Il-Gabon—Menqa għall-Annimali u l-Pjanti Salvaġġi
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIL-GABON
TISTAʼ timmaġina xtajta tropikali fejn jirgħu l-iljunfanti ħdejn il-baħar, fejn jgħumu l-ippopotami, u fejn ftit ’il barra mix-xtajta jinġemgħu l-balieni u d-dniefel? Fil-kosta Afrikana, hemm 100 kilometru taʼ xtajtiet fejn huwa komuni li tara xeni bħal dawn.
Biex dawn ix-xeni jibqgħu jitgawdew fil-futur, dawn l-inħawi uniċi tul il-kosta ovvjament jeħtieġ li jiġu preservati. B’xorti tajba, fl-4 taʼ Settembru, 2002, saru pjanijiet biex jipproteġu dawn l-inħawi li kienu taʼ prijorità meta l-president tal-Gabon ħabbar li 10 fil-mija mill-Gabon—inkluż meded t’art tul il-kosta fl-istat oriġinali tagħhom—kellhom jitwarrbu bħala parkijiet nazzjonali.
Dawn l-inħawi li huma xagħri, li jkopru madwar 30,000 kilometru kwadru—daqs il-Belġju kollu—għandhom ħafna x’joffru. “Il-Gabon għandu l-potenzjal li jsir post taʼ interess speċjali li jiġbed lejh nies minn kull parti tad-dinja li jixtiequ jaraw l-aħħar għeġubijiet li għad fadal fuq l-art,” jgħid il-President Omar Bongo Ondimba.
X’jagħmilhom daqshekk importanti dawn l-artijiet riservati? Madwar 85 fil-mija mill-Gabon għadu foresti, u sa 20 fil-mija mill-ispeċi taʼ pjanti ma jinstabu mkien ieħor fuq l-art. Barra minn hekk, il-foresti ekwatorjali tiegħu joffru kenn għall-gurilli tal-pjanuri l-baxxi, għax-ximpanzì, għall-iljunfanti tal-foresta, u għal ħafna speċi oħrajn li jinsabu mheddin. Il-parkijiet li nħolqu dan l-aħħar se jbiddlu l-Gabon f’pajjiż li joffri protezzjoni eċċezzjonali lill-bijodiversità fl-Afrika.
Loango—Xtajta li M’Hawnx Bħalha
Il-Park Nazzjonali taʼ Loango huwa wieħed mill-iktar destinazzjonijiet eċċezzjonali fl-Afrika fejn wieħed jistaʼ jara annimali u pjanti salvaġġi. Dan jipproteġi kilometri sħaħ taʼ xtut fl-istat oriġinali tagħhom qrib laguni taʼ ilma ħelu u foresti ekwatorjali densi. Imma dak li jagħmel ix-xtajtiet taʼ Loango uniċi huma l-annimali li jippassiġġaw fuq ir-ramel—l-ippopotami, l-iljunfanti tal-foresta, il-bufli, il-leopardi, u l-gurilli.
Din ix-xtajta għala tiġbed lejha dawn l-annimali tal-foresta? Mat-truf tax-xtajtiet bojod bir-ramel taʼ Loango hemm mergħat fejn jirgħu l-ippopotami u l-bufli. Is-siġar tal-palm magħrufin bħala Palmira Afrikana, li jikbru tul ix-xtajta, jipproduċu frott bl-abbundanza li l-iljunfanti tal-foresta jħobbuh kważi kważi daqskemm it-tfal iħobbu l-ġelat. Imma l-iktar importanti minnhom kollha hi s-solitudni. L-uniċi marki tas-saqajn fuq ir-ramel huma dawk taʼ l-annimali.
In-nuqqas taʼ ndħil mill-bniedem jinkuraġġixxi lill-fkieren is-suwed, li huma speċi fil-periklu t’estinzjoni, biex jagħżlu dawn ix-xtajtiet ħalli jbidu fihom. Il-qerd in-naħal (rosy bee-eater) għandu gosti simili biex ibejjet. Dawn l-għasafar li jgħixu f’qatgħat iħaffru l-bejtiet tagħhom fir-ramel ftit metri ’l fuq mill-ogħla livell tal-baħar. Matul ix-xhur tas-sajf, iktar minn elf baliena (humpback whale) jinġemgħu fl-ilmijiet taʼ Loango biex jitgħammru mingħajr ebda tfixkil.
Żewġ laguni enormi jisseparaw ix-xtajtiet taʼ Loango mill-foresta ekwatorjali, u jipprovdu ambjent naturali ideali għall-kukkudrilli u l-ippopotami. Dawn l-ibħra mdawrin bl-art, li x-xtut tagħhom huma mdawrin b’foresti tal-mangrovji (siġar tropikali), huma miżgħudin bil-ħut. L-ajkli msejħin fish eagles taʼ l-Afrika u l-arpi jittajru fuq l-ilmijiet miftuħin tal-laguni, waqt li diversi speċi t’alċjuni (kingfishers) kuluriti jfittxu l-ħut fl-ilmijiet baxxi. L-iljunfanti, li jħobbu l-ilma, jgħumu min-naħa għall-oħra tal-laguni biex jaslu sax-xtajta u jieklu ammont kbir mill-frott favorit tagħhom.
Fil-foresta ekwatorjali, ix-xadini jaqbżu minn fergħa għall-oħra fuq il-qċaċet tas-siġar, waqt li l-friefet kuluriti jittajru ħelu ħelu fix-xemx madwar spazji bla siġar. Il-friefet il-lejl li jieklu l-frott jorqdu fis-siġar favoriti tagħhom matul il-jum, imbagħad, matul il-lejl, jagħmlu x-xogħol vitali tagħhom biex ixerrdu ż-żerriegħa mal-foresta kollha. Fi truf il-foresta, l-għasafar żgħar u kuluriti (sunbirds) jixorbu bil-mod il-mod in-nektar mill-fjuri li joħorġu fis-siġar kbar u żgħar. Mhux taʼ b’xejn li Loango bix-xieraq ġiet deskritta bħala “post fejn tistaʼ tesperjenza xi tfisser verament l-Afrika ekwatorjali fl-aqwa tagħha.”
Lopé—Post Fejn Għad Hemm il-Gurilli
Il-Park Nazzjonali taʼ Lopé jinkludi partijiet kbar ħafna taʼ foresti tropikali li ma tħassrux mill-bniedem, flimkien maʼ roqgħa savanna u foresta tul l-ilmijiet fit-tramuntana tal-park. Dan hu post ideali għal dawk li jħobbu n-natura u li jixtiequ josservaw il-gurilli, ix-ximpanżì, jew il-mandrilli fl-istat naturali tagħhom. Hemm bejn 3,000 u 5,000 gurilla jiġru fl-inħawi protetti li huma kbar 5,000 kilometru kwadru.
Augustin, li qabel kien uffiċjal tal-park, jiftakar każ uniku meta fl-2002 ġie wiċċ imbwiċċ mal-gurilli. “Waqt li kont miexi fil-foresta, iltqajt maʼ familja t’erbaʼ gurilli,” hu jiftakar. “Ir-raġel, adult u kbir ħafna bis-suf griż fuq dahru (silverback) u li kellu madwar 35 sena, ħariġli quddiemi. Naħseb kien jiżen minn taʼ l-inqas tliet darbiet iktar minni. Jien segwejt il-proċedura li ssuġġerewli u fil-pront qgħadt bil-qiegħda, baxxejt rasi, u ħarist lejn l-art bħala sinjal taʼ sottomissjoni. Il-gurilla ġie u qagħad bil-qiegħda ħdejja u poġġa idu fuq spallti. Imbagħad qabadli idi, fetaħha, u eżaminali l-pala taʼ idi. Meta kien sodisfatt li ma kontx taʼ theddida għall-familja tiegħu telaq bil-kwiet lejn il-ġungla. F’dak il-jum, li nibqaʼ niftakru, skoprejt kemm hu affaxxinanti li tiġi f’kuntatt maʼ l-annimali fl-ambjent naturali tagħhom. Għalkemm in-nies joqtlu l-gurilli biex jikluhom jew għaliex jaħsbu b’mod żbaljat li huma perikolużi, dawn huma annimali paċifiċi li jistħoqqilhom il-protezzjoni tagħna.”
F’Lopé, il-mandrilli, babuni kbar ħafna, jinġemgħu fi gruppi kbar li kultant ikunu jgħoddu iktar minn elf annimal. Din il-ġemgħa taʼ xadini hi waħda mill-akbar fid-dinja, u ċertament li hija storbjuża. Viżitatur mill-Kamerun jiddeskrivi l-esperjenza tiegħu maʼ wieħed minn dawn il-gruppi kbar.
“Il-gwida li kellna induna fejn kienu l-mandrilli, grazzi għall-apparat li jittrasmetti sinjali bir-radju li dawn kellhom imwaħħal mal-kullar tagħhom li kien jitlibbes lill-annimali. Imxejna qabel il-grupp taʼ mandrilli, u bnejna bħal moħba biex ma nidhrux u stennejniehom jaslu. Domna 20 minuta nisimgħu l-ħsejjes sbieħ tal-foresta li kienu qed jagħmlu qatgħa għasafar u insetti. Dik it-trankwillità li kien hemm intemmet ħesrem hekk kif beda joqrob il-grupp tal-mandrilli. Bil-ħoss tal-friegħi iċaqċqu u l-għajjat li kien hemm stħajjilt li ġejja xi maltempata kbira. Imma x’ħin ilmaħt [il-mexxejja tal-mandrilli], dawn kienu iktar qishom is-suldati li jintbagħtu qabel l-armata. L-irġiel il-kbar kienu fuq quddiem, mexjin b’pass ħafif fuq l-art tal-foresta, waqt li n-nisa u ż-żgħar bdew jaqbżu minn fergħa għall-oħra fuq is-siġar. F’daqqa waħda, wieħed mill-irġiel il-kbar waqaf ħesrem u ta ħarsa suspettuża madwaru. Wieħed mill-mandrilli ż-żgħar li kien qed jaqbeż fuq il-qċaċet tas-siġar rana u ta t-twissija. Il-grupp kollu ħaffef il-pass tiegħu, u l-ħoss beda jiżdied iktar minħabba l-fatt li bdew jgħajtu għax kienu rrabjati. Fi ftit mumenti, għosfru. Il-gwida li kelli qal li madwar 400 mandrill għaddew minn ħdejna.”
Ix-ximpanżì jagħmlu ħsejjes daqs il-mandrilli u hu iktar diffiċli li tarahom hekk kif jibdew għaddejjin bil-ħeffa min-naħa għall-oħra tal-foresta fit-tfittxija kontinwa tagħhom għall-ikel. Mill-banda l-oħra, il-viżitaturi dejjem jaraw ix-xadini magħrufin bħala putty-nosed, jaqbżu tul is-savanna taʼ madwar il-foresta. Forsi l-iktar xadina li tgħix maqtugħa għaliha f’Lopé hi s-sun-tailed monkey, speċi li teżisti biss f’dan il-post u li ġiet skoperta biss madwar 20 sena ilu.
L-għasafar kbar u kuluriti tal-foresta—bħalma huma t-turako u l-buċeru—tinduna li jkunu hemm mill-għajjat qawwi tagħhom. Ġew reġistrati madwar 400 speċi t’għasafar ġewwa l-park, u dan jagħmlu post taʼ interess speċjali għal dawk li jħobbu jistudjaw l-għasafar.
Menqa taʼ Bijodiversità
Loango u Lopé huma biss tnejn mit-13-il park nazzjonali li hemm fil-Gabon. Parkijiet oħrajn jippreservaw foresti tal-mangrovji, jipproteġu l-flora unika, u jħarsu l-inħawi taʼ l-għasafar tal-passa. “Il-Gabon għamel disponibbli l-aqwa ekosistemi li jinsabu fil-pajjiż kollu,” jispjega Lee White mil-Wildlife Conservation Society (Soċjetà għall-Ħarsien taʼ l-Annimali u l-Pjanti Salvaġġi). “Dak li jgħodd m’huwiex biss kemm huma kbar l-inħawi preservati imma l-kwalità tagħhom. Fl-2002, mil-lejl għan-nhar ħolqu sistema mill-aqwa taʼ park nazzjonali, waħda li tiġbed lejha l-bijodiversità kollha tal-pajjiż.”
M’għandniex xi ngħidu, jibqaʼ ħafna sfidi, bħalma jammetti bil-miftuħ il-President Bongo Ondimba. “Qed nitkellmu dwar operazzjoni madwar id-dinja,” hu jgħid, “li bla dubju taʼ xejn se tinvolvi sagrifiċċji sew għal żmien twil u sew għal żmien qasir u li se jgħinuna nwettqu l-ambizzjoni tagħna li nħallu dawn l-għeġubijiet tan-natura lill-ġenerazzjonijiet taʼ warajna.”
[Mappa f’paġna 25]
(For fully formatted text, see publication)
AFRIKA
GABON
It-13-il park tal-Gabon
Il-Park Nazzjonali taʼ Lopé
Il-Park Nazzjonali taʼ Loango
[Stampi f’paġna 24, 25]
Il-“humpback whale” u ritratt mill-ajru taʼ Loango
[Credit Line]
Baliena: Wildlife Conservation Society
[Stampi f’paġna 24, 25]
Mandrill (xellug) u gurilla (lemin)
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 23]
Robert J. Ross