LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • be p. 4-p. 8 para. 1
  • Merħba għall-Iskola tal-Ministeru Teokratiku

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Merħba għall-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Sottitli
  • Kif Tistaʼ Tibbenefika bis-​Sħiħ
Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
be p. 4-p. 8 para. 1
Stampa f’paġna 5

Merħba għall-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku

MADWAR id-​dinja, f’iktar minn 200 pajjiż, miljuni taʼ studenti qed jibbenefikaw kull ġimgħa mill-​edukazzjoni tal-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku. Xi wħud huma ġodda. Oħrajn ilhom jattendu l-​iskola għal ħafna snin. L-​iskola ssir f’għaxriet taʼ eluf taʼ postijiet. Tgħix fejn tgħix fid-​dinja, l-​istess programm taʼ edukazzjoni huwa disponibbli għalik. Nies taʼ kull età, grupp etniku, u sfond taʼ edukazzjoni qed jingħataw dan it-​tagħlim teokratiku, mingħajr ħlas.

Meta ġiet inawgurata l-​iskola fil-​kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fl-​1943, l-​iskop tagħha kien mistqarr f’dan il-​kliem: “Biex tħejji lin-​‘nies leali’ kollha, jiġifieri dawk li semgħu l-​Kelma taʼ Alla u wrew il-​fidi tagħhom fiha, biex ‘ikunu jistgħu jgħallmu lil oħrajn’ . . . bl-​iskop ewlieni li kull individwu jkun . . . imħejji aħjar biex jippreżenta fil-​pubbliku t-​tama li għandu.” (Course in Theocratic Ministry, p. 4) Il-​mira tal-​iskola baqgħet l-​istess sal-​ġurnata tal-​lum.

Tabilħaqq, x’inhi l-​aħjar ħaġa li nistgħu nagħmlu lkoll kemm aħna bl-​għotja tad-​diskors li tana Alla? Il-​Bibbja twieġeb: “Kull ħaġa li tieħu n-​nifs—ħa tfaħħar lil Jah.” (Salm 150:6) Meta nagħmlu dan, aħna nferrħu qalb Missierna tas-​sema. Nagħtuh evidenza li qlubna qed iwieġbu bi gratitudni għat-​tjubija u l-​imħabba tiegħu. Mhux taʼ b’xejn li l-​Kristjani huma inkuraġġiti biex ‘joffru dejjem sagrifiċċju taʼ tifħir lil Alla, jiġifieri, il-​frott tax-​xofftejn li jistqarru ismu pubblikament’! (Ebr. 13:15) Bl-​għan li ngħinuk ittejjeb l-​abbiltà tiegħek li tuża l-​għotjiet li tak Alla biex tfaħħar lil Ġeħova, aħna nilqgħuk bħala student tal-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku.

Filwaqt li l-​qari fil-​pubbliku u l-​arti tat-​taħdit u tat-​tagħlim jingħataw ħafna attenzjoni fl-​iskola, il-​benefiċċji tal-​edukazzjoni tal-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku ma jiqfux hemm. Int u tieħu sehem, se tiġi megħjun tikkultiva abbiltajiet taʼ valur bħal pereżempju li tagħmel qari persunali, li tismaʼ u tiftakar, li tistudja, li tagħmel riċerka, li tanalizza u torganizza, li titħaddet, li twieġeb il-​mistoqsijiet, u li tniżżel bil-​miktub il-​ħsibijiet tiegħek. Il-​Bibbja nfisha u l-​pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja se jipprovdu l-​bażi għall-​istudju u għall-​kummenti u l-​preżentazzjonijiet li jingħataw fl-​iskola. Int u timla moħħok bil-​veritajiet prezzjużi li jinsabu fil-​Kelma taʼ Alla, se titgħallem taħseb il-​ħsibijiet taʼ Alla. Kemm jistaʼ jkun taʼ benefiċċju dan f’kull aspett tal-​ħajja! Rigward il-​valur tal-​Kelma taʼ Alla, William Lyon Phelps, edukatur universitarju tas-​seklu 20, kiteb: “Kull min għandu għarfien sħiħ tal-​Bibbja jistaʼ tassew jissejjaħ bniedem taʼ skola. . . . Nemmen li għarfien tal-​Bibbja mingħajr edukazzjoni f’kulleġġ hu iktar taʼ valur minn edukazzjoni f’kulleġġ mingħajr Bibbja.”

Kif Tistaʼ Tibbenefika bis-​Sħiħ

Stampa taˈ paġna sħiħa f’paġna 4

M’għandniex xi ngħidu, biex tibbenefika bis-​sħiħ mill-​edukazzjoni provduta fl-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku, int, bħala l-​istudent, trid tagħmel sforz persunali. L-​appostlu Pawlu ħeġġeġ lill-​Kristjan sieħbu Timotju: “Immedita fuq dawn l-​affarijiet; kun medhi fihom, biex kulħadd jara li qed tavanza.” (1 Tim. 4:15) B’liema modi prattiċi tistaʼ tagħmel ħiltek?

Jekk inhu possibbli, attendi l-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku kull ġimgħa. Uża dan il-​ktieb Ibbenefika mill-​Edukazzjoni tal-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku b’mod għaqli. Ikteb ismek fl-​ispazju provdut għalih fl-​ewwel paġna. Dejjem ġib il-​ktieb miegħek meta tattendi l-​iskola. Dan il-​ktieb għandu wkoll spazji fejn tniżżel in-​noti. Meta taqra xi punti importanti fil-​ktieb li tħoss li se jgħinuk, immarkahom b’linja taħthom. Uża l-​ispazju wiesaʼ fil-​ġenb tal-​paġna biex tikteb punti prattiċi li titgħallem matul id-​diskussjonijiet fl-​iskola.

Meta tipprepara għas-​sessjonijiet tal-​iskola taʼ kull ġimgħa, tinsiex li l-​Bibbja hija l-​għodda prinċipali. Agħti prijorità lill-​qari tas-​silta mill-​Bibbja li tkun fl-​iskeda taʼ kull ġimgħa. Ukoll, se jkun taʼ benefiċċju kbir jekk tistaʼ taqra minn qabel il-​materjal għad-​diversi partijiet tal-​programm.

Matul l-​iskola, jistaʼ jkun hemm opportunitajiet biex l-​udjenza tieħu sehem. Ħu vantaġġ sħiħ minnhom. Fattur importanti biex tkun tistaʼ tiftakar dak li tismaʼ u tużah fil-​ħajja persunali tiegħek hu li tinvolvi ruħek f’diskussjonijiet bħal dawn.

M’għandniex xi ngħidu, l-​istudenti kollha jkollhom opportunità li jagħtu taħditiet jew jagħmlu turijiet quddiem l-​aħwa tal-​kongregazzjoni. Agħmel użu tajjeb minn kull opportunità bħal din. Agħmel ħiltek kollha biex titjieb fi kwalunkwe kwalità tad-​diskors li tiġi inkarigat taħdem fuqha. Se tingħata parir bl-​iskop li tkompli tagħmel progress. Aċċetta din l-​għajnuna persunali. Fil-​ktieb tiegħek, ħu nota taʼ suġġerimenti speċifiċi dwar x’tistaʼ tagħmel personalment ħalli titjieb. Ladarba mhuwiex faċli li individwu jħares lejh innifsu bil-​mod kif iħares lejh ħaddieħor, is-​suġġerimenti u l-​pariri kollhom imħabba u bbażati fuq il-​Bibbja li jiġu provduti jistgħu jgħinuk ħafna biex tagħmel progress. Dan hu minnu anki jekk ilek miktub fl-​iskola għal ħafna snin.—Prov. 1:5.

Tixtieq tagħmel progress iktar malajr? Jekk personalment tieħu l-​inizjattiva, dan jistaʼ jkun possibbli. Studja minn qabel il-​materjal li tkun se tkopri kull taħdita tal-​istudenti. Jekk ikun hemm bżonn kelliemi biex jieħu post kelliemi ieħor, int se tkun tistaʼ toffri ruħek, u dan se jgħinek tikseb iktar esperjenza. Meta oħrajn jagħtu t-​taħditiet, ismaʼ b’attenzjoni biex tara kif ikopru l-​materjal. Aħna nitgħallmu minn xulxin.

Iktar minn hekk, jekk iċ-​ċirkustanzi jippermettulek, tistaʼ tħaffef il-​progress tiegħek billi tistudja personalment dan il-​ktieb bil-​quddiem. Wara li titgħallem sew dak li hemm fil-​15-​il studju li jmiss, kompli studja s-​sessjoni kollha intitolata “Programm Biex Tiżviluppa l-​Abbiltà Bħala Kelliemi u Għalliem,” li tibda minn paġna 78. L-​ewwel, studja kull lezzjoni, u agħmel it-​taħriġ li jkun hemm marbut mal-​lezzjoni. Applika dak li titgħallem fil-​ministeru tiegħek. Dan jistaʼ jtejjeb bil-​kbir il-​progress tiegħek bħala kelliemi u għalliem tal-​Kelma taʼ Alla.

L-​edukazzjoni tiegħek fl-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku se tgħinek biex tħejji ruħek għal dak li hu l-​iktar importanti fil-​ħajja. Ladarba aħna ħajjin minħabba r-​rieda taʼ Alla, meta nfaħħruh nuru li nifhmu l-​iskop ewlieni tal-​eżistenza tagħna. Alla Ġeħova jistħoqqlu tifħir tal-​aqwa kwalità. (Riv. 4:11) L-​edukazzjoni li nirċievu fl-​iskola hija mezz biex inwettqu dan ħalli nkunu nistgħu naħsbu b’mod ċar, naġixxu bl-​għaqal, u nikkomunikaw b’mod effettiv il-​veritajiet meraviljużi mill-​Kelma ispirata taʼ Alla.

KARATTERISTIKI TAL-​ISKOLA

  • Programm kull ġimgħa taʼ qari, studju, u riċerka li jiffoka fuq il-​Bibbja

  • Istruzzjonijiet dwar il-​qari fil-​pubbliku u l-​arti tat-​taħdit u tat-​tagħlim

  • Sehem f’diskussjonijiet bħala grupp

  • Opportunitajiet biex jingħataw preżentazzjonijiet quddiem l-​aħwa tal-​kongregazzjoni

  • Assistenza persunali biex tiġi megħjun tagħmel progress

ABBILTAJIET LI JINGĦATAW ATTENZJONI

  • Is-​smigħ u l-​memorja

  • Il-​qari persunali

  • L-​istudju

  • Ir-​riċerka

  • L-​analisi u l-​organizzar

  • Il-​konversazzjoni

  • Kif jitwieġbu l-​mistoqsijiet

  • Kif il-​ħsibijiet jitniżżlu bil-​miktub

PEDAMENT FUQIEX WIEĦED JIBNI

L-​abbiltà li wieħed jikkomunika b’mod effettiv hija arti. Mhux kulħadd jirnexxilu jagħmel dan sew. Hawn ħafna kotba li ġew disinjati biex jgħinu lin-​nies jitjiebu f’dan l-​aspett. Madankollu, il-​Ħallieq, il-​Wieħed li żejjen lill-​bnedmin bl-​abbiltà li jitkellmu, jaf iktar dwar id-​diskors u t-​tagħlim minn kwalunkwe bniedem professjonali li jgħallmek kif titkellem. L-​Iben uniġenitu tiegħu kkoopera miegħu bħala l-​Ħaddiem tas-​Sengħa biex jipproduċu l-​moħħ uman u l-​organi tat-​taħdit kif ukoll il-​meravilji l-​oħrajn kollha tal-​ħolqien.

Hekk kif l-​anġli u mbagħad il-​bnedmin bdew jeżistu, dan l-​Iben qeda bħala l-​Kelma taʼ Alla, il-​Wieħed prinċipali li permezz tiegħu Alla nnifsu tahom l-​istruzzjonijiet. (Prov. 8:30; Ġw. 1:1-​3) Dan l-​Iben intbagħat fuq l-​art bħala l-​Mulej Ġesù Kristu. Dwaru, il-​kitba ispirata tgħid: “Il-​folol baqgħu mistagħġbin bil-​mod kif għallimhom.” U dawk li semgħuh xehdu: “Qatt ma kien hawn bniedem ieħor li tkellem bħalu.” (Mt. 7:28; Ġw. 7:46) Fl-​Evanġelji, Ġesù jissemma iktar minn 40 darba bħala Għalliem, u mhux taʼ b’xejn. Hemm ħafna affarijiet li nistgħu nitgħallmu minnu dwar kif nistgħu nitħaddtu u ngħallmu.

Il-​Bibbja fiha wkoll dokumentazzjoni taʼ kif Alla Ġeħova uża rġiel u nisa minn sfondi differenti biex iwettqu r-​rieda tiegħu. Xi wħud minnhom wasslu messaġġi qosra imma qawwijin. Ħafna ma tkellmux quddiem udjenzi kbar, imma ħadu sehem lealment fl-​għoti taʼ xhieda dwar l-​Alla l-​veru u l-​iskop tiegħu. Milli jidher, ħafna ma kinux l-​aqwa kelliema, imma Alla bierek l-​isforzi tagħhom. Ilkoll nistgħu nitgħallmu minn dak li tgħidilna l-​Bibbja dwar kif wettqu l-​ministeru tagħhom.—Salm 68:11.

M’għandniex xi ngħidu, il-​Bibbja mhijiex ktieb dwar it-​taħdit fil-​pubbliku. Imma għal dawk li jaqraw bid-​dehen, din fiha informazzjoni taʼ valur li tistaʼ tgħin lil dak li jkun isir effettiv fid-​diskors u fit-​tagħlim. Il-​ktieb Ibbenefika mill-​Edukazzjoni tal-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku huwa mmirat biex jibni fuq dan il-​pedament.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja