LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 4/06 pp. 4-7
  • Għala l-Imħabba Vera Hija Diffiċli biex Tinstab

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għala l-Imħabba Vera Hija Diffiċli biex Tinstab
  • Stenbaħ!—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Imħabba Se “Tibred”
  • Imħabba tal-​Ħolm jew Imħabba Vera?
  • L-​Imħabba taʼ l-​Istejjer Kontra l-​Imħabba Vera
  • Issaħħaħ Permezz taʼ l-Imħabba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • “L-Akbar Minn Dawn hi l-Imħabba”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Tħallix imħabbtek tibred
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Kif Tiżviluppa Mħabba Ġenwina
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2006
g 4/06 pp. 4-7

Għala l-​Imħabba Vera Hija Diffiċli biex Tinstab

Hemm ħafna pariri dwar l-​imħabba romantika. It-​terapisti u dawk li jagħtu l-​pariri joffru gwida. Dibattiti fuq it-​televixin spiss jikkunsidraw dan is-​suġġett.

FUQ l-​Internet, ħafna Web sites isostnu li joffru istruzzjoni dwar kif issib l-​imħabba. Għandu mnejn intqallek li se tiskopri “sigrieti taʼ l-​għaġeb u inkredibbli” u li se titgħallem minn uħud li huma “professjonisti f’li jlaqqgħu l-​koppji