LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 4/08 pp. 16-17
  • Għala Tissejjaħ il-Gżira l-Kbira

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għala Tissejjaħ il-Gżira l-Kbira
  • Stenbaħ!—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Lokalizzazzjoni u l-​Klima
  • Kilauea—Vulkan Attiv imma Mans
  • Varjetà t’Affarijiet X’Tistaʼ Tagħmel
  • Il-Gżira li Dehret u Sparixxiet
    Stenbaħ!—2004
Stenbaħ!—2008
g 4/08 pp. 16-17

Għala Tissejjaħ il-​Gżira l-​Kbira

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIL-​ĦAWAJJ

X’JIĠIHOM f’moħħhom in-​nies meta jaħsbu fil-​gżejjer tal-​Ħawajj? Forsi bajjiet b’ramel abjad, ilma ċar, siġar tal-​palm jitbandlu fiż-​żiffa, u ljieli sħan fuq xi veranda għad-​dawl tal-​fjakkoli li joħolqu atmosfera romantika. Żid maʼ dan xi festa Polinesjana b’abbundanza t’ananas, poi (taħlita magħmula minn pjanta tropikali msejħa taro), lomilomi salmon (insalata b’salamun mhux misjur), u ma jonqosx il-​kalua pig (majjal imsajjar fil-​weraq tal-​banana), u l-​istampa hija kważi kompleta. Xi trid iktar?

Fil-fatt, fil-​Ħawajj ħafna jgawdu iżjed minn hekk, bil-​wisq iktar minn hekk! L-​ewwelnett, il-​gżira tal-​Ħawajj tissejjaħ il-​Gżira l-​Kbira għax tistaʼ taqbad il-​gżejjer prinċipali l-​oħra tal-​Gżejjer tal-​Ħawajj—Oahu, Maui, u Kauai—u faċilment tqegħedhom kollha fuq il-​Gżira l-​Kbira! Din il-​gżira affaxxinanti tkopri iktar minn 10,432 kilometru kwadru u għadha qed tikber. Imma dwar dan nitkellmu iktar ’il quddiem.

Il-​Lokalizzazzjoni u l-​Klima

Ladarba din il-​Gżira l-​Kbira hi l-​iktar waħda li qiegħda lejn in-​nofsinhar, din għandha klima moderata. It-​temperaturi medji matul il-​ġurnata fl-​inħawi turistiċi taʼ mal-​kosta jvarjaw bejn is-​27 grad Celsius fis-​sajf (Mejju s’Ottubru) u t-​22 grad Celsius fix-​xitwa (Novembru s’April), u bil-​lejl normalment tkun bejn il-​15 u t-​18-il grad Celsius. Ġeneralment, id-​distrett taʼ Kona, fuq in-​naħa l-​iktar imkennija tal-​gżira, huwa iktar xemxi, u fl-​inħawi taʼ Hilo, fuq in-​naħa fejn jaqbel ir-​riħ, tagħmel iktar xita.

Il-klima tropikali u l-​ħamrija fertili, minħabba l-​irmied mill-​vulkan, jippermettu li tikber abbundanza taʼ frott u ħaxix. Mang, papaja, lychees, u frott eżotiku delizzjuż ieħor jikber bix-​xabaʼ, kif ukoll orkidej u anthuriums mill-​isbaħ. Is-​siġar tal-​ġewż tal-​makadamja u l-​pjanti tal-​kafè jiffjorixxu. Il-​kafè taʼ Kona huwa famuż madwar id-​dinja. Distributuri tal-​kafè minn kullimkien jiġu bi ħġarhom għall-​Festival tal-​Kafè taʼ Kona li jsir kull sena sabiex ikunu jistgħu jduquh u jordnaw minnu.

Il-Gżira l-​Kbira għandha varjetà kbira taʼ żoni bi klima differenti, inkluż foresta tax-​xita, deżert, u tundra (medda art bla siġar). Il-​foresti tax-​xita huma fuq in-​naħa tal-​lvant tal-​gżira, in-​naħa fejn l-​iktar li tagħmel xita. Ħafna għasafar eżotiċi jinstabu hemmhekk, kif ukoll siġar tal-​felċi u diversi speċi t’orkidej salvaġġi. L-​ammont taʼ xita li tinżel tvarja bejn medja taʼ 25 ċentimetru kull sena fid-​distrett Kona-Kohala u iktar minn 250 ċentimetru kull sena fl-​inħawi taʼ Hilo.

