Jistgħu x-Xbihat Iressquk Eqreb Lejn Alla?
GĦADD taʼ xbihat Eġizzjani, Babilonjani, u Griegi jimlew il-mużewijiet illum. Statwi li darba kienu oġġetti taʼ venerazzjoni ferventi huma issa għall-wiri sempliċement bħala xogħlijiet tal-arti antika. Il-qawwa tagħhom kienet biss fl-immaġinazzjoni taʼ dawk li qimuhom. Billi maż-żmien spiċċaw il-popli li kienu jivvenerawhom, il-qawwa li suppost li kellhom dawn ix-xbihat ukoll sparixxiet. Ix-xbihat ġew esposti bħala oġġetti impotenti—li ngħiduha kif inhi minn dejjem hekk kienu—u oġġetti bla ħajja tal-injam, tal-ġebel, jew tal-metall.
Xi ngħidu dwar ix-xbihat li qed jiġu vvenerati u meqjuma min-nies illum? Huma dawn ix-xbihat iktar potenti mix-xbihat antiki Eġizzjani, Babilonjani, u Griegi? Veru li kienu strumentali f’li jgħinu lill-bniedem jersaq eqreb lejn Alla?
Mal-mogħdija taʼ kull ġenerazzjoni, l-umanità tidher li bil-mod il-mod qed titbiegħed iktar u iktar minn Alla. U x’jistgħu jagħmlu x-xbihat kollha tad-dinja dwar dan? Jekk ma jiħdux ħsiebhom, jimtlew kollha trab u eventwalment jitmermru u jispiċċaw fix-xejn. Ma jistgħux jieħdu ħsieb tagħhom infushom, aħseb u ara kemm jagħmlu xi ħaġa għall-bnedmin. Iktar importanti, madankollu, il-Bibbja x’għandha xi tgħid fuq din il-kwistjoni?
Jiswew il-Flus, Elaborati, imma Bla Ebda Użu
Mhix xi sorpriża li l-Bibbja tikxef ix-xbihat bħala bla użu u kompletament mhux kapaċi li jgħinu lil dawk devoti lejhom biex jersqu eqreb lejn Alla. Għalkemm ix-xbihat reliġjużi ġeneralment jiswew il-flus u huma elaborati, il-Bibbja turi x’verament jiswew meta tgħid: “L-idoli tagħhom huma fidda u deheb, ix-xogħol taʼ jdejn il-bniedem tal-art. Ħalq għandhom, imma ma jistgħux jitkellmu; għajnejn għandhom, imma ma jistgħux jaraw; widnejn għandhom, imma ma jistgħux jisimgħu. Imnieħer għandhom, imma ma jistgħux ixommu. Idejn huma tagħhom, imma ma jistgħux iħossu. Saqajn huma tagħhom, imma ma jistgħux jimxu; ma jlissnu ebda ħoss bil-gerżuma tagħhom. Dawk li qegħdin jagħmluhom se jsiru sewwa sew bħalhom, dawk kollha li qegħdin jafdaw fihom.”−Salm 115:4-8.
Il-Bibbja mhux biss tikxef l-idoli bħala taʼ bla valur imma titkellem b’mod taʼ kundanna rigward ix-xbihat u dawk li jqimuhom: “Huma bħal naffâr taʼ għalqa bil-ħjar, u ma jistgħux jitkellmu. Bla ma jfalli jinġarru huma, għax ma justgħu jagħmlu ebda pass. Tkunx beżgħan minħabba fihom, għax ma jistgħu jagħmlu xejn taʼ gwaj u, iktar minn hekk, il-għemil taʼ xi ħaġa tajba m’ħuwiex magħhom. Kull raġel ġab ruħu tant bla raġuni li ma kienx jaf. Kull ħaddiem tal-metall ċertament li se jistħi minħabba x-xbiha mnaqqxa; għax ix-xbiha mdewba tieġħu hija qerq, u m’hemm ebda spirtu fihom. Huma frugħa, xogħol taʼ twaqqigħ għaċ-ċajt.”−Ġeremija 10:5, 14, 15.
Il-Ħarsa tal-Kattoliċi
Veru li ħafna minn dawk li jmilu, jitolbu u jixegħlu x-xemgħat quddiem, u jbusu x-xbihat reliġjużi ma jqisux lilhom infushom bħala idolaturi jew uħud li jqimu x-xbihat. Per eżempju, il-Kattoliċi jsostnu li huma jivveneraw lix-xbihat taʼ Kristu u taʼ Marija, mhux għaliex ix-xbihat infushom għandhom xi divinità, imma minħabba dawk li lilhom qed jirrappreżentaw. The World Book Encyclopedia tistqarr li “fil-Knisja Kattolika Rumana, ix-xbihat jiġu vvenerati bħala simboli tan-nies li lilhom jirrappreżentaw.” Il-kleru Kattoliku ppridkaw li huwa xieraq li tivvenera xbiha sakemm il-venerazzjoni hija inferjuri fil-kwalità għal dik li tixraq lil Alla nnifsu.
Ir-realtà hi li dawn ix-xbihat qed jiġu vvenerati. Saħansitra in-New Catholic Encyclopedia tammetti li venerazzjoni bħal din hija “att taʼ qima.” Madankollu, Ġesù Kristu qatagħha kontra l-użu tax-xbihat bħala għajnuniet f’li wieħed jersaq lejn Alla meta qal: “Ħadd ma jiġi għand il-Missier ħlief permezz tieġħi.” (Ġwann 14:6) M’huwiex sorprendenti mela li l-Kristjani tal-ewwel seklu stmerrew l-użu tax-xbihat fil-qima.
Xorta waħda, illum ir-reliġjonijiet tal-Kristjaneżmu jgħadduhom lill-oħrajn kollha fin-numru taʼ xbihat. Iva, minkejja l-evidenza storika u Skritturali kollha li tikxef il-bluha taʼ li wieħed jivvenera xbiha, l-hekk imsejħin Kristjani mad-dinja kollha jkomplu jmilu u jitolbu quddiem xbihat fit-tfittxija sinċiera tagħhom għal Alla. Għala?
Imħajrin minn Għadu
Il-profeta Isaija stqarr li dawk li qiemu x-xbihat fi żmienu naqsu li jaraw il-bluha tal-azzjonijiet tagħhom minħabba li għajnejhom kienu ġew “imċajprin sabiex ma jarawx, qalbhom sabiex ma jkollhom ebda dehen.” (Isaija 44:18) Min jistaʼ jkollu influwenza tant kbira fuq l-umanità? Il-konċilju ikonoklastiku tas-sena 754 E.K. iddikjara li l-venerazzjoni tax-xbihat ġiet introdotta minn Satana bl-iskop li jiġbed lill-bniedem ’il bogħod mill-veru Alla. Kienet korretta din il-konklużjoni?
Iva, għax taqbel mal-Bibbja mnebbħa, li stqarret minn sekli qabel li l-għadu ewlieni t’Alla, Satana x-Xitan, “għama l-imħuħ” tan-nies sabiex il-verità ‘ma tiddix.’ (2 Korintin 4:4) Mela meta wieħed jivvenera xi xbiha, minflok ma jersaq eqreb lejn Alla, ikun attwalment qed jaqdi l-interessi tad-demonji.—1 Korintin 10:19, 20.
Ersaq Qrib lejn Alla
Ix-xbihat ma jistgħux igħinuna nersqu eqreb lejn Alla. Il-Ħallieq Grandjuż, Alla Jehovah, jistmerr il-venerazzjoni tax-xbihat. (Dewteronomju 7:25) “Jehovah huwa Alla li jesiġi devozzjoni esklussiva.” (Naħum 1:2) Hu jgħid: “Jiena Jehovah. Dak hu ismi; u lil ħadd ieħor ma se nagħti l-glorja tieġħi stess, lanqas it-tifħir tieġħi lil immaġnijiet skolpiti.” (Isaija 42:8) Fi qbil maʼ dan, il-Bibbja twissi li dawk li qed jagħtu venerazzjoni lix-xbihat “mhux se jirtu s-saltna t’Alla.”−Galatin 5:19-21.
Iżda, Jehovah huwa wkoll Alla mimli ħniena u maħfra. Il-Bibbja titkellem dwar dawk li daru lejn Alla mill-idoli tagħhom u ġew iddikjarati twajbin wara li ma komplewx bil-prattiċi idolatrużi tagħhom. (1 Korintin 6:9-11; 1 Tessalonkin 1:9)Huma taw kas tal-kliem taʼ Ġesù: “Alla huwa Spirtu, u dawk li qed iqimuh iridu jqimu bl-ispirtu u l-verità.”−Ġwann 4:24.
Studju ħerqan tal-Bibbja se jirrivela li m’huwiex diffiċli biex tersaq eqreb lejn Alla. (Atti 17:26-28) Hu għandu personalità dħulija, kollha mħabba, u li tistaʼ tersaq lejh, u hu jistedinna u jistenna li aħna niżżviluppaw relazzjoni intima miegħu.—Isaija 1:18.
Ix-Xhieda taʼ Jehovah jistednuk biex issir taf lill-Missier tagħna tas-sema bħala Persuna, biex titgħallem dwar ismu, Jehovah, u dwar il-kwalitajiet tiegħu u kif jittratta mal-bnedmin. Permezz tal-paġni tal-Kelma tiegħu, il-Bibbja, int se ssir tifhem kif tassew m’għandekx bżonn xi għajnuniet viżibbli, bħalma huma l-istatwi u s-santi, biex tersaq lejn Alla. Iva,‘ersaq qrib lejn Alla, u hu se jersaq qrib lejk.’—Ġakbu 4:8.
[Kaxxa f’paġna 5]
Il-Kittieba tal-Istorja Josservaw li . . .
◻ “Huwa fatt magħruf tajjeb li l-Buddiżmu, msejjes fis-sitt seklu QEK, ma rax l-ewwel xbiha tal-fundatur tieġħu sa madwar l-ewwei seklu EK.”
“Għal sekli, it-tradiżzjoni tal-Ħindu kienet essenzjalment anikonika [mingħajr idoli jew xbihat].”
“II-Ħinduiżmu u l-Buddiżmu, it-tnejn li huma bdew anikonikament u biss bil-ftit il-ftit aċċettaw xbihat fil-qima tagħhom. Il-Kristjanità għamlet l-istess.”—The Encyclopedia of Religion, minn Mircea Eliade.
◻ “Minn diversi rakkonti Bibliċi huwa evidenti li l-qima vera t’Alla kienet ħielsa mix-xbihat.... Fit-TĠ [Testment il-Ġdid], ukoll, il-qima taʼ allat borranin u idoli huma pprojbiti.”—New Catholic Encyclopedia.
◻ “ll-Kristiani primittivi ma kinux jafu bi xbihat fil-qima.”—Cyclopedia of Biblical, Theological,and Ecclesiastical Literature, minn McClintock u Strong.
◻ “La fit-Testment il-Ġdid, u lanqas fl-ebda kitbiet ġenwini tal-ewwel era tal-Kristianità, ma tistaʼ tinstab xi traċċa tal-użu tal-istatwi jew santi fil-qima tal-Kristjani, kemm pubblika jew privata.”—A Concise Cyclopedia of Religious Knowledge, minn Elias Benjamin Sanford.
◻ “II-Kristjani bikrin kienu jħarsu bi twerwir lejn is-sempliċi suġġeriment taʼ li jpoġġu x-xbihat fil-knejjes, u kienu jqisuha bħala idolatrija u xejn inqas li jmilu jew jitolbu quddiemhom.”—History of the Christian Church, minn John Fletcher Hurst.
◻ “Fil-knisja tal-bidu, kienu jiġu opponuti b’mod konsistenti xi inkwatri taʼ Kristu jew tal-qaddisin li kienu jsiru jew jiġu vvenerati.”—The New Encyclopaedia Britannica.
◻ “Għalkemm il-Knisja primittiva ma kinetx kontra l-arti, iżda ma kellha l-ebda xbiha taʼ Kristu.”—Schaff-Herzog Encyclopedia of Reliġious Knowledge.