Diċembru
It-Tlieta, 1 taʼ Diċembru
“Hu għenhom jifhmu għalkollox l-Iskrittura.”—Luqa 24:45.
Id-dixxipli kienu jemmnu fil-Kelma t’Alla u għamlu kulma setgħu biex jobduha. (Ġw. 17:6) Imma ma setgħux jifhmu għala Ġesù nqatel bħala kriminal. Ġesù kien jaf li huma kellhom il-fidi u kienu jħobbuh lil Ġeħova. Imma kien jaf ukoll li kellhom jifhmu l-Kelma t’Alla aħjar. (Lq. 9:44, 45; Ġw. 20:9) Ġesù għen lid-dixxipli tiegħu biex meta jkunu qed jaqraw il-Bibbja mhux jifhmu biss il-kliem li hemm imma jifhmu dak li jrid jgħallimhom Ġeħova. Aħseb dwar kif għamel dan meta deher liż-żewġ dixxipli huma u sejrin Għemmaws. Ġesù mhux mill-ewwel qal lil dawk l-irġiel min kien. Minflok, hu staqsiehom xi mistoqsijiet. Għala? Forsi hu xtaq ikun jaf x’kienu qed jaħsbu u x’kellhom f’qalbhom. U hekk ġara, għax huma qalulu li kienu qed jaħsbu li Ġesù kien se jmexxi minflok ir-Rumani. (Lq. 24:18-27) Ġesù uża l-Bibbja biex jgħinhom jifhmu li ħafna profeziji kienu ġraw. Imbagħad iktar tard filgħaxija, Ġesù ltaqaʼ maʼ dixxipli oħra u spjegalhom x’kienu jfissru dawn il-profeziji.—Lq. 24:33-48. w24.10 14 ¶9-10
L-Erbgħa, 2 taʼ Diċembru
“Ma nagħmel xejn minn jeddi, imma ngħid eżatt dak li għallimni l-Missier.”—Ġw. 8:28.
Ġesù tgħallem x’għandu jgħid u jagħmel minn Missieru tas-sema. Illum, l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova tuża l-Bibbja biex tgħinna naraw x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin u tagħtina d-direzzjonijiet, eżatt bħalma kien jagħmel Ġesù. (2 Tim. 3:16, 17) Minħabba f’hekk, aħna niġu mfakkrin taʼ spiss biex naqrawha, u nagħmlu dak li nitgħallmu. Meta nużaw il-pubblikazzjonijiet tagħna biex nistudjaw il-Bibbja, nibbenefikaw ħafna. Pereżempju, nistgħu nqabblu d-direzzjoni li ttina l-organizzazzjoni ma’ dak li tgħid il-Bibbja. U aħna ħa nafdaw l-organizzazzjoni iżjed meta naraw li dak li tgħidilna jkun mill-Bibbja. (Rum. 12:2) Ġesù pprietka “l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla.” (Lq. 4:43, 44) Hu kkmanda lid-dixxipli tiegħu biex jagħmlu l-istess. (Lq. 9:1, 2; 10:8, 9) Illum, kull min hu parti mill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova madwar id-dinja jipprietka l-messaġġ tas-Saltna. w24.04 9 ¶5-7
Il-Ħamis, 3 taʼ Diċembru
“Aħna se nagħmlu dak kollu li kkmandajtna, u se mmorru kull fejn tibgħatna.”—Ġoż. 1:16.
Ibqaʼ afda d-direzzjoni mill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Meta kien qed imexxi lill-Iżraelin fid-deżert, Ġeħova uża lil Mosè u lil Ġożwè biex jagħti d-direzzjonijiet. (Ġoż. 1:17) Meta l-Iżraelin kienu jemmnu li Ġeħova kien qed juża lil dawn l-irġiel u jobduhom, Ġeħova kien iberikhom. Ħafna snin wara, meta bdiet il-kongregazzjoni Kristjana, it-12-il appostlu kienu jagħtu d-direzzjoni, u maż-żmien ingħaqdu magħhom xi anzjani oħrajn. (Atti 8:14, 15) Minħabba li l-aħwa kienu jobdu d-direzzjoni tagħhom, “il-kongregazzjonijiet komplew jissaħħu fil-fidi u jiżdiedu jum wara jum.” (Atti 16:4, 5) Illum ukoll Ġeħova se jberikna meta nobdu d-direzzjoni mill-organizzazzjoni. w24.07 10 ¶10
Il-Ġimgħa, 4 taʼ Diċembru
“David it-tifel taʼ Ġesse hu raġel għal qalbi.”—Atti 13:22.
Ġeħova kien iħobbu ħafna lir-Re David. Hu saħansitra qal li kien ‘raġel għal qalbu.’ Imma David għamel xi dnubiet serji ħafna bħal adulterju u qatel. Skont il-Liġi taʼ Mosè, David kellu jmut. (Lev. 20:10; Num. 35:31) Imma, Ġeħova xtaq jgħin lil David jindem. Allura, bagħat lill-profeta Natan biex jitkellem miegħu, avolja David kien għadu ma nidimx. Natan uża eżempju biex jgħin lil David jifhem kemm kienu gravi d-dnubiet li għamel. (2 Sam. 12:1-14) David fehem kemm kien weġġaʼ lil Ġeħova u nidem. Wara hu kiteb salm li juri kemm kien iddispjaċieh. (Slm. 51, sopraskrizzjoni) Dan is-salm illum jgħin lil ħafna nies li dinbu biex iħossuhom aħjar wara li jindmu. Kemm għandna napprezzaw li Ġeħova kien iħobb lil David u għenu jindem. w24.08 10 ¶9
Is-Sibt, 5 taʼ Diċembru
“[Kunu] konvinti minn dak li jrid minnkom, li hu tajjeb, aċċettabbli, u perfett.”—Rum. 12:2.
Ħafna nies jaqblu li llum biex trabbi t-tfal jinvolvi ħafna xogħol. Jekk int ġenitur, żgur qed taħdem iebes biex issaħħaħ il-fidi tat-tifel jew tat-tifla tiegħek f’Ġeħova, u żgur li Ġeħova hu ferħan bik. (Dewt. 6:6, 7) Hekk kif jikbru, it-tfal jistgħu jibdew isaqsu mistoqsijiet dwar dak li jemmnu, bħal għala l-Bibbja tgħallem li ċerti affarijiet huma ħżiena. Forsi għall-ewwel, meta jibdew isaqsu mistoqsijiet bħal dawn, tibda tinkwieta għax taħseb li m’għandhomx biżżejjed fidi f’Alla u fil-Bibbja. Però fir-realtà, meta jkunu qed jikbru, it-tfal iridu jistaqsu l-mistoqsijiet biex ikunu konvinti minn dak li jemmnu. (1 Kor. 13:11) Allura, m’għandekx għalfejn tibżaʼ. Minflok, meta t-tfal isaqsuk il-mistoqsijiet, tistaʼ tuża dan il-ħin biex tgħinhom jaħsbu iktar fil-fond, u b’hekk tgħinhom isaħħu l-fidi f’Alla u fil-Bibbja. w24.12 14 ¶1-2
Il-Ħadd, 6 taʼ Diċembru
“Aħna . . . it-tip li għandna l-fidi u nsalvaw ħajjitna.—Lhud 10:39.
Il-Kristjani Lhud kien se jkollhom bżonn fidi b’saħħitha biex isalvaw meta jiġi żmien diffiċli ħafna fil-Lhudija. (Lhud 10:37, 38) Ġesù kien qal biex meta jaraw armata madwar Ġerusalemm jaħarbu lejn il-muntanji. Dan kien parir għall-Kristjani kollha, kemm jekk kienu joqogħdu fil-belt u anki jekk kienu joqogħdu fil-kampanja. (Lq. 21:20-24) Normalment, meta kienet tiġi xi armata biex tattakka, dawk li ma kinux jgħixu ġo belt kienu jfittxu protezzjoni f’belt bis-swar, bħal Ġerusalemm. Allura, dak li qal Ġesù biex jaħarbu lejn il-muntanji setaʼ deher li ma kienx jagħmel sens. Huma żgur li kellhom bżonn fidi b’saħħitha biex jobdu. Il-Kristjani Lhud kellhom jafdaw lil dawk li Ġesù għażel biex imexxu fil-kongregazzjoni. Wisq probabbli, dawk l-aħwa taw direzzjoni speċifika taʼ kif u meta kellhom jaħarbu.—Lhud 13:17. w24.09 10 ¶9-10
It-Tnejn, 7 taʼ Diċembru
“Tahom irġiel bħala rigali.”—Efes. 4:8.
Meta Ġesù kien fuq l-art, għamel eżatt dak li qallu Ġeħova. Imma ma ħasibx li hu biss kien kapaċi jagħmel dan ix-xogħol. (Ġw. 17:4) Hu għallem lil oħrajn biex jagħmlu l-istess. Hu ta lid-dixxipli tiegħu r-responsabbiltà li jippritkaw u jgħallmu lin-nies dwar Ġeħova, għax hu kien jafdahom. Ġesù kien jaf li d-dixxipli tiegħu kellhom bżonn xi pariri, allura tahomlhom bi mħabba. Xi wħud minnhom ma kinux jemmnu li hu kien miet u ġie rxoxtat. Allura b’mod sod għenhom jaraw il-verità. (Lq. 24:25-27; Ġw. 20:27) Qalilhom ukoll biex jiffokaw iktar fuq li jieħdu ħsieb lill-aħwa minflok fuq ix-xogħol tagħhom u li jagħmlu iktar flus. (Ġw. 21:15) Hu fakkarhom biex ma jqabblux dak li qed jagħmlu maʼ dak li qed jagħmel ħaddieħor. (Ġw. 21:20-22) Xi wħud minnhom kellhom xi ideat ħżiena dwar is-Saltna. Allura għenhom biex jifhmu l-affarijiet sew u jiffokaw fuq li jippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna.—Atti 1:6-8. w24.10 15-16 ¶13-14
It-Tlieta, 8 taʼ Diċembru
“In-nies sewwa se jirtu l-art, u jgħixu fiha għal dejjem.”—Slm. 37:29.
Jekk nobdu lil Ġeħova, nistgħu ngħixu għal dejjem. Bħall-Iżraelin, aħna dalwaqt nidħlu fid-dinja l-ġdida. Bħalma wegħedna Ġeħova, id-dinja se ssir ġenna. (Isa. 35:1; Lq. 23:43) Satana u d-demonji tiegħu mhux se jkunu hemm. (Riv. 20:2, 3) U mhux se jkun hemm reliġjonijiet jgħallmu l-gideb dwar Ġeħova. (Riv. 17:16) Lanqas se jkun hemm gvernijiet li jġiegħlu n-nies ibatu. (Riv. 19:19, 20) Ġeħova mhu se jħalli lil ħadd jaqlaʼ l-inkwiet. (Slm. 37:10, 11) In-nies kollha se jobdu l-liġijiet kollha taʼ Ġeħova, u b’hekk se jkunu fil-paċi u magħqudin. Huma se jħobbu u jafdaw lil xulxin. (Isa. 11:9) Aħna nħarsu ’l quddiem għal dak iż-żmien! Jekk nobdu lil Ġeħova, se nkunu nistgħu ngħixu fil-Ġenna tal-art għal dejjem.—Ġw. 3:16. w24.11 9 ¶7
L-Erbgħa, 9 taʼ Diċembru
“Din l-aħbar tajba tas-Saltna se tiġi ppritkata mad-dinja kollha biex tingħata xhieda lill-popli kollha.”—Mat. 24:14.
Illum din il-profezija qed tiġri iktar minn qatt qabel. Il-messaġġ li ngħidu lin-nies qiegħed f’iktar minn 1,000 lingwa. U l-biċċa l-kbira min-nies fid-dinja jistgħu jsiru jafu dwar il-messaġġ tagħna minn fuq il-website jw.org. Imma Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu li sakemm jiġi, ma kinux ħa jilħqu ‘jduru l-bliet kollha,’ jiġifieri jippritkaw lil kull persuna fid-dinja. (Mt. 10:23; 25:31-33) Illum, nistgħu nifhmu x’ried jgħid Ġesù. Miljuni taʼ nies qegħdin jgħixu f’postijiet fejn ma nistgħux nippritkaw. U apparti minn hekk, jitwieldu ħafna trabi kull minuta. Ovvjament, aħna nagħmlu l-aħjar li nistgħu biex nippritkaw lil “kull ġens u tribù u lsien.” (Riv. 14:6) Imma l-verità hi li mhux se nkellmu lil kulħadd qabel jiġi t-tmiem. w24.05 10 ¶6-7
Il-Ħamis, 10 taʼ Diċembru
“M’għadhomx iżjed tnejn, imma saru ġisem wieħed.”—Mat. 19:6.
Ġesù dejjem uża l-kliem tiegħu biex jgħin lil oħrajn iħossuhom aħjar u jinkuraġġihom. Hu qatt ma tkellem bl-aħrax man-nies. (Lq. 8:47, 48) Kemm hu t’eżempju tajjeb Ġesù għall-irġiel Kristjani miżżewġin! Ġesù qal li raġel miżżewweġ għandu jibqaʼ leali lejn il-mara tiegħu. Hu kkwota dak li qal Missieru u qal li raġel għandu “jingħaqad maʼ martu.” (Mt. 19:4-6) Il-kelma Griega li ntużat għal “jingħaqad” tfisser li twaħħal bil-kolla żewġ affarijiet flimkien. Allura, koppja tant iridu jħobbu lil xulxin, li jkunu qishom imwaħħlin bil-kolla flimkien. Jekk xi ħadd minnhom jagħmel xi ħaġa li tweġġaʼ lill-ieħor, it-tnejn li huma se jbatu. Raġel li jkollu relazzjoni b’saħħitha bħal din mal-mara tiegħu se jwarrab kull forma taʼ pornografija. Hu mill-ewwel se jdawwar wiċċu ’l hemm minn “dak li ma jiswa għal xejn.” (Slm. 119:37) Fil-fatt, hu qisu jagħmel wegħda miegħu nnifsu li bl-ebda mod ma jħares lejn mara oħra bi ħsieb ħażin.—Ġob 31:1. w25.01 10 ¶12-13
Il-Ġimgħa, 11 taʼ Diċembru
“L-Alla tagħna . . . jaħfer bil-kbir.”—Isa. 55:7.
Il-mod kif jaħfru n-nies mhux dejjem ikun l-istess. Il-mod kif jaħfer Ġeħova hu differenti ħafna minn kif jaħfru n-nies. Ħadd ma jistaʼ jaħfer bħalu. Is-salmista qal hekk dwar Ġeħova: “Int taħfer mill-qalb, u għalhekk in-nies ikollhom rispett kbir lejk.” (Slm. 130:4) Dan il-kliem juri li meta Ġeħova jaħfer, hu vera jkun qiegħed jaħfer. B’hekk, hu l-aqwa eżempju taʼ xi ħadd li vera jaħfer. Xi kultant fil-Bibbja, tintuża kelma bl-Ebrajk li tirreferi għall-maħfra taʼ Ġeħova biss u mhux għall-mod kif jaħfru n-nies. Meta Ġeħova jaħfer lil xi ħadd, hu jinsa kompletament l-iżball. Allura jistaʼ jerġaʼ jkollna ħbiberija tajba miegħu. Aħna għandna vera napprezzaw li Ġeħova jaħfrilna għalkollox kull darba li niżbaljaw. w25.02 8-9 ¶1-3
Is-Sibt, 12 taʼ Diċembru
“Hu kkmandana biex nippritkaw lin-nies u nagħtuhom xhieda fid-dettall.”—Atti 10:42.
Meta ma jisimgħuniex in-nies ma jfissirx li ma kellniex suċċess. Għala? Għax aħna għamilna dak li jridu Ġeħova u Ġesù, jiġifieri tajna xhieda. Meta ma nsibu lil ħadd maʼ min nitkellmu, jew ma jisimgħux il-messaġġ tagħna, aħna xorta nistgħu nkunu ferħanin għax nafu li Missierna tas-sema hu ferħan bina. (Prov. 27:11) Aħna nieħdu pjaċir anke meta ħu ieħor isib lil xi ħadd interessat. It-Torri tal-Għassa qabbel ix-xogħol tagħna maʼ meta jfittxu tifel mitluf. Avolja jkun hemm ħafna nies qegħdin ifittxu, meta xi ħadd isib lil dan it-tifel, kulħadd jifraħ. Bl-istess mod, aħna qed naħdmu kollha flimkien biex nagħmlu dixxipli ġodda. Hemm bżonn l-għajnuna taʼ kulħadd biex inkellmu lin-nies kollha fit-territorju. U meta xi ħadd ġdid jibda jattendi l-laqgħat, kollha nifirħu. w24.04 18 ¶13-14
Il-Ħadd, 13 taʼ Diċembru
“Dawk kollha li kienu lesti li jaċċettaw il-verità li twassal għal ħajja taʼ dejjem saru dixxipli.”—Atti 13:48.
Kemm inħarsu ’l quddiem għal dak li se jiġri fil-futur! Aħna nixtiequ li bl-għajnuna taʼ Ġeħova, naraw iżjed nies jibdew jaqduh qabel jibda ż-żmien taʼ tbatija kbira. U aħna ferħanin li fiż-żmien diffiċli li ġej, jistaʼ jkun li iktar nies joħorġu mid-dinja taʼ Satana u jibdew jaqdu lil Ġeħova magħna! Sakemm jasal dak iż-żmien, għandna xogħol importanti x’nagħmlu li qatt mhu se nerġgħu nagħmluh. Għandna l-privileġġ li nippritkaw l-aħbar tajba mad-dinja kollha. Hemm bżonn ukoll li ngħidu lin-nies x’se jiġri dalwaqt. Huma għandhom bżonn ikunu jafu li dalwaqt il-ħażen se jispiċċa. Peress li nħobbu l-aħbar tajba, lin-nies, u lil Ġeħova, aħna determinati li nkomplu nippritkaw kemm nistgħu, sakemm Ġeħova jgħidilna li x-xogħol tagħna hu lest! w24.05 19 ¶14-16
It-Tnejn, 14 taʼ Diċembru
“Ittrattaw lil xulxin bl-umiltà, għax Alla jiħodha kontra l-kburin, imma juri qalb tajba kbira mal-umli.”—1 Pt. 5:5.
Fil-lejl qabel miet, Ġesù għallem lil Pietru u l-appostli l-oħra lezzjoni importanti dwar l-umiltà. L-appostli baqgħu mistagħġbin meta raw lil Ġesù jagħmel xi ħaġa li s-soltu kienu jagħmluha l-qaddejja. Ġesù neħħa l-ħwejjeġ taʼ fuq, qabad xugaman, dawru maʼ qaddu, tefaʼ l-ilma fi friskatur u beda jaħsel saqajn l-appostli. (Ġw. 13:4, 5) Jistaʼ jkun li ħa l-ħin sakemm ħasel saqajn l-appostli kollha, inkluż taʼ Ġuda, li kien se jittradih. Imma Ġesù xorta għamel dan kollu. Imbagħad bil-paċenzja qalilhom: “Qed tifhmu għala għamiltilkom hekk? Intom tgħajtuli ‘Għalliem’ u ‘Mulej,’ u sewwa tgħidu, għax hekk jien. Għalhekk, jekk jien, il-Mulej u l-Għalliem, ħsiltilkom saqajkom, anki intom għandkom taħslu saqajn xulxin.”—Ġw. 13:12-14. w25.03 10 ¶9-11
It-Tlieta, 15 taʼ Diċembru
“Int tiggwidani bil-pariri tiegħek, u wara turini li tapprovani.”—Slm. 73:24.
In-nies illum jagħmluhielna diffiċli biex nibqgħu leali lejn Ġeħova. Ħafna jgħidu li Alla ma jeżistix. Forsi nibdew naħsbu li min mhux qed jobdi lil Ġeħova xorta qed jgħix ħajja tajba u sabiħa. Allura, il-fidi tagħna tistaʼ ma tibqax b’saħħitha. U forsi nibdew naħsbu li Ġeħova mhux se jgħinna avolja nemmnu li jeżisti. Xi ħadd li ħassu hekk kien il-kittieb taʼ Salm 73. Hu beda jara li n-nies li ma kinux qed jobdu l-Liġi taʼ Ġeħova xorta kienu qed igawdu l-ħajja. Allura, beda jiddubita jekk għandux jibqaʼ jaqdi lil Alla. (Salm 73:11-13) X’għen lis-salmista biex ma jibqax jaħseb b’dak il-mod? Hu ħaseb sew x’kien ħa jiġri lil dawk li ma kinux jobdu lil Ġeħova. (Salm 73:18, 19, 27) Barra minn hekk, ħaseb dwar kemm kien se jkollu affarijiet tajbin jekk jibqaʼ leali lejn Ġeħova. Aħna wkoll irridu naħsbu dwar kemm dejjem ħa ħsiebna Ġeħova. w24.06 24-25 ¶16-17
L-Erbgħa, 16 taʼ Diċembru
“Tħobbux il-flus.”—Lhud 13:5.
Fi żmien il-Bibbja kien hemm xi Iżraelin li kienu jġiegħlu lil ħuthom li kienu fqar iħallsuhom lura iktar milli sellfuhom. F’każijiet oħrajn, l-imħallfin ġieli kienu jaċċettaw it-tixħim u ma jkunux ġusti meta jiġġudikaw. Dawn huma affarijiet li Ġeħova jobgħodhom. (Eżek. 22:12) Minn żmien għal ieħor ikun tajjeb li naħsbu kif inħossuna dwar il-flus. Biex tagħmel dan, staqsi dawn il-ħames mistoqsijiet: ‘Jien naħseb taʼ spiss dwar il-flus u x’nistaʼ nixtri? Jekk nissellef xi ħaġa tal-flus, inħoss li m’għandix nagħtihom lura malajr, għax forsi naħseb li min sellifhomli m’għandux bżonnhom? Meta jkolli l-flus inħossni aħjar minn ħaddieħor u ma nkunx ġeneruż? Xi kultant naħseb li dawk l-aħwa li għandhom il-flus huma materjalistiċi? Nagħmel ħbieb biss maʼ dawk li għandhom il-flus?’ Peress li aħna mistednin taʼ Ġeħova importanti li nistaqsu dawn l-affarijiet lilna nfusna. Aħna ħa nibqgħu l-ħbieb taʼ Ġeħova jekk ma nibdewx inħobbu l-flus. Imbagħad, jekk nagħmlu hekk Ġeħova qatt mhu se jitlaqna! w24.06 12-13 ¶17-18
Il-Ħamis, 17 taʼ Diċembru
“Jien mhu se nagħmel xejn li hu ħażin, ħalli nżomm maʼ kelmtek.”—Slm. 119:101.
Biex nirreżistu t-tentazzjoni, irridu nitgħallmu nkabbru x-xewqa li nagħmlu dak li hu tajjeb. Il-Bibbja tgħid li għandna ‘nobogħdu dak li hu ħażin, u nħobbu dak li hu tajjeb.’ (Għam. 5:15) Xewqat tajbin se jgħinuna ħafna wkoll meta jiġu t-tentazzjonijiet. Irridu nagħmlu affarijiet li jagħmluna iktar ħbieb taʼ Ġeħova bħal li mmorru l-laqgħat u s-service. Meta moħħna jkun iffokat fuq affarijiet spiritwali m’aħniex ħa niġu ttantati faċilment. (Mt. 28:19, 20; Ebr. 10:24, 25) Jekk naqraw il-Bibbja u naħsbu sew dwar dak li nistudjaw se nħobbu iktar dak li hu tajjeb u nobogħdu dak li hu ħażin. (Ġoż. 1:8; Salm 1:2, 3; 119:97) U tinsiex x’qal Ġesù lid-dixxipli tiegħu: “Itolbu kontinwament, ħalli ma taqgħux fit-tentazzjoni.” (Mt. 26:41) B’hekk, Ġeħova se jkun jistaʼ jgħinna u ħa nkunu iktar determinati biex ma nagħmlux affarijiet li jweġġgħuh.—Ġak. 4:8. w24.07 17 ¶14-16
Il-Ġimgħa, 18 taʼ Diċembru
“Se nagħtik l-abbiltà li tifhem u ngħallmek kif għandek tgħix. Se nżomm għajnejja fuqek biex nipproteġik u nagħtik il-pariri.”—Slm. 32:8.
Dawk li jittrennjaw lil oħrajn importanti li jimitaw lil Ġeħova. Ftakar li Ġeħova ma jżommx lura milli jaqsam m’oħrajn dak li jaf. Bl-istess mod, aħna rridu naqsmu m’oħrajn dak li nkunu nafu u ma nżommux lura għax nibżgħu li xi darba se jiħdulna postna. Lanqas m’għandna nirraġunaw b’mod li għax ħadd ma ttrennja lilna m’għandna għalfejn nittrennjaw lil ħadd! Ħadd mill-qaddejja taʼ Ġeħova m’għandu jkollu din l-attitudni. Minflok, għandna nkunu ferħanin li naqsmu dak li nafu u nittrennjaw lil oħrajn. (1 Tes. 2:8) Aħna nixtiquhom ikunu ‘kwalifikati biżżejjed biex jgħallmu lil oħrajn.’ (2 Tim. 2:1, 2) Jekk kulħadd se jkun ġeneruż, kollha se nħossuna iktar ferħanin u nitgħallmu iktar. w24.09 29 ¶12-13
Is-Sibt, 19 taʼ Diċembru
“Għalkemm aħna partijiet differenti tal-ġisem, niddependu minn xulxin.”—Rum. 12:5.
Jekk int tħoss li m’għandekx l-abbiltajiet biex tkun qaddej ministerjali taqtax qalbek. Int żgur għandek kwalitajiet li tistaʼ tuża biex tgħin lill-aħwa fil-kongregazzjoni. Aħseb dwar x’qal l-appostlu Pawlu fl-1 Korintin 12:12-30. Imbagħad itlob lil Ġeħova biex jgħinek tara kif tistaʼ tapplikah. Dawk il-versi juru ċar li l-aħwa kollha huma bżonjużi u importanti fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova, anki int. Agħmel kulma tistaʼ biex taqdi lil Ġeħova u tgħin lill-aħwa. Kun ċert li l-anzjani se jinnotawk u se jtuk assignments li tkun tistaʼ tagħmel. (Rum. 12:4-8) Il-Kristjani kollha għandhom isiru iktar ħbieb taʼ Ġeħova, jieħdu pjaċir jagħtu lil oħrajn mill-qalb, u jkunu t’eżempju tajjeb taʼ kif jaqdu lil Ġeħova. w24.11 17 ¶12-13
Il-Ħadd, 20 taʼ Diċembru
“Bdiet titlob lil Ġeħova u tibki kemm tiflaħ.”—1 Sam. 1:10.
Minħabba l-problemi li kellha, Ħanna kellha dwejjaq kbar. Waħda mill-problemi kienet li r-raġel tagħha kien miżżewweġ mara oħra jisimha Peninna, u din kienet kattiva magħha. Apparti minn hekk, Ħanna ma setax ikollha tfal, imma Peninna kellha ħafna. (1 Sam. 1:1, 2) Minħabba f’hekk, Peninna kienet taqbad magħha u tgħidilha kliem li jweġġaʼ. Ħanna tant kienet imdejqa li “kienet tibki u ma tikolx,” u ħassitha “ddisprata ħafna.” (1 Sam. 1:6, 7, 10) Ħanna x’għamlet biex tħossha aħjar? Ħaġa waħda li għamlet kienet li marret tqim lil Ġeħova fit-tabernaklu. Meta kienet hemmhekk, hi “bdiet titlob lil Ġeħova u tibki kemm tiflaħ.” Fit-talba tagħha lil Ġeħova, hi qalet: “Ara d-dwejjaq kbar tiegħi u ftakar fija.” (1 Sam. 1:11) Ġeħova fehemha, semaʼ t-talba tagħha, u maż-żmien berikha billi taha t-tfal.—1 Sam. 1:19, 20; 2:21. w24.12 21 ¶5-7
It-Tnejn, 21 taʼ Diċembru
“Kont inħobb b’mod speċjali lill-bnedmin.”—Prov. 8:31.
Il-fidwa tgħallimna li Ġesù jimpurtah ħafna min-nies, speċjalment mid-dixxipli tiegħu. (Ġw. 13:1) Pereżempju, hu kien jaf li xi affarijiet li kellu jagħmel fuq l-art kienu se jkunu diffiċli, bħal li jmut mewta taʼ wġigħ. Imma hu m’għamilx dawn l-affarijiet għax qallu Ġeħova biss, imma għax kien iħobb in-nies. Dan għamlu billi tkellem magħhom dwar l-aħbar tajba, għallimhom u għenhom. Dakinhar li kien se jmut hu ħa l-ħin biex jaħsel saqajn l-appostli tiegħu biex jgħallimhom u jinkuraġġihom. (Ġw. 13:12-15) Imbagħad meta kien qed imut fuq iz-zokk tat-tortura, hu ta tama lill-kriminal taʼ ħdejh. Ġesù ħaseb ukoll dwar ommu u qal lil Ġwanni biex jieħu ħsiebha. (Lq. 23:42, 43; Ġw. 19:26, 27) Dan kollu jurina li Ġesù wera kemm kien iħobb in-nies mhux biss billi miet għalihom, imma wkoll bil-mod kif ttrattahom. w25.01 23 ¶11
It-Tlieta, 22 taʼ Diċembru
“Hu tgħabba bil-kastigi ħalli nkunu fil-paċi m’Alla, u minħabba l-feriti tiegħu, aħna fiqna.”—Isa. 53:5.
Il-Bibbja tagħti eżempju biex tgħinna nifhmu kif inħossuna meħlusin meta jaħfrilna Ġeħova. Din tgħid li peress li aħna imperfetti, aħna qisna “lsiera tad-dnub.” Imma meta Ġeħova jaħfrilna, aħna nkunu ġejna “meħlusin mid-dnub.” (Rum. 6:17, 18; Riv. 1:5) Peress li nafu li Ġeħova ħafrilna, nistgħu nkunu ferħanin bħal meta lsir jiġi meħlus. Permezz tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù, Ġeħova qisu fejjaqna minn din il-marda. (1 Pt. 2:24) Meta nidinbu nagħmlu ħsara lill-ħbiberija tagħna ma’ Ġeħova. Imma permezz tal-fidwa, hu jistaʼ jaħfrilna u b’hekk nerġgħu nkunu ħbieb tiegħu. Eżatt bħalma xi ħadd li jfiq minn xi marda jħossu vera ferħan, aħna ferħanin għax jistaʼ jerġaʼ jkollna ħbiberija tajba maʼ Ġeħova. w25.02 11 ¶16-17
L-Erbgħa, 23 taʼ Diċembru
“Jekk tibqgħu tagħmlu dawn l-affarijiet, żgur li se tirnexxu.”—2 Pt. 1:10.
Fl-eżempju tat-talenti, Ġesù tkellem dwar żewġ ilsiera li kienu leali u wieħed li ma kienx. (Mat. 25:14-30) Iż-żewġ ilsiera leali jirrappreżentaw lill-magħżulin li jibqgħu leali. Is-Sid, Ġesù, jistidinhom biex jifirħu miegħu. Huma se jirċievu l-premju tagħhom fis-sema permezz tal-ewwel irxoxt. (Mat. 25:21, 23; Riv. 20:5b) Min-naħa l-oħra, l-eżempju tal-ilsir għażżien jagħti twissija lill-magħżulin. X’inhi? Huma jridu juru li jaħdmu iebes. Fl-eżempju tat-talenti, Ġesù ma kienx qed jgħid li l-magħżulin kienu se jsiru għażżenin. Hu kien qed juri x’jiġri jekk jitilfu l-ħeġġa tagħhom. Huma ma kinux se jkunu ċerti mis-sejħa u l-għażla tagħhom, u b’hekk ma jirtux is-Saltna tas-sema. w24.09 22 ¶10; 23 ¶12-13
Il-Ħamis, 24 taʼ Diċembru
Agħżlu l-iktar affarijiet importanti.—Flp. 1:10.
Kulħadd jixtieq li jkun jistaʼ jipprovdi għall-familja u għalih innifsu. (Ekk. 7:12; 1 Tim. 5:8) Meta niġu biex nagħżlu xogħol, hu normali li naraw kemm se naqilgħu flus. Imma jekk dan ikun l-unika ħaġa dwar xiex naħsbu nkunu qed ngħixu skont dak li naraw. Jekk qed ngħixu skont il-fidi, se naħsbu wkoll kif ix-xogħol li nagħżlu se jeffettwa l-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova. Nistgħu nsaqsu: ‘Waqt ix-xogħol se jkolli nagħmel xi affarijiet li Ġeħova jobgħod?’ (Prov. 6:16-19) ‘Se jkolli nitlef xi laqgħat, innaqqas is-service, jew innaqqas il-ħin biex nagħmel l-istudju personali? Se jkolli nsiefer għal xi żmien u nkun ’il bogħod mill-mara u t-tfal?’ Jekk twieġeb iva għal waħda minn dawn il-mistoqsijiet, ikun għaqli li ma taċċettax ix-xogħol avolja jistaʼ jkun diffiċli biex issib ieħor. Peress li nistrieħu fuq il-pariri tal-Bibbja, aħna nieħdu deċiżjonijiet li juru li aħna ċerti li Ġeħova se jieħu ħsiebna.—Mat. 6:33; Lhud 13:5. w25.03 21 ¶5-6
Il-Ġimgħa, 25 taʼ Diċembru
“Uru qalb tajba maʼ xulxin, ħennu b’tenerezza, u aħfru lil xulxin mill-qalb.”—Efes. 4:32.
Aħna rridu dejjem naħsbu fuq il-kwalitajiet tajbin li għandhom l-aħwa, eżatt bħalma jagħmel Ġeħova. Irridu nżommu f’moħħna li l-affarijiet li jdejquna fihom mhumiex ħa jibqgħu għal dejjem. U rridu nsolvu l-problemi taʼ bejnietna billi ‘nkunu qalbna tajba maʼ xulxin. Meta n-nies fid-dinja jarawna nittrattaw lil xulxin b’dan il-mod, ħa jkunu jixtiequ jsiru parti minn din il-ġenna spiritwali. Importanti li dejjem nibqgħu napprezzaw din il-ġenna li Ġeħova għamel għalina. Kull min jixtieq li jkollu l-ikel spiritwali, ikun ferħan, fil-paċi, u jħossu protett irid jidħol fil-ġenna spiritwali u jibqaʼ fiha! Imma rridu noqogħdu attenti ħafna għax Satana qed jipprova kemm jistaʼ jbegħedna minnha. (1 Pt. 5:8; Riv. 12:9) Aħna ma rridu qatt li nħalluh jirbaħ. Allura ejja naħdmu iebes biex il-ġenna spiritwali tibqaʼ sabiħa, nadifa, u protetta. w24.04 24-25 ¶18-19
Is-Sibt, 26 taʼ Diċembru
“Poġġu s-Saltna . . . fl-ewwel post f’ħajjitkom.”—Mat. 6:33.
Ġenituri, tistgħu tgħinu lit-tfal ikunu jixtiequ jaqdu lil Ġeħova iżjed. B’dak li tgħid u tagħmel urihom li l-iżjed affarijiet importanti huma li jistudjaw il-Bibbja, imorru l-laqgħat, u joħorġu service. Jekk ma tagħmilx hekk it-tfal se jaqdu lil Ġeħova minħabba fik u mhux għax vera jħobbu u jridu jkunu ħbieb taʼ Ġeħova. Minħabba f’hekk, jistaʼ jkun li ma jarawhiex importanti li jaqdu lil Ġeħova jew anki forsi jieqfu jaqduh. Imma jekk xi ħadd waqaf jaqdi lil Ġeħova, ifisser li qatt ma jistaʼ jerġaʼ jkollu ħbiberija miegħu? Le, għax hu jistaʼ jiddispjaċih u jerġaʼ jibda jaqdih. Imma biex jagħmel hekk hemm bżonn ikun umli u jaċċetta l-għajnuna tal-anzjani. (Ġak. 5:14) Meta jerġaʼ jsir ħabib taʼ Ġeħova żgur se jkun worth it! w24.07 25 ¶18-19
Il-Ħadd, 27 taʼ Diċembru
“Aħarbu minn kull tentazzjoni li twassal għall-immoralità sesswali.”—1 Kor. 6:18.
Kif tistgħu tibqgħu togħġbu lil Ġeħova meta tkunu qed toħorġu flimkien? Iżjed ma ssiru tafu lil xulxin, iżjed se tinġibdu lejn xulxin. Allura, x’tistgħu tagħmlu biex tibqgħu togħġbu lil Ġeħova? Evitaw li titkellmu dwar affarijiet immorali, tkunu waħedkom, jew tixorbu żżejjed. (Efes. 5:3) Dawn l-affarijiet jistgħu jqajmu xewqat sesswali u jagħmluhielkom diffiċli biex tagħmlu dak li hu tajjeb. Allura, b’mod regolari tkellmu dwar x’tistgħu tagħmlu biex tirrispettaw lil xulxin u tobdu l-livelli taʼ Ġeħova. (Prov. 22:3) Iżjed ma ssiru tħobbu lil xulxin, forsi tiddeċiedu li turu xi tip t’affezzjoni lejn xulxin. Imma jekk ix-xewqat sesswali jkunu b’saħħithom se jkun iktar diffiċli biex tieħdu deċiżjonijiet tajbin. (Għan. 1:2; 2:6) Meta turi affezzjoni, jistaʼ jkun ukoll diffiċli biex tikkontrolla lilek innifsek u tagħmel xi ħaġa li ma togħġobx lil Ġeħova. (Prov. 6:27) Mela, meta tibdew toħorġu flimkien, tkellmu dwar x’jogħġob lil Ġeħova u mbagħad iddeċiedu x’se tagħmlu u ma tagħmlux.—1 Tess. 4:3-7. w24.05 29 ¶10-11
It-Tnejn, 28 taʼ Diċembru
“Ħalli ‘l-Iva’ tfisser iva, u ‘l-Le,’ le.”—Mat. 5:37.
Aħna rridu li oħrajn ikunu ċerti li meta jkollhom bżonn, se ngħinuhom, speċjalment fi żminijiet diffiċli. (Prov. 17:17) Allura x’tistaʼ tagħmel minn issa? Ipprova imita lil Ġeħova kemm tistaʼ billi żżomm il-wegħdi tiegħek, u meta tiftiehem iżżomm il-ħin. Il-kongregazzjoni kif se tmur sew meta l-anzjani jkunu taʼ min jafdahom? L-aħwa se jħossuhom inqas stressjati meta jkunu jafu li jistgħu jċemplu lill-anzjani kull meta jkollhom bżonn. Huma se jħossu li l-anzjani jħobbuhom u meta l-anzjani jagħtu pariri mill-Bibbja u l-pubblikazzjonijiet tagħna, l-aħwa se jkunu jistgħu jafdawhom. Barra minn hekk, meta l-anzjani jżommu kelmithom u ma jitkellmux fuq affarijiet kunfidenzjali, l-aħwa wkoll se jkunu jistgħu jafdawhom iktar. w24.06 30 ¶14-15
It-Tlieta, 29 taʼ Diċembru
“Int tgħinhom jibqaʼ jkollhom il-paċi, għax huma fik jafdaw.”—Isa. 26:3.
Illum ma nistgħux nistennew li Ġeħova jneħħilna l-problemi li għandna, imma nistgħu nafdaw fih li żgur se jgħinna. (Salm 41:3) Permezz tal-ispirtu qaddis tiegħu, hu jtina s-saħħa, l-għerf, u jgħinna nkunu kalmi biex inkampaw. (Prov. 18:14; Flp. 4:13) Hu jgħinna wkoll permezz tat-tama li fil-futur ħadd mhu se jkun marid. (Isa. 33:24) Meta ngħaddu minn żmien diffiċli, dak li jgħid Ġeħova jistaʼ jinkuraġġina u jgħinna nħossuna kalmi. (Rum. 15:4) Meta oħt fl-Afrika saret taf li kellha kanċer, taʼ spiss kienet tibki. Hi tgħid: “Il-kliem f’Isaija 26:3 jgħinni ħafna. Dal-vers jiżgurana li Ġeħova ħa jgħinna nkunu kalmi u jtina s-saħħa li għandna bżonn biex nissaportu.” Hemm xi vers li jinkuraġġik meta tkun għaddej minn xi sitwazzjoni u qisu ma jkollokx tama? w24.12 24 ¶17-18
L-Erbgħa, 30 taʼ Diċembru
“Waqt li kien għadu ’l bogħod, missieru rah u tħassru. Imbagħad ġera lejh, għannqu, u biesu b’tenerezza.”—Luqa 15:20.
L-anzjani jagħmlu kulma jistgħu biex juru attitudni taʼ maħfra lejn dawk li tbiegħdu mill-kongregazzjoni. Huma jridu li dawn l-uħud li huma bħal nagħaġ mitlufin jerġgħu lura għand Ġeħova. (Lq. 15:22-24, 32) Meta midneb jerġaʼ lura, ikun hemm il-ferħ fis-sema u jkun hemm il-ferħ fuq l-art ukoll! (Lq. 15:7) Huwa ċar li Ġeħova ma jridx li min ma ddispjaċiehx għad-dnub li għamel jibqaʼ fil-kongregazzjoni. Però, hu ma jagħtihomx dahru. Hu jridhom jerġgħu lura għandu. Ġeħova jesprimi kif iħossu dwar l-uħud li jindmu bil-kliem li nsibu f’Ħosea 14:4: “Se nfejjaq in-nuqqas taʼ lealtà tagħhom. Se nħobbhom minn jeddi, għax m’għadnix irrabjat magħhom.” Peress li jafu kif iħossu Ġeħova, l-anzjani jfittxu kwalunkwe sinjal li juri li l-persuna beda jiddispjaċiha. U dan il-kliem żgur li jaċċerta lil dawk li telqu lil Ġeħova li hu jħobbhom u jridhom jiġu lura malajr. w24.08 28 ¶8-9
Il-Ħamis, 31 taʼ Diċembru
“Uru li tapprezzaw.”—Kol. 3:15.
Il-verità hi li mhux kulħadd se japprezza meta nkunu tajna mill-ħin, l-enerġija, u l-affarijiet materjali tagħna. Xi kultant, jaf inħossu li ċertu nies lanqas biss jinteressahom. Jekk jiġrilna hekk, kif nistgħu nibqgħu ferħanin? Ftakar, il-ferħ taʼ meta nagħtu ma jiddependix fuq kemm ħaddieħor japprezza. (Atti 20:35) Aħna xorta nistgħu niddeċiedu li nagħtu bil-ferħ avolja oħrajn ma japprezzawx. Kif? Ftakar li meta tagħti lil oħrajn tkun qed timita lil Ġeħova. Hu jagħti affarijiet tajbin lin-nies, kemm jekk japprezzaw u kemm jekk le. (Mat. 5:43-48) Ġeħova jwegħedna li meta nagħtu ‘mingħajr ma nistennew xejn lura l-premju tagħna jkun kbir.’ (Lq. 6:35) Il-frażi li “ma nistennew xejn” lura tinkludi wkoll li ma nistennewx li juruna apprezzament. Mela, kemm jekk oħrajn japprezzaw u kemm jekk le, Ġeħova se jippremjana taʼ dak li nagħmlu għax ‘ferħanin li nagħtu.’—Prov. 19:17; 2 Kor. 9:7. w24.09 29 ¶14-16