LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 1/08 pp. 22-25
  • Xi Ħaġa Aħjar mill-“Mewġ Ideali”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Xi Ħaġa Aħjar mill-“Mewġ Ideali”
  • Stenbaħ!—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Konxji taʼ Bżonn Spiritwali
  • “Għandek Xi Mistoqsijiet Bibliċi?”
  • Il-​Bibbja l-​Ħadra
  • Determinati li Naqdu lil Ġeħova
  • Naqdu fil-​Betel taʼ Brooklyn
  • Naqdu f’Pajjiżi Oħrajn
  • Inżommu l-​Prijoritajiet Tagħna
  • Stedina Miftuħa Għal Kulħadd!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Tistaʼ Tagħmel Lilek Innifsek Disponibbli?
    Il-Ministeru tas-Saltna—2001
Stenbaħ!—2008
g 1/08 pp. 22-25

Xi Ħaġa Aħjar mill-​“Mewġ Ideali”

KIF RAKKONTATA MINN KARL HEINZ SCHWOERER

Twilidt fl-​1952 f’Pittsburgh, Pennsylvania, l-​Istati Uniti, iżda trabbejt fi New Smyrna Beach, Florida. Bħala adoloxxenti, żviluppajt namra qawwija għas-​serfing. Fil-​fatt, sar l-​iktar ħaġa importanti f’ħajti.

FL-​1970 dħalt l-​Università Ajrunawtika taʼ Embry-Riddle f’Daytona Beach, Florida, bl-​iskop li nsir pilota kummerċjali. Madankollu, bdejt iktar u iktar niddiżappunta ruħi bil-​gvern li dak iż-​żmien kien qed jippjana dik li fl-​opinjoni tiegħi kienet gwerra inġusta fil-​Vjetnam. Diżgustat bil-​mod kif kienu sejrin l-​affarijiet, bħal żgħażagħ oħrajn dak iż-​żmien, jien tlaqt mill-​iskola u bdejt ngħix ħajti bħala ħìpi. Tawwalt xagħri u bdejt nieħu d-​drogi.

Ftit wara ltqajt maʼ Susan, tfajla avventuruża li kellha talent kbir fil-​pittura u fil-​fotografija. Ikkalkulajt li billi nżommu ħajjitna sempliċi, jien stajt naħdem fil-​qasam tal-​bini minn sitt xhur sa tmien xhur fi Florida u stajna nqattgħu l-​bqija tas-​sena nikkampjaw fuq il-​bajjiet mal-​Kosta tal-​Paċifiku fil-​Messiku u fl-​Amerika Ċentrali.

Konxji taʼ Bżonn Spiritwali

Il-​ħajja bla ħsibijiet taʼ xejn fuq bajjiet tropikali mill-​isbaħ—b’Sue tpitter u tieħu r-​ritratti u jien nisserfja—żgur li kienet ħajja tassew pjaċevoli. Iżda wara ftit snin, aħna bdejna nirrealizzaw li ħajjitna ma kinitx sodisfaċenti. Donnha xi ħaġa kienet nieqsa. Għalhekk, f’nofs is-​sena 1975, waqt li konna qed ngħixu mal-​Kosta tal-​Paċifiku f’Kosta Rika, jien bdejt infittex tidwil spiritwali. Kont naqra kotba dwar ir-​reliġjonijiet u l-​filosofiji tal-​Lvant, li dak iż-​żmien kienu popolari.

Minħabba li l-​kotba li kont naqra spiss kienu jikkwotaw il-​Bibbja bħala prova li t-​tagħlim tagħhom huwa ġenwin, jien irraġunajt li l-​Bibbja kellha tkun il-​bażi tal-​verità. Għalhekk, partatt xi faqqiegħ li jikkaġuna l-​alluċinazzjonijiet maʼ Bibbja antika tal-​King James Version. Kuljum wara nofsinhar, wara li nkun qattajt fil-​għodu kollu nisserfja, kont inpoġġi bil-​qiegħda u naqra l-​Bibbja. Madankollu, minkejja l-​entużjażmu kbir tiegħi għall-​Bibbja, il-​fehma tiegħi dwarha kienet limitata.

“Għandek Xi Mistoqsijiet Bibliċi?”

Fi triqitna mill-​Kosta Rika lejn l-​Istati Uniti f’Awissu taʼ l-​1975, jien u Sue waqafna nixtru xi mediċini minn spiżerija f’El Salvador. Peress li konna qed insibuha diffiċli biex nikkomunikaw maʼ l-​ispiżjar, klijenta jisimha Jenny offriet li tgħinna. Din kienet tfajla Amerikana taʼ 16-il sena li kienet titkellem bl-​Ispanjol b’mod fluwenti. Hi qalet li hi u l-​ġenituri tagħha kienu Xhieda taʼ Ġeħova u li kienu marru joqogħdu f’El Salvador biex jgħallmu lin-​nies dwar il-​Bibbja.

Jenny staqsietni, “Għandek xi mistoqsijiet Bibliċi?”

“Iva, għandi!” wiġibt jien. Minkejja d-​dehra tagħna taʼ ħìpis, Jenny mill-​ewwel stidnitna mmorru għandha biex niltaqgħu mal-​ġenituri tagħha, Joe u Nancy Trembley. Aħna aċċettajna l-​istedina tagħha. Qattajna l-​wara nofsinhar kollu nistaqsu mistoqsijiet Bibliċi u konna impressjonati ferm bil-​mod li Joe u Nancy wieġbu l-​mistoqsijiet tagħna. Huma kull darba qalulna, “Sibu din l-​iskrittura fil-​Bibbja tagħkom u aqrawha.”

Malajr sar tard fil-​għaxija, u għalhekk huma stidnuna biex inqattgħu l-​lejl għandhom. Madankollu, huma ma ħallewx lili u lil Sue norqdu fl-​istess kamra tas-​sodda, peress li ma konniex miżżewġin. Matul il-​lejl, Sue u Jenny baqgħu mqajmin għal sigħat sħaħ jiddiskutu ħafna suġġetti mill-​Bibbja—minn Adam s’Armageddon.

Il-​Bibbja l-​Ħadra

L-​għada, qabel ma ħallejna l-​belt, Joe u Nancy tawna ħafna kopji tar-​rivisti t-​Torri taʼ l-​Għassa u Stenbaħ!, xi kotba, u Bibbja. Il-​Bibbja kienet in-​New World Translation of the Holy Scriptures, li dak iż-​żmien kienet toħroġ bil-​qoxra iebsa u b’kulur aħdar. Ukoll, Joe ħadna naraw is-​Sala tas-​Saltna. Din kienet bini sempliċi u modest fejn ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jiltaqgħu biex jistudjaw il-​Bibbja. ‘X’kuntrast,’ jien ħsibt, ‘mal-​knejjes bombastiċi tal-​Kristjaneżmu, fejn in-​nies jitgħallmu tassew ftit dwar il-​Bibbja!’

Iktar tard dakinhar, meta waqafna fil-​post fejn jiċċekkjawna qabel naqsmu l-​fruntiera għall-​Gwatemala, il-​Bibbja l-​ħadra kkaġunat konfużjoni sħiħa fost l-​uffiċjali. Huma tħawdu għax għarfuha li kienet waħda li ġeneralment tintuża mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Madankollu, aħna żgur li ma kellniex ix-​xeħta taʼ Xhieda. Minkejja d-​dehra tagħna, l-​uffiċjali ħallewna nitilqu wara ftit minuti. Dan ikkonfondiena għax normalment huma kienu jfittxulna fil-​karozza u fl-​affarijiet tagħna għad-​drogi jew għal oġġetti taʼ kuntrabandu. Għalhekk, bdejna nqisu l-​Bibbja l-​ħadra bħala amulet, jew oġġett taʼ fortuna.

Hekk kif komplejna naqraw il-​Bibbja u l-​għajnuniet għall-​istudju tal-​Bibbja, aħna kkonvinċejna ruħna li konna sibna l-​verità dwar Alla. Hekk kif konna qed insuqu fil-​Messiku, jien kont qed inħares ’il quddiem lejn il-​ġimagħtejn li kont se nqattaʼ nisserfja fi Puerto Escondido—il-​post favorit tiegħi għas-​serfing. Wara li gawdejt dan “il-​mewġ ideali,” jien kont determinat li mmur lura Florida u nsir wieħed mill-​qaddejja taʼ Ġeħova.

Jien qattajt il-​ġimagħtejn taʼ wara nisserfja kull fil-​għodu. Wara nofsinhar kont noqgħod fuq il-​bajja, naqra l-​Bibbja flimkien maʼ l-​għajnuniet għall-​istudju tal-​Bibbja. Il-​Bibbja l-​ħadra ġibdet l-​attenzjoni taʼ tifla taʼ tmien snin li insistiet li tiħodna xi mkien fil-​għaxija. Ma stajniex nifhmu fejn riedet tiħodna, iżda fhimna li dak li riedet kellu x’jaqsam mal-​Bibbja l-​ħadra. Aħna rrifjutajna, iżda hi baqgħet tistidinna. Fl-​aħħar, wara xi ftit ġranet iddeċidejna li mmorru magħha. Hi ħaditna s-​Sala tas-​Saltna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova, struttura żgħira magħmula mill-​bambù u b’saqaf tat-​tiben. Ilkoll laqgħuna f’dan il-​post billi ħadulna b’idejna u għannquna daqslikieku konna ħbieb antiki.

Bqajna impressjonati bl-​imġiba taʼ rispett taʼ dawk kollha li attendew. Xi tfal qagħdu jiċċassaw lejna matul il-​laqgħa, forsi minħabba li qatt ma kienu raw nies b’xagħarhom daqshekk twil u bjond. Il-​ġenituri tagħhom kellhom ifakkruhom il-​ħin kollu biex joqogħdu attenti matul il-​laqgħa. Madankollu, Ġeħova kien uża persuna ċkejkna bħalhom sabiex nattendu l-​ewwel laqgħa tagħna.

Determinati li Naqdu lil Ġeħova

Wara ġimagħtejn taʼ mewġ ideali, jien begħt il-​bords tiegħi, u aħna soqna direttament lejn Florida. Hemmhekk bdejna nistudjaw il-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova u nattendu l-​laqgħat kollha tal-​kongregazzjoni. Determinati li naqdu lil Ġeħova, aħna ma bqajniex ngħixu flimkien u qtajna s-​sħubija mill-​qrib mal-​ħbieb li kellna qabel. Jien qaxxart id-​daqna u qtajt xagħri, u Sue xtrat ftit ilbiesi. Erbaʼ xhur wara żżewwiġna, u f’April taʼ l-​1976 tgħammidna bħala simbolu tad-​dedikazzjoni tagħna biex naqdu lil Alla.

Issa ħajjitna kellha skop. Grati lejn Ġeħova għall-​barkiet kollha tagħna, aħna konna ħerqanin biex nerġgħu lura lejn pajjiż fejn jiġi mitkellem l-​Ispanjol sabiex nippridkaw l-​aħbar tajba dwar is-​Saltna t’Alla. Iżda l-​anzjani Kristjani fil-​kongregazzjoni tagħna tawna l-​parir: “Tmorrux għalissa. L-​ewwel, inbnew spiritwalment sabiex tkunu t’għajnuna fil-​post fejn tmorru.” Aħna aċċettajna l-​parir tagħhom, u minn dakinhar ’l hemm il-​mira tagħna kienet li nsiru pijunieri, bħalma huma msejħin il-​ministri full-time mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

Sue bdiet taqdi bħala pijuniera f’Jannar taʼ l-​1978. Jien ukoll ridt naqdi bħala pijunier, iżda kien għad kelli dejn kbir xi nħallas minħabba l-​miżati taʼ l-​edukazzjoni fl-​università. Ħriġt b’soluzzjoni sempliċi. Ġieni f’moħħi li niddikjara ruħi fallut, u b’hekk kont inkun ħieles li naqdi bħala pijunier.

Madankollu, l-​anzjani b’mod għaqli ssuġġerewli biex ma nagħmilx hekk, billi spjegaw li dan ma jkunx fi qbil mal-​prinċipji Bibliċi, li jeħtieġu li aħna nkunu ‘onesti f’kollox.’ (Ebrej 13:18) Għalhekk, komplejt naħdem biex inħallas id-​djun li kelli. Fl-​aħħar, f’Settembru taʼ l-​1979, ilħaqt il-​mira tiegħi li ningħaqad maʼ Sue fix-​xogħol taʼ pijunier. Wara dan, billi żammejna ħajjitna sempliċi, kelli naħdem biss ftit ġranet fil-​ġimgħa sabiex setaʼ jkollna l-​bżonnijiet tal-​ħajja.

Naqdu fil-​Betel taʼ Brooklyn

F’April taʼ l-​1980, wara inqas minn sena naqdu bħala pijunieri flimkien, aħna rċivejna sorpriża kbira. Iktar kmieni, bi tweġiba għal sejħa għal ħaddiema fil-​bini, aħna konna tfajna l-​applikazzjonijiet biex naqdu f’Betel, il-​kwartieri ġenerali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fi Brooklyn, New York. Imbagħad irċivejna stedina biex immorru hemm fi żmien 30 ġurnata! Konna ferħanin iżda xi ftit imdejqin ukoll minħabba li tant konna qed nieħdu pjaċir fix-​xogħol tagħna bħala pijunieri. Inċerti dwar x’konna se nagħmlu, aħna ddiskutejna l-​kwistjoni maʼ żewġ anzjani, li għenuna naraw li konna ġejna offruti privileġġ kbir. Huma tawna l-​parir, “Morru, ipprovaw aqdu f’Betel għal sena.” Għalhekk, begħna kulma kellna u rħejnielha lejn Brooklyn.

Wara li ħdimna fix-​xogħol tal-​bini għal sentejn, jien ġejt mistieden naħdem fl-​Uffiċċju taʼ l-​Inġinerija tal-​Kostruzzjoni, fejn ġejt imħarreġ fid-​disinn taʼ l-​istrutturi. Sue ħadmet fid-​Dipartiment taʼ l-​Illegar għal sena, u mbagħad ġiet mistiedna biex taħdem fid-​Dipartiment tal-​Grafika. Kull sena, fl-​anniversarju tat-​tieġ tagħna, konna nirriflettu fuq is-​sena li tkun għaddiet u nqisu ċ-​ċirkustanzi u x-​xewqat tagħna u konna niddeċiedu li nkomplu naqdu f’Betel.

Matul is-​snin, aħna għamilna ħbieb intimi mill-​aqwa. Iktar minn hekk, peress li Betel ippermettitilna li naqdu lil Ġeħova u lill-​fratellanza tagħna madwar id-​dinja b’mod sinifikanti ferm, aħna bqajna determinati li nibqgħu hemm. Fl-​1989 bdejna nistudjaw l-​Ispanjol, li ppermettielna niġu assenjati f’kongregazzjoni taʼ l-​Ispanjol fi Brooklyn. B’riżultat taʼ dan, aħna kellna l-​opportunità li naqdu f’żewġ oqsma t’attivitajiet—f’Betel u f’kongregazzjoni tal-​lingwa barranija.

F’okkażjoni minnhom Jenny, li semmejna qabel, ġiet iżżurna fil-​Betel taʼ Brooklyn, u kien interessanti li nisimgħu l-​verżjoni tagħha taʼ l-​istorja dwar dakinhar li ltqajna f’El Salvador. Hi kienet qiegħda fuq studju tal-​Bibbja u bdiet tħossha ma tiflaħx. Fi triqitha lura d-​dar, hi ddeċidiet li tieqaf tixtri xi mediċina. Għal xi raġuni hi ma marritx fl-​ispiżerija fejn kienet tmur is-​soltu iżda fl-​ispiżerija fejn konna aħna.

Naqdu f’Pajjiżi Oħrajn

Ġurnata minnhom, fl-​1999, l-​indokratur tiegħi f’Betel ħasadni bil-​mistoqsija, “Taħseb li taċċetta kieku kellek tmur il-​fergħa taʼ l-​Awstralja u taħdem fuq proġett fl-​Uffiċċju taʼ l-​Inġinerija Reġjonali għal tliet xhur?”

“Iva,” wiġibt jien bla tlaqliq. Ma domniex ma konna fi triqitna lejn l-​Awstralja, fejn qdejna għal tliet snin. Kien taʼ pjaċir li ngħin fid-​disinn tal-​faċilitajiet tal-​fergħa taʼ diversi pajjiżi fl-​Orjent u fin-​nofsinhar tal-​Paċifiku. Meta morna lura Brooklyn fl-​2003, kien hemm sorpriża oħra tistenniena. Ġejna mistidnin naqdu f’inkarigu ieħor f’pajjiż barrani—fl-​Uffiċċju Reġjonali għas-​Swali tas-​Saltna li jinsab fil-​fergħa tal-​Brażil, ftit ’il bogħod mill-​belt kbira taʼ São Paulo.

Għadna f’dan il-​post sa llum. L-​uffiċċju jindokra l-​bini tas-​Swali tas-​Saltna fil-​maġġuranza tal-​pajjiżi fl-​Amerika t’Isfel. L-​inkarigu tiegħi jinkludi l-​ivvjaġġar biex ngħin f’xogħol taʼ bini bħal dan u biex ninkuraġġixxi lil dawk li jaħdmu fuq il-​bosta proġetti—u Sue tistaʼ takkumpanjani.

Inżommu l-​Prijoritajiet Tagħna

Irrid ngħid li xorta għadni nieħu pjaċir nisserfja, iżda jien sibt xi ħaġa aħjar mill-​“mewġ ideali.” Għalhekk, jien żammejt is-​serfing fil-​post xieraq tiegħu, bħala forma taʼ rikreazzjoni. Bl-​appoġġ kollu mħabba taʼ marti Sue, jien ikkonċentrajt fuq xi ħaġa iktar importanti, li naqdi lill-​Alla tagħna taʼ mħabba, Ġeħova.

Dak li hu l-​iktar importanti għalina issa huwa li nużaw ħajjitna u l-​kapaċitajiet tagħna biex navanzaw l-​interessi tas-​Saltna u navanzaw il-​qima pura t’Alla Ġeħova. Aħna tgħallimna li l-​iktar ħaġa importanti m’hijiex fejn naqdu lil Ġeħova iżda li naqduh b’ruħna kollha, ninsabu fejn ninsabu.—Kolossin 3:23.

[Kumment f’paġna 25]

“Xorta għadni nieħu pjaċir nisserfja, iżda sibt xi ħaġa aħjar mill-​‘mewġ ideali’”

[Stampa f’paġna 22, 23]

Ritratt tiegħi nisserfja, li ntuża f’“poster” taʼ Festival tas-​Serfing fis-​Sajf

[Stampa f’paġna 23]

Meta kelli 13-il sena ➤

[Stampa f’paġna 23]

Sibt li l-​ħajja tiegħi bħala ħìpi ma kinitx sodisfaċenti

[Stampi f’paġna 25]

Fuq: Ngħin fil-​bini tas-​Swali tas-​Saltna

Lemin: Maʼ Sue llum

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja