LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w92 1/1 pp. 8-12
  • Afda fid-Driegħ li Jsalva taʼ Jehovah

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Afda fid-Driegħ li Jsalva taʼ Jehovah
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Id-​Driegħ li Jsalva t’Alla fl-​Azzjoni
  • Għajnuna fil-​Kongregazzjoni
  • Għajnuna Meta t-​Tentazzjonijiet Jiġu Fuqna
  • Għajnuna f’Affarijiet Persunali
  • ’Il Barra min-​Niket Kollu
  • Niksbu r-Rebħa Fuq id-Dgħjufija Umana
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • “Sabiex Ma Tidħlux fit-Tentazzjoni”
    Ibqaʼ Għassa!
  • Kif nistaʼ nirreżisti t-tentazzjoni?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
  • Kif Nistaʼ Nirreżisti t-​Tentazzjoni?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, L-1 Volum
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
w92 1/1 pp. 8-12

Afda fid-Driegħ li Jsalva taʼ Jehovah

“O Jehovah, ... sir id-​driegħ tagħna kull fil-​għodu, iva, is-​salvazzjoni tagħna fiż-​żmien taʼ niket.”−ISAIJA 33:2.

1. Jehovah f’liema sens għandu driegħ setgħani?

JEHOVAH għandu driegħ setgħani. M’għandniex xi ngħidu, ladarba “Alla huwa Spirtu,” dan m’huwiex xi driegħ tal-​laħam. (Ġwann 4:24) Fil-​Bibbja, id-​driegħ figurattiv jirrappreżenta abbiltà biex teżerċita qawwa. B’hekk, huwa bi driegħu li Alla jeħles lill-​poplu tiegħu. Tabilħaqq, ‘bħal ragħaj, Alla jirgħa l-​merħla tiegħu. Bi driegħu jiġbor flimkien il-​ħrief, u fi ħdanu jġorrhom.’ (Isaija 40:11; Salm 23:1-4) Kemm iħossuhom fis-​sigurtà n-​nies taʼ Jehovah fid-​driegħ taʼ mħabba tiegħu!—Qabbel Dewteronomju 3:24.

2. Liema mistoqsijiet hawn jixirqilhom il-​konsiderazzjoni tagħna?

2 Id-​driegħ taʼ Jehovah kif salva lill-​poplu tiegħu, fil-​passat u fil-​preżent? Liema għajnuna jagħtihom Alla bħala kongregazzjoni? U għala jistgħu n-​nies tiegħu jafdaw fid-​driegħ tiegħu li jsalva matul in-​niket kollu tagħhom?

Id-​Driegħ li Jsalva t’Alla fl-​Azzjoni

3. L-​Iskrittura lil liema ħaġa tattribwixxi l-​ħelsien taʼ Iżrael mill-​Eġittu?

3 Qabel ħeles lill-​Iżraeliti mill-​jasar tal-​Eġittu 3,500 sena ilu, Alla qal lill-​profeta tiegħu Mosè: “Għid lil ulied Iżrael, ‘Jiena Jehovah, u jien ċertament li se noħroġkom minn taħt it-​tagħbijiet tal-​Eġizzjani u neħliskom mill-​jasar tagħhom, u jien tabilħaqq se nakkwistakom lura bi driegħ miftuħ u b’ġudizzji kbar.” (Eżodu 6:6) Skond l-​appostlu Pawlu, Alla ġab lill-​Iżraeliti ’l barra mill-​Eġittu “bi driegħ imgħolli ’l fuq.” (Atti 13:17) Ulied Kora attribwew il-​konkwista tal-​Art Imwiegħda lil Alla, billi qalu: “Ma kienx permezz tas-​sejf tagħhom stess li huma ħadu pussess tal-​art, u d-​driegħ tagħhom stess ma kienx dak li ġabilhom is-​salvazzjoni. Għax kienet idek il-​leminija u d-​driegħ tiegħek u d-​dawl taʼ wiċċek, għaliex int ħadt gost bihom.”−Salm 44:3.

