jirrapportaw kull xahar. Huma jiġu mil-livelli kollha tal-ħajja. Xi wħud huma limitati fil-ħin li jistgħu jikkontribwixxu għax-xogħol tas-Saltna. Dawn jinkludu kapijiet tal-familja, li jridu jipprovdu għal taʼ darhom; ix-xjuħ; u ħafna bi problemi taʼ saħħa; kif ukoll tfal li għadhom l-iskola. Madankollu, ir-rapport magħmul minn kull wieħed huwa riflessjoni taʼ valur taʼ mħabba lejn Jehovah.—Qabbel Luqa 21:2-4.
14. Iż-żgħażagħ kif qegħdin ‘jiftakru fil-Ħallieq Grandjuż tagħhom’?
14 Ġenerazzjoni iktar żagħżugħa qiegħda tikber fis-servizz taʼ Jehovah, u b’ferħ il-maġġoranza taʼ dawn qegħdin japplikaw il-kliem taʼ Salamun f’Ekkleżjasti 12:1: “Ftakar, issa, fil-Ħallieq Grandjuż tiegħek f’jiem il-bidu taʼ rġulitek.” Huma qegħdin jistinkaw fix-xogħol tagħhom tal-iskola, kif ukoll qegħdin jiġu mħarrġin f’affarijiet spiritwali minn ġenituri ddedikati. Kienet ħaġa taʼ ferħ li tara numru mdaqqas taʼ żgħażagħ iqumu f’konvenzjonijiet li saru dan l-aħħar, billi offrew lilhom infushom għall-magħmudija. Hija wkoll ħaġa taʼ ferħ li tkun taf li ħafna minnhom, billi jitgħallmu xi sengħa jew xi negozju, qegħdin iħejju b’mod prattiku għax-xogħol taʼ pijunier meta jiggradwaw mill-iskola. B’hekk, se jkunu jistgħu jwieżnu lilhom infushom, bħalma għamel l-appostlu Pawlu minn żmien għal żmien billi jagħmel it-tined.—Atti 18:1-4.
15, 16. Il-pijunieri u qaddejja oħrajn full-time kif ikkontribwew għall-progress tax-xogħol tas-Saltna, u xi wħud minnhom gawdew liema barka?
15 X’kontribuzzjoni tremenda qegħdin jagħmlu l-pijunieri u l-qaddejja l-oħra full-time għall-progress tax-xogħol tas-Saltna! In-numru taʼ pijunieri żdied għal quċċata taʼ 931,521 din l-aħħar sena. Hekk kif dawn jippridkaw kuljum minn dar għal dar u jikkonduċu studji tal-Bibbja fid-djar tan-nies, isiru effettivi ferm f’li jesprimu ruħhom fuq l-Iskrittura. Barra minn hekk, ħafna kkwalifikaw biex jattendu l-Pioneer Service School għal ġimgħatejn sħaħ, li tgħinhom jikkultivaw abbiltà u ferħ akbar f’li jagħmlu x-xogħol t’Alla.
16 Kull wieħed u waħda minn dawn il-pijunieri leali jistaʼ japprova l-kliem f’Isaija 50:4: “Il-Mulej Sovran Jehovah innifsu tani l-ilsien taʼ dawk imgħallmin, biex inkun nistaʼ naf kif inwieġeb lill-wieħed għajjien b’kelma.” Hemm numru mhux ħażin taʼ individwi llum li huma għajjenin mid-dinja korrotta taʼ madwarhom imma li qegħdin isibu serħan permezz tal-kelma mitkellma mill-pijunieri leali tagħna.—Qabbel Proverbji 15:23; Eżekjel 9:4.
Programm Setgħani taʼ Bini
17. Minbarra l-bini spiritwali, liema bini materjali kien hemm xiehda tiegħu f’dawn l-aħħar snin?
17 Ir-riżq spiritwali tax-Xhieda taʼ Jehovah mad-dinja kollha jitlob ukoll tkabbir materjali. Espansjoni taʼ faċilitajiet taʼ stampar, uffiċini, u djar Betel u l-bini taʼ Swali tas-Saltna u Swali tal-Assembleat isiru neċessarji. Mela x-Xhieda taʼ Jehovah huma mitlubin li jsiru bennejja b’mod fiżiku. Bini bħal dan seħħ fi żmien is-Sultan Salamun. Salamun bena t-tempju għall-qima taʼ Jehovah skond il-“pjanta arkitettonika . . . li kienet ġiet li tkun miegħu b’ispirazzjoni,” billi Jehovah kien ipprovda din lil missieru, is-Sultan David. (1 Kronaki 28:11, 12) B’hekk, Salamun mhux biss bena lis-semmiegħa tiegħu bi kliem imprezzabbli taʼ għerf imma wkoll idderieġa bini materjali taʼ eċċellenza li qatt ma waslet għaliha d-dinja sekulari.—1 Slaten 6:1; 9:15, 17-19.
18, 19. (a) Liema proġetti taʼ bini li jipprogressaw bil-għaġla qegħdin jitwettqu mill-organizzazzjoni taʼ Jehovah? (b) L-ispirtu taʼ Jehovah kif kien manifest fil-bini materjali kif ukoll spiritwali?
18 Illum, ix-Xhieda taʼ Jehovah ma jibnux permezz taʼ pjanti arkitettoniċi ispirati b’mod divin, imma tassew għandhom l-ispirtu t’Alla. Bħal fi żmien Iżrael, dan iqanqalhom biex jibnu b’tali mod li jbellah lin-nies tad-dinja. (Żakkarija 4:6) Iż-żmien huwa qasir. Swali tas-Saltna u binjiet oħrajn huma meħtiġin mingħajr dewmien. F’xi pajjiżi Swali tas-Saltna mibnijin malajr malajr huma l-ordni tal-ġurnata. Fil-10 snin li għaddew, per eżempju, il-Kanada tirrapporta l-bini taʼ 306 swali, kull waħda f’inqas minn jumejn. Minħabba l-espansjoni mgħaġġla tax-xogħol taʼ Jehovah mad-dinja kollha, total taʼ 43 binja ġdida taʼ fergħa jew estensjonijiet tal-fergħa qegħdin bħalissa jiġu mibnijin jew ippjanati. Barra minn hekk, bini residenzjali taʼ 30 sular, b’akkomodazzjonijiet għal madwar elf voluntier f’Betel, wasal biex ikun lest fi Brooklyn. Ukoll fl-Istat taʼ New York, f’Patterson, il-bini taʼ ċentru edukattiv tal-Bibbja, l-akbar proġett li l-Watch Tower Society qatt daħlet għalih, huwa miexi ’l quddiem ferm qabel l-iskeda.
19 Dawn il-proġetti qegħdin javvanzaw b’effiċjenza u bi kwalità taʼ xogħol li tbellah lil kumpaniji tad-dinja li għandhom esperjenza kbira fil-bini. Għala? Minħabba l-kontribuzzjoni tremenda magħmula minn Xhieda ddedikati taʼ Jehovah. L-ispirtu tiegħu jqanqalhom mhux biss biex jipprovdu appoġġ materjali imma wkoll biex jagħtu b’qalbhom kollha mill-ħin u l-enerġija tagħhom. Il-postijiet fejn isir il-bini jkunu miżgħudin b’ħaddiema ddedikati u mħarrġin sewwa. M’hemmx strajkijiet, u m’hemmx tnikkir fuq ix-xogħol. L-ispirtu taʼ Jehovah jipprovdi t-tqanqil, sewwa sew bħalma qanqal lill-bennejja tat-tabernaklu fi żmien Mosè u lil dawk li bnew it-tempju fi żmien Salamun. L-ispiritwalità hija l-kwalità li tispikka mitluba minn dawn il-ħaddiema.—Qabbel Eżodu 35:30-35; 36:1-3; 39:42, 43; 1 Slaten 6:11-14.
20. (a) L-aħbar tajba sa liema punt għad trid tiġi ppridkata? (b) Liema prospett imbierek hemm jistenna lin-nies taʼ Jehovah?
20 Salamun kompla l-programm taʼ bini tiegħu wara li lesta t-tempju. (2 Kronaki 8:1-6) Sa liema punt ix-xiehda taʼ llum għad trid tespandi—bil-ħtieġa li tmur magħha taʼ bini taʼ swali u faċilitajiet oħrajn—ma nafux. Tassew nafu, madankollu, li meta din l-aħbar tajba tas-Saltna tkun ġiet ippridkata sal-punt li Jehovah jridha li tkun, imbagħad it-tmiem, it-“tribulazzjoni kbira,” se jiġi. (Mattew 24:14, 21) F’art mhix irvinata iktar minn bnedmin rgħibin, l-arranġament taʼ Jehovah taʼ “smewwiet ġodda u art ġdida” se jġib imbagħad barkiet li ma jistgħux jiġu deskritti għall-umanità. Jalla aħna għalhekk ‘neżaltaw u nkunu mimlijin ferħ għal dejjem b’dak li Alla qiegħed joħloq,’ billi nagħtu t-tifħir kollu lill-Ħallieq Grandjuż tagħna!—Isaija 65:17-19, 21, 25.
[Nota taʼ taħt]
a Ara “Let Your Kingdom Come,” ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc., paġni 105-16, 186-9.
Tistaʼ Tispjega?
◻ Liema raġunijiet għandna biex nifirħu bil-Ħallieq Grandjuż tagħna?
◻ Liema żjidiet kienu rrapportati matul is-sena taʼ servizz 1992?
◻ F’pajjiżi fejn il-għoti taʼ xiehda kien qabel ipprojbit, liema barkiet għonja ġew irrapportati?
◻ Iż-żgħażagħ u l-pijunieri kif ikkontribwew għaż-żjieda fl-organizzazzjoni taʼ Jehovah?
◻ In-nies taʼ Jehovah kif kellhom ħafna x’jagħmlu f’xogħlijiet taʼ bini materjali kif ukoll spiritwali?