Kilauea—Vulkan Attiv imma Mans

Hemm ħames vulkani differenti fuq il-​gżira—Mauna Loa, Mauna Kea, Kilauea, Kohala, u Hualalai. L-​isem Kilauea letteralment ifisser “Żbroff Kontinwu.” Fl-​1979, il-​Kilauea reġaʼ sar attiv b’eruzzjoni spettakolari. Mill-​1983 il-​lava tikwi tiegħu nixxiet kważi b’mod kontinwu. Qerdet tliet villaġġi mal-​kosta imma ħolqot mijiet t’ettari t’art ġdida.

Meta l-​lava tasal sa l-​oċean b’ħoss qawwi u tfexfix, toħloq strixxi taʼ fwar u duħħan kif ukoll sħab u bajjiet ġodda b’ramel iswed. Ġeneralment, il-​Kilauea tistaʼ tarah mill-​viċin u mingħajr periklu.

Il-vulkan Mauna Kea, li hu rieqed u li huwa għoli 4,205 metri, huwa l-​itwal muntanja tal-​gżira, li jgħaddi kemm kemm il-​Mauna Loa, li huwa għoli 4,169 metru. Madankollu, jekk jitkejjel mill-​bażi tiegħu f’qiegħ il-​baħar, il-​Mauna Kea huwa l-​ogħla muntanja fid-​dinja, għoli iktar minn 9,000 metru minn qiegħ l-​oċean. Mill-​banda l-​oħra, il-​Mauna Loa jispikka għax huwa l-​iktar muntanja enormi fid-​dinja, b’volum taʼ 40,000 kilometru kubu.

Varjetà t’Affarijiet X’Tistaʼ Tagħmel

Matul ix-​xitwa, spiss tinżel il-​borra fuq il-​Mauna Kea, u għal din ir-​raġuni laqqmuh, il-​Muntanja l-​Bajda. Xi residenti jiskijjaw hemmhekk, għalkemm in-​niżliet kollhom ħotob jagħmel din l-​attività waħda perikoluża. Bħalissa, 13 mill-​iktar teleskopji b’saħħithom fid-​dinja, li jirrappreżentaw 11-il pajjiż differenti, jinsabu fil-​quċċata fir-​Riserva Xjentifika tal-​Mauna Kea.

Tul l-​inħawi tal-​kosta tal-​Gżira l-​Kbira hemm ħafna attivitajiet rikreattivi. Lisports fuq il-​baħar jistaʼ jitgawda s-​sena kollha minħabba li t-​temperaturi taʼ l-​arja u taʼ l-​oċean jibqgħu sħan. Il-​bajjiet ivarjaw minn bajjiet bil-​famuż ramel abjad fl-​inħawi turistiċi għal bajjiet imwarrbin, li ħafna drabi jistgħu jintlaħqu minn uħud li jmorru għal xi mixja twila jew b’vetturi li jingranaw fuq erbaʼ roti.

Il-Gżira l-​Kbira hija tabilħaqq imbierka b’diversi modi—id-​daqs, il-​lokalizzazzjoni, il-​klima, u lġeografija. Int se ssib li n-​nies t’hemm huma dħulin, juru interess, u jieħdu pjaċir juru minn qalbhom l-​ospitalità Ħawajjana.

[Mappa f’paġna 16]

(For fully formatted text, see publication)

NIIHAU

KAUAI

OAHU

ĦONOLULU

MOLOKAI

MAUI

LANAI

KAHOOLAWE

ĦAWAJJ

Hilo

Kohala

Mauna Kea

Hualalai

Mauna Loa

Kilauea

[Stampa f’paġna 17]

Mauna Kea fl-​isfond

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 17]

U.S. Geological Survey/ Photo by T.J. Takahashi

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja