PAĊI DINJIJA—X’SE TFISSER VERAMENT?
Il-paċi dinjija li Alla għandu f’moħħu se tinvolvi ferm iktar minn waqfien globali taʼ ġlied jew stat fejn gwerra nukleari tkun bluha. Dan hu evidenti mill-mod kif il-Bibbja tuża l-kelma “paċi.”
Per eżempju, fl-Iskrittura Ebrajka (it-“Testment il-Qadim”) il-kelma għal paċi hija sha·lohmʹ. Forma taʼ din il-kelma hija wżata f’Ġenesi 37:14, fejn il-patrijarka Ġakobb igħid lil ibnu Ġużeppi: “Ara jekk ħutek humiex qawwijin u sħaħ u jekk il-merħla hix qawwija u sħiħa, u ejja lura għidli.”a Sha·lohmʹ hija wżata wkoll f’Ġenesi 41:16, fejn hi mogħtija “prosperità.”
F’sens Bibliku, mela, il-paċi vera ma tinvolvix sempliċement waqfien taʼ ostilitajiet imma wkoll saħħa, sigurtà, u kuntentizza. Il-ħarġa taʼ qabel tagħna wriet li l-bnedmin m’humiex kapaċi jsolvu t-taħbila taʼ kif iġibu l-paċi. Ġesù Kristu biss, il-“Prinċep tal-Paċi,” se jgħaqqad il-biċċiet flimkien u jġib il-vera paċi għall-art. (Isaija 9:6, 7) Ikkunsidra, per eżempju, il-profeziji tal-Bibbja f’Salm 72:7, 8 dwar il-ħakma taʼ dak il-wieħed: “Fi żmienu t-twajjeb se jinbet, u l-kotra taʼ paċi sakemm il-qamar ma jibqax iżjed. U se jkollu sudditi minn baħar sa baħar u mix-Xmara sa truf l-art.” Immaġina—saħħa, sigurtà, u kuntentizza fuq skala mondjali! L-ebda ftehim politiku ma qatt jistaʼ jwettaq dan. Is-Saltna t’Alla biss tistaʼ, u se takkwista bil-wisq iktar. Il-Bibbja tagħtina numru taʼ titwiliet profetiċi bil-quddiem għal ġo din il-paċi dinjija futura. Ejjew nikkunsidraw xi ftit minnhom.
Id-Diżarm Globali—Bil-Mod t’Alla!
Salm 46:8, 9 jgħid: “Ejjew, ilmħu l-attivitjiet taʼ Jehovah, kif wettaq ġrajjiet tal-iskantament fuq l-art. Qiegħed iġiegħel il-gwerer jieqfu sa tarf l-art. Il-qaws hu jaqsam fi tnejn u l-lanza jkissirha f’biċċiet; il-vaguni jaħraqhom fin-nar.” Il-kelmiet “qaws,” “lanza,” u ‘vagun,’ huma simboli taʼ kwalunkwe xorta taʼ arma jew makkinarju taʼ gwerra. Jehovah b’hekk jasal iktar ’il bogħod mil-limitazzjoni tal-armamenti jew saħansitra diżarm totali. Hu bir-reqqa jelimina l-armi nukleari, il-kanuni, it-tankijiet, dawk li jvaraw il-missili, bombi tal-idejn, esplussivi, ‘rifles,’ xkubetti,—kwalunkwe ħaġa li tistaʼ thedhed il-paċi globali!
Madankollu, l-armi waħedhom ma jikkaġunawx gwerra. Ġeneralment, il-gwerra għandha l-egħruq tagħha fin-natura taʼ mibgħeda, regħba, jew vjolenza taʼ bnedmin imperfetti. (Qabbel Ġakbu 4:1-3.) Is-Saltna t’Alla għalhekk se tattakka dan il-għerq tal-kaġun tal-gwerra billi telimina traċċi vili bħal dawn mill-personalità tan-nies. Kif? Permezz taʼ programm edukattiv mad-dinja kollha. “L-art żgur se tkun mimlija bil-għarfien taʼ Jehovah bħalma l-ilmijiet qed jiksu lill-istess baħar.”−Isaija 11:9.
Billi jkunu ġew “imgħallmin minn Jehovah” il-bnedmin mhux se jaraw iktar differenzi razzjali bħala bażi għal konflitt, nuqqas taʼ qbil, jew superjorità. (Ġwann 6:45) “Alla mhux parzjali,” u l-abitanti tal-art se jirriflettu l-imparzjalità tiegħu. (Atti 10:34) Is-Saltna se telimina wkoll kwalunkwe potenzjal għal konflitt nazzjonali billi telimina l-limiti nazzjonali. ‘Minn baħar sa baħar u sa truf l-art,’ kollha se jaħilfu l-allejanza minn rajhom u grata lejn il-ħakma taʼ Kristu.—Salm 72:8.
Sabiex paċi bħal din tibqaʼ, is-Saltna se telimina wkoll l-iktar forza li tifred fl-istorja tal-bnedmin: ir-reliġjon falza. (Sofonija 2:11) L-umanità se tkun magħquda fil-qima tagħha tal-uniku veru Alla. (Isaija 2:2, 3) Se jkun kulħadd bħall-aħwa!
Paċi Mill-Bieb ’il Ġewwa
Kemm tkun tiswa, madankollu, il-paċi dinjija jekk fid-djar privati jkun hemm gwerer sħaħ fejn l-insulti, kliem li jweġġaʼ, u theddid ikunu qed isiru l-ħin kollu. Dan hu l-każ maʼ ħafna mill-familji llum. Xi familji oħra jaħbu l-odju li għandhom billi ma jitkellmux.
Il-vera paċi trid għalhekk tinkludi trankwillità domestika. Permezz tal-programm edukattiv tas-Saltna, l-irġiel u n-nisa jiġu mgħallmin kif jittrattaw maʼ xulxin bl-imħabba u bir-rispett. (Kolossin 3:18, l9) It-tfal jiġu mgħallmin biex ‘ikunu ubbidjenti lejn il-ġenituri tagħhom f’kollox.’ (Kolossin 3:20) Mhux se jkun hemm żgħażagħ li jfixklu u jinkwetaw lill-ġenituri tagħhom. L-ubbidjenza se tkun il-ħaġa normali, il-koperazzjoni r-regola. It-tfal se jkunu għaxqa tħares lejhom u taʼ ferħ li jkunu miegħek.
Illum, pressjonijiet ekonomiċi jaggravaw ħafna t-tensjonijiet familjari, hekk kif iż-żewġ ġenituri jkollhom taʼ spiss iġorru t-tagħbijiet tqal taʼ mpjieg sekulari. Imma taħt il-ħakma taʼ Kristu, il-familji se jistrieħu mit-tagħbijiet finanzjarji kbar—kera għolja, pagamenti li dejjem igħolew, taxxi li dejjem jiżdiedu, u nuqqas taʼ xogħol. Xogħol li jissodisfa se jkun hemm bil-kotra. U ħadd ma se jkun bla dar. Innota kif il-profezija taʼ Isaija 65:21-23 turi dawn il-fatti: “U ċertament li se jibnu djar u jgħammru fihom . . . Mhux se jibnu huma u jgħammar xi ħadd ieħor; mhux se jħawlu huma u jiekol xi ħadd ieħor.... U x-xogħol taʼ jdejhom il-magħżulin tiegħi se jużawh għalkollox. Mhux se jitħabtu għalxejn, lanqas ma se jwelldu għall-inkwiet; għaliex huma n-nisel magħmul mill-imberkin taʼ Jehovah, u d-dixxendenti tagħhom magħhom.”
Immaġina li qed tgħix f’ambjent fejn la tara, la tismaʼ, u lanqas ixxomm taħsir fl-ibliet! Immaġina li qed tgħix f’art tħaddar—l-art tiegħek—li ġiet ikkultivata b’mod perfett, iddisinjata, u rfinuta. Immaġina li qed tieħu ġewwa fik arja li hija tant nadifa u pura; u ma tismax il-ħoss irrabjat taċ-ċivilizzazzjoni moderna, imma ħsejjes li jserrħu, u naturali. Veru li xi individwi ffortunati diġà qed igawdu xi ftit minn dawn l-affarijiet. Imma taħt is-Saltna t’Alla, kundizzjonijiet taʼ għixien fil-paċi se jitgawdew minn kulħadd. Mhux se jkun hemm nies fqar, imġewħin, inqas ixxurtjati.—Salm 72:13, 14, 16.
Il-Bibbja twiegħed ukoll li “inkwantu għall-ħżiena, huma se jinqatgħu.” (Proverbji 2:22) Dan ifisser it-tneħħija tad-delitti. Jekk it-tifel żgħir tiegħek joħroġ jilgħab barra, m’għandekx għalfejn tinkwieta dwar li se jkun hemm mistoħbijin dawk li jimmolestaw lit-tfal jew li jisirquhom, karozzi misjuqin minn sewwieqa fis-sakra li jitilfu l-kontroll, jew xi klikek taʼ żgħażagħ iddrogati jiġru mas-saqajn. It-tfal tiegħek se jilagħbu fi trankwillità u sigurtà assoluti.
Il-Paċi u Li Tħossok Personalment Tajjeb
Fl-aħħarnett, hemm l-aspett taʼ li tħossok personalment tajjeb. Saħansitra kundizzjonijiet taʼ Ġenna ma jnaqqsux l-uġigħ tal-kanċer jew il-weġgħat tal-artrite. Il-vera paċi trid għalhekk tinkludi t-tneħħija tal-mard, nuqqas taʼ saħħa, u l-mewt. Hija ħaġa bħal din possibbli? Waqt li kien fuq l-art, Ġesù Kristu ripetutament wera s-setgħa tiegħu fuq il-mard tal-bniedem. (Mattew 8:14-17) Mill-post vantaġġuż tiegħu fis-sema, Kristu se jkun jistaʼ jagħmel mirakli mad-dinja kollha! “F’dak iż-żmien,” twiegħed il-Bibbja, “għajnejn il-għomja se jinfetħu, u l-istess widnejn it-torox se jinfetħu. F’dak iż-żmien iz-zopp se jixxabbat sewwa sew bħalma jagħmel iċ-ċerv, u lsien il-mutu se jgħajjat bil-ferħ.”−Isaija 33:24; 35:5, 6.
Il-kampanja taʼ Kristu kontra l-miżerja umana mhix se tieqaf hemm, madankollu. L-appostlu Pawlu jispjega rigward l-istat taʼ Kristu bħala sultan: “Għax hu jrid jaħkem bħala sultan sakemm Alla jkun qiegħed l-egħdewwa kollha taħt saqajh. Bħala l-aħħar għadu, il-mewt għandha tinġieb fix-xejn.” (1 Korintin 15:25, 26) Dan ifisser li hu jħoll it-taħbil li l-mewt tefgħet fuq l-umanità mill-bidunett. Bħalma Ġesù Kristu nnifsu spjega: “Ġejja s-siegħa li dawk kollha fl-oqbra tal-mafkar se jisimgħu leħnu [taʼ Kristu] u joħorġu.” (Ġwann 5:28, 29) Miljuni bla għadd li għexu u mietu fil-miżerja b’hekk se jkollhom l-opportunità li jaqsmu fil-paċi dinjija li ġejja.
Trid ikollok sehem fiha? Ix-Xhieda taʼ Jehovah iħeġġuk biex titgħallem iktar dwar dak li tgħallem il-Bibbja f’dan ir-rigward.b Il-prospett taʼ paċi dinjija huwa bil-wisq eċċitanti, bil-wisq rejali, biex jiġi njorat. Kun ċert li jekk tistinka biex titgħallem u tapplika l-Kelma t’Alla, “dak Alla taʼ paċi se jkun magħkom”−għall-eternita!—Filippin 4:9.
[Noti taʼ taħt]
a Litteralment, “Ara l-paċi taʼ ħutek u l-paċi tal-merħla.”
b Studju tal-Bibbja b’xejn fil-familja jistaʼ jiġi rranġat billi tikteb lill-pubblikaturi taʼ din ir-rivista.