4. Il-​fiduċja fid-​driegħ li jsalva taʼ Jehovah kif ġiet ippremjata fil-​jiem taʼ aggressjoni Assirjana?

4 Id-​driegħ taʼ Jehovah ġie wkoll għall-​għajnuna tal-​poplu tiegħu fil-​jiem taʼ aggressjoni Assirjana. F’dak iż-​żmien il-​profeta Isaija talab: “O Jehovah, urina favur. Fik ittamajna. Sir id-​driegħ tagħna kull fil-​għodu, iva, is-​salvazzjoni tagħna fiż-​żmien taʼ niket.” (Isaija 33:2) Dik it-​talba ġiet imwieġba meta l-​anġlu t’Alla qatel 185,000 fil-​kamp Assirjan, waqt li bagħat lis-​Sultan Sennakerib lil hinn minn Ġerusalemm “b’wiċċu kollu mistħija.” (2 Kronaki 32:21; Isaija 37:33-37) Meta tpoġġi fiduċja fid-​driegħ li jsalva taʼ Jehovah dejjem tiġi ppremjat.

5. Id-​driegħ setgħani t’Alla x’għamel għall-​Kristjani ppersegwitati fit-​tmiem tal-​Ewwel Gwerra Dinjija?

5 Id-​driegħ setgħani t’Alla salva lill-​Kristjani midlukin li kienu ppersegwitati fit-​tmiem tal-​Ewwel Gwerra Dinjija. Fl-​1918 il-​kwartieri ġenerali tal-​Ġemgħa li Tiggverna ġew attakkati mill-​egħdewwa tagħhom, u aħwa magħrufin sewwa ġew mitfugħin il-​ħabs. Beżgħanin mill-​qawwiet dinjin, il-​midlukin kważi waqqfu għalkollox ix-​xogħol tagħhom taʼ għoti taʼ xiehda. Imma huma talbu biex jerġaʼ jingħata l-​ħajja u biex jitnaddfu mid-​dnub tan-​nuqqas taʼ attività u mit-​tniġġis tal-​biżaʼ. Alla wieġeb billi ġiegħel li l-​aħwa li kienu l-​ħabs jinħelsu, waqt li tneħħitilhom kull akkuża ftit wara. Bħala riżultat taʼ veritajiet imlissna fil-​konvenzjoni tagħhom fl-​1919 u tat-​tferrigħ tal-​ispirtu li jqawwi t’Alla, il-​midlukin ġew mogħtijin il-​ħajja mill-​ġdid għal servizz bla biżaʼ lil Jehovah bi twettieq finali taʼ Ġojeli 2:28-32.—Rivelazzjoni 11:7-12.

Għajnuna fil-​Kongregazzjoni

6. Kif nafu li huwa possibbli li tissaporti sitwazzjoni taʼ prova f’xi kongregazzjoni?

6 Hekk kif Alla jwieżen lill-​organizzazzjoni tiegħu inġenerali, driegħu jżomm lil individwi weqfin fiha. M’għandniex xi ngħidu, il-​kundizzjonijiet m’huma perfetti fl-​ebda waħda mill-​kongregazzjonijiet għaliex il-​bnedmin kollha huma imperfetti. (Rumani 5:12 ) Għalhekk xi qaddejja taʼ Jehovah jistgħu xi drabi jġarrbu sitwazzjoni taʼ prova f’xi kongregazzjoni. Per eżempju, għalkemm Gajus għamel “xogħol fidil” f’li laqaʼ aħwa li jżuru bl-​ospitalità, Diotrefes ma laqagħhomx u saħansitra pprova jitfaʼ ’l barra mill-​kongregazzjoni lil uħud ospitabbli. (3 Ġwann 5, 9, 10) Madankollu, Jehovah għen lil Gajus u oħrajn biex jibqgħu juru ospitalità b’appoġġ tax-​xogħol taʼ ppridkar tas-​Saltna. Serħan bit-​talb fuq Alla għandu jgħinna biex nibqgħu nagħmlu xogħlijiet leali waqt li nistennew lilu biex jikkorreġi xi sitwazzjoni li tistaʼ tkun qed iġġarrab il-​fidi tagħna.

7. Minkejja liema ċirkostanzi fil-​kongregazzjoni taʼ Korintu Kristjani leali hemm wettqu d-​dedikazzjoni tagħhom lil Alla?

7 Nassumu li int kont tassoċja mal-​kongregazzjoni taʼ Korintu fl-​ewwel seklu. Għal xi żmien, qasmiet heddew l-​unità tagħha, u tħollija taʼ immoralità pperikolat l-​ispirtu tagħha. (1 Korintin 1:10, 11; 5:1-5) Dawk li jemmnu ħadu lil xulxin fil-​qrati tad-​dinja, u xi wħud argumentaw fuq kwistjonijiet diversi. (1 Korintin 6:1-8; 8:1-13) Ġlied, għira, rabja, u diżordni għamlu l-​ħajja diffiċli. Xi wħud saħansitra ddubitaw l-​awtorità taʼ Pawlu u ċekknu l-​abbiltà tiegħu kif jitkellem. (2 Korintin 10:10) Madankollu, uħud leali assoċjati maʼ dik il-​kongregazzjoni wettqu d-​dedikazzjoni tagħhom lil Alla matul dak iż-​żmien taʼ prova.

8, 9. X’għandna nagħmlu jekk xi sitwazzjoni taʼ prova tikkonfrontana f’xi kongregazzjoni?

8 Jekk tqum sitwazzjoni taʼ prova, aħna rridu nibqgħu mal-​poplu t’Alla. (Qabbel Ġwann 6:66-69.) Ejjew inkunu paċenzjużi maʼ xulxin, billi nirrealizzaw li xi wħud jieħdu iktar żmien minn oħrajn biex jilbsu “l-​personalità l-​ġdida” u jiżżejnu b’mogħdrija, ħniena, umiltà tal-​moħħ, ħlewwa, u sabar fit-​tul. Ladarba l-​qaddejja t’Alla ġejjin ukoll minn sfondi differenti, ilkoll kemm aħna għandna bżonn nuru mħabba u maħfra.—Kolossin 3:10-14.

9 Wara ħafna snin taʼ servizz lil Jehovah wieħed ħu qal: “Jekk xi ħaġa kienet l-​iktar importanti għalija, din kienet il-​kwistjoni taʼ li nżomm qrib tal-​organizzazzjoni viżibbli taʼ Jehovah. L-​esperjenza bikrija tiegħi wrietni kemm m’huwiex għaqli li tistrieħ fuq raġunar uman. Ladarba kont reżolut fuq dak il-​punt, kont determinat li nibqaʼ mal-​organizzazzjoni leali. B’liema mod ieħor jistaʼ wieħed jikseb il-​favur u l-​barka taʼ Jehovah?” Tgħożż int bl-​istess mod il-​privileġġ tiegħek li taqdi lil Jehovah mal-​poplu ferrieħi tiegħu? (Salm 100:2) Jekk iva, ma tħalli l-​ebda ħaġa li tbiegħdek mill-​organizzazzjoni t’Alla jew li teqridlek ir-​relazzjoni tiegħek maʼ Dak li driegħu jsalva lil dawk kollha li jħobbuh.

Għajnuna Meta t-​Tentazzjonijiet Jiġu Fuqna

10. (a) It-​talb kif igħin lill-​poplu t’Alla biex jiffaċċjaw it-​tentazzjoni? (b) Liema ċertezza ta Pawlu fl-​1 Korintin 10:13?

10 Bħala individwi leali assoċjati mal-​organizzazzjoni t’Alla, aħna għandna l-​għajnuna tiegħu matul żmien taʼ prova. Per eżempju, hu jgħinna biex inżommu l-​integrità tagħna lejh meta tiġi fuqna t-​tentazzjoni. M’għandniex xi ngħidu, għandna nitolbu fi qbil mal-​kliem taʼ Ġesù: “[I]ġġibniex fit-​tentazzjoni, imma eħlisna mill-​wieħed mill-​agħar,” Satana x-​Xitan. (Mattew 6:9-13) Fil-​fatt, aħna b’hekk nitolbu lil Alla biex ma jħalliniex nonqsu meta niġu ttantati biex ma nobduhx. Hu jwieġeb ukoll it-​talb tagħna għall-​għerf biex negħlbu l-​provi. (Ġakbu 1:5-8) U l-​qaddejja taʼ Jehovah jistgħu jkunu żguri mill-​għajnuna tiegħu, għax Pawlu qal: “Ebda tentazzjoni ma ġiet fuqkom ħlief dik li hi komuni għall-​bnedmin. Imma Alla hu leali, u mhux se jħallikom tiġu ttantati iktar milli tifilħu, imma flimkien mat-​tentazzjoni se jagħmel ukoll it-​triq tal-​ħruġ sabiex tkunu tistgħu tissaportuha.” (1 Korintin 10:13) X’inhu s-​sors taʼ din it-​tentazzjoni, u Alla kif jagħmel it-​triq tal-​ħruġ?

11, 12. Għal liema tentazzjonijiet ċedew l-​Iżraeliti, u kif nibbenefikaw aħna mill-​esperjenzi tagħhom?

11 It-​tentazzjoni tiġi minn ċirkostanzi li jistgħu jħajruna biex ma nkunux leali lejn Alla. Pawlu qal: “Dawn l-​affarijiet saru l-​eżempji tagħna, biex aħna ma nkunux persuni li nixtiequ affarijiet li jweġġgħu, saħansitra bħalma xtaquhom [l-Iżraeliti]. Lanqas issiru idolaturi, bħalma għamlu xi wħud minnhom; sewwa sew bħalma hu miktub: ‘In-​nies qagħdu bil-​qiegħda biex jieklu u jixorbu, u qamu biex jixxalaw.’ Lanqas ma nipprattikaw iż-​żina, bħalma xi wħud minnhom ikkommettew iż-​żina, biss biex jaqgħu, tlieta u għoxrin elf minnhom f’jum wieħed. Lanqas ma npoġġu lil Jehovah fi prova, bħalma poġġewh xi wħud minnhom fi prova, biss biex igħibu bis-​serpenti. Lanqas kunu gemgiema, sewwa sew bħalma xi wħud minnhom gemgmu, biss biex igħibu b’dak li jeqred.”−1 Korintin 10:6-10.

12 L-​Iżraeliti xtaqu affarijiet li jweġġgħu meta huma ċedew għat-​tentazzjoni li jkunu rgħibin meta ġabru u kielu summien provdut b’mod mirakoluż minn Alla. (Numri 11:19, 20, 31-35) Iktar kmieni, huma saru idolaturi meta l-​assenza taʼ Mosè tat wisgħa lit-​tentazzjoni biex jieħdu sehem fil-​qima tal-​għoġol. (Eżodu 32:1-6) Eluf mietu għaliex ċedew għat-​tentazzjoni u kkommettew iż-​żina maʼ nisa Moabiti. (Numri 26:1-9) Meta l-​Iżraeliti ċedew għat-​tentazzjoni u gemgmu dwar il-​qerda taʼ Kora, Datan, Abiram, u sħabhom li kienu ribellużi, 14,700 nqatlu minn kastig mibgħut b’mod divin. (Numri 16:41-49) Aħna nistgħu nibbenefikaw minn esperjenzi bħal dawn jekk nirrealizzaw li l-​ebda waħda minn dawn it-​tentazzjonijiet ma kienet tant kbira li l-​Iżraeliti ma setgħux irreżistewha. Huma setgħu għamlu dan li kieku eżerċitaw fidi, urew gratitudni għall-​ħarsien taʼ mħabba t’Alla, u apprezzaw it-​tjieba tal-​Liġi tiegħu. Imbagħad id-​driegħ taʼ Jehovah setaʼ jsalvahom, saħansitra bħalma jistaʼ jsalva lilna.

13, 14. Jehovah kif jiftaħ it-​triq meta l-​qaddejja tiegħu jiffaċċjaw it-​tentazzjoni?

13 Bħala Kristjani, aħna niffaċċjaw tentazzjonijiet komuni għall-​bnedmin. Madankollu, aħna nistgħu nibqgħu leali lejn Alla billi nitolbu għall-​għajnuna tiegħu u naħdmu biex nirreżistu t-​tentazzjoni. Alla huwa leali, u ma jħalliniex niġu ttantati iżjed milli nifilħu. Jekk aħna leali lejn Jehovah, qatt ma se nsibuha impossibbli li nagħmlu r-​rieda tiegħu. Hu jiftħilna t-​triq billi jsaħħaħna biex nirreżistu t-​tentazzjoni. Per eżempju, meta niġu ppersegwitati, nistgħu niġu ttantati biex nagħmlu kompromess bit-​tama li neħilsu mit-​torturi jew mill-​mewt. Imma jekk qed nittamaw fid-​driegħ setgħani taʼ Jehovah, it-​tentazzjoni qatt ma tilħaq il-​punt fejn hu ma jistax iqawwi l-​fidi tagħna u jagħtina biżżejjed saħħa biex inżommu l-​integrità. Bħalma qal l-​appostlu Pawlu: “Aħna ppressati b’kull mod, imma mhux imrassin li ma niċċaqalqux; aħna mħawdin, imma mhux assolutament mingħajr ebda mod taʼ ħruġ; aħna ppersegwitati, imma mhux imħollijin lampa stampa; aħna mitfugħin ’l isfel, imma mhux meqrudin.”—2 Korintin 4:8, 9.

14 Jehovah iwieżen ukoll lill-​poplu tiegħu billi juża l-​ispirtu tiegħu bħala wieħed li jfakkar u li jgħallem. Huwa jfakkarna punti Skritturali u jgħinna nifhmu kif napplikawhom sabiex nirreżistu t-​tentazzjoni. (Ġwann 14:26) Qaddejja leali taʼ Jehovah jifhmu l-​kwistjonijiet involuti f’tentazzjoni u ma jiġux imqarrqin f’li jsegwu korsa żballjata. Alla jiftaħ it-​triq billi jgħinhom jissaportu saħansitra sal-​mewt mingħajr ma jċedu għat-​tentazzjoni. (Rivelazzjoni 2:10) Minbarra li jgħin lill-​qaddejja tiegħu permezz tal-​ispirtu tiegħu, Jehovah juża l-​anġli tiegħu għan-​nom tal-​organizzazzjoni tiegħu.—Ebrej 1:14.

Għajnuna f’Affarijiet Persunali

15. Liema għajnuna persunali nistgħu nsibu fil-​Għanja taʼ Salamun?

15 Dawk assoċjati mal-​organizzazzjoni taʼ Jehovah għandhom il-​għajnuna tiegħu f’affarijiet persunali. Per eżempju, xi wħud jistgħu qed ifittxu sieħeb Kristjan. (1 Korintin 7:39) Jekk ikun hemm xi diżappunt, jistaʼ jkun taʼ għajnuna li tikkunsidra lil Salamun is-​sultan taʼ Iżrael. Hu naqas li jirbaħ id tfajla Xulamita fiż-​żwieġ għaliex hi kienet tħobb ragħaj umli. Dak li kiteb is-​sultan dwar din il-​ħaġa jistaʼ jissejjaħ Il-​Għanja taʼ Mħabba Mħarbta taʼ Salamun. Aħna forsi nibku jekk l-​isforzi romantiċi tagħna stess jisfaw bla frott f’xi każ, imma Salamun għeleb id-​diżappunt tiegħu, u hekk nistgħu nagħmlu aħna. L-​ispirtu t’Alla jistaʼ jgħinna biex nuru kontroll fuqna nfusna u kwalitajiet oħra taʼ tjieba. Il-​Kelma tiegħu tgħinna naċċettaw il-​fatt taʼ spiss taʼ wġigħ li wieħed ma jistax ikollu mħabba romantika għal kwalunkwe persuna. (Għanja taʼ Salamun 2:7; 3:6) Madankollu, Il-​Għanja taʼ Salamun turi li jistaʼ jkun possibbli li ssib persuna fit-​twemmin bħalna li tħobbna bil-​għożża. Iktar importanti, din “il-​għanja superlattiva” hija mwettqa fl-​imħabba tar-​Ragħaj mill-​Aħjar, Ġesù Kristu, għall-​“għarusa” tiegħu taʼ 144,000 segwaċi midlukin.—Għanja taʼ Salamun 1:1; Rivelazzjoni 14:1-4; 21:2, 9; Ġwann 10:14.

16. It-​“tribulazzjoni f’laħamhom” imġarrba minn Kristjani miżżewġin tistaʼ tinkludi liema ħaġa?

16 Saħansitra dawk li jiżżewġu wieħed li jemmen għandhom “tribulazzjoni f’laħamhom.” (1 Korintin 7:28) Se jkun hemm anzjetajiet u tħassib li jinvolvu lil raġel u mara miżżewġin u lit-​tfal tagħhom. (1 Korintin 7:32-35) Il-​mard jistaʼ jġib tagħbijiet u stress. Persekuzzjoni jew diffikultà ekonomika jistgħu jagħmluha diffiċli għal missier Kristjan biex jipprovdi n-​neċessitajiet tal-​ħajja għall-​familja tiegħu. Ġenituri u tfal jistgħu jiġu separati minħabba priġunerija, u xi wħud jistgħu jiġu ttorturati jew saħansitra mogħtijin il-​mewt. Imma f’dawn iċ-​ċirkostanzi kollha, aħna nistgħu nirreżistu t-​tentazzjoni li niċħdu l-​fidi jekk aħna verament nafdaw fid-​driegħ li jsalva taʼ Jehovah.—Salm 145:14.

17. Liema problema fil-​familja għen Alla lil Iżakk u Rebekka biex jissaportuha?

17 Aħna forsi jkollna nissaportu xi provi għal żmien twil. Per eżempju, iben jistaʼ jikkaġuna niket lill-​ġenituri tiegħu taʼ tjieba billi jiżżewweġ lil xi waħda li ma temminx. Dak ġara fil-​familja tal-​patrijarka Iżakk u martu Rebekka. Binhom Eżaw li kellu 40 sena żżewweġ żewġ nisa Ħittin li kienu “sors taʼ mrar tal-​ispirtu għal Iżakk u Rebekka.” Fil-​fatt, “Rebekka baqgħet tgħid lil Iżakk: ‘Sirt naborrixxi lil din il-​ħajja minn tiegħi minħabba l-​ulied nisa taʼ Het. Jekk Ġakobb [l-iben l-​ieħor tagħhom] qatt jieħu mara mill-​ulied nisa taʼ Ħet bħal dawn mill-​ulied nisa tal-​art, taʼ liema ġid hi l-​ħajja għalija?’” (Ġenesi 26:34, 35; 27:46) Milli jidher, ir-​ruħ twajba taʼ Rebekka kienet itturmentata b’din il-​problema kontinwa. (Qabbel 2 Pietru 2:7, 8.) Madankollu, id-​driegħ taʼ Jehovah wieżen lil Iżakk u Rebekka, billi għenhom jissaportu din il-​prova fil-​waqt li jżommu relazzjoni qawwija Miegħu.

18. Liema prova persunali ssaporta C. T. Russell bil-​għajnuna t’Alla?

18 Huwa taʼ niket meta membru mgħammed tal-​familja jnaqqas fis-​servizz t’Alla. (Qabbel 2 Timotew 2:15.) Madankollu, xi wħud saħansitra ssaportew it-​telfa spiritwali taʼ sieħeb, jew sieħba, bħalma ġralu Charles T. Russell, l-​ewwel president tal-​Watch Tower Society. Martu qatgħet ir-​rabtiet tagħha mas-​Soċjetà u abbandunatu fl-​1897, wara kważi 18-il sena taʼ żwieġ. Hi applikat għal separazzjoni legali fl-​1903, u din ġiet maħruġa fl-​1908. Id-​dieqa tiegħu kienet ċara meta qalilha f’ittra bikrija: “Jien tlabt bil-​ħerqa lill-​Mulej għan-​nom tiegħek. . . . M’inix se ntaqqlek b’rakkonti tan-​niket tiegħi, lanqas ma jien se nipprova naħdem fuq is-​simpatiji tiegħek billi niddeskrivilek l-​emozzjonijiet tiegħi, hekk kif jien minn żmien għal żmien insib xi lbiesi tiegħek u affarijiet oħra li jġibu b’mod ċar quddiem għajnejja l-​persuna li kont qabel—mimlija b’tant imħabba u simpatija u għajnuna—l-​ispirtu taʼ Kristu. . . . O, ikkunsidra bit-​talb dak li se ngħid. U kun ċerta li x-​xifer jaqtaʼ tan-​niket tiegħi, in-​niggieża tiegħu, mhix is-​solitudni tiegħi nnifsi għall-​bqija tal-​vjaġġ tal-​ħajja, imma l-​waqgħa tiegħek, għażiża tiegħi, it-​telfa tiegħek taʼ dejjem, kif nistaʼ naraha jien.” Minkejja dan l-​uġigħ tal-​qalb, Russell kellu l-​appoġġ t’Alla sat-​tmiem taʼ ħajtu fuq l-​art. (Salm 116:12-15) Jehovah dejjem iwieżen lill-​qaddejja leali tiegħu.

’Il Barra min-​Niket Kollu

19. X’għandna niftakru jekk jippersistu problemi taʼ niket?

19 In-​nies taʼ Jehovah jafuh bħala “Alla taʼ atti li jsalvaw,” Wieħed “li kuljum iġorr it-​tagħbija għalina.” (Salm 68:19, 20) Għalhekk, bħala individwi ddedikati li nassoċjaw mal-​organizzazzjoni tiegħu tal-​art, ejjew qatt ma nċedu għad-​disperazzjoni jekk jippersistu xi problemi taʼ niket. Ftakar li “Alla hu għalina kenn u saħħa, għajnuna li tistaʼ tinstab malajr waqt in-​niket.” (Salm 46:1) Il-​fiduċja tagħna fih dejjem tiġi ppremjata. “Jien staqsejt lil Jehovah, u hu weġibni,” qal David, “u mill-​qatgħiet kollha tiegħi hu ħelisni. . . . Dan il-​milqut sejjaħ, u Jehovah innifsu semaʼ. U min-​niket kollu tiegħu Hu salvah.”—Salm 34:4-6.

20. Liema mistoqsija jibqaʼ għall-​konsiderazzjoni?

20 Iva, Missierna tas-​sema jsalva lill-​poplu tiegħu min-​niket kollu. Hu jappoġġja lill-​organizzazzjoni tiegħu tal-​art, billi jipprovdi għajnuna f’affarijiet tal-​kongregazzjoni u f’affarijiet persunali. Tabilħaqq, “Jehovah mhux se jabbanduna lill-​poplu tiegħu.” (Salm 94:14) Imma ejjew issa nikkunsidraw modi oħrajn li fihom Jehovah igħin lill-​poplu tiegħu individwalment. Missierna tas-​sema kif iwieżen lill-​qaddejja tiegħu li huma morda, dipressi mentalment, milqutin mid-​dieqa minħabba xi mewt, jew imnikktin minħabba l-​iżballji tagħhom? Kif se naraw, f’dawn l-​affarijiet ukoll, aħna għandna raġuni biex nistrieħu fuq id-​driegħ setgħani taʼ Jehovah.

Inti Kif Twieġeb?

◻ Id-​driegħ taʼ Jehovah kif ġab salvazzjoni fiż-​żminijiet taʼ qabel?

◻ Jehovah kif igħin lill-​poplu tiegħu fil-​kongregazzjoni llum?

◻ Liema għajnuna jipprovdi Alla f’affarijiet persunali?

◻ X’għandna nagħmlu jekk problemi taʼ niket jippersistu?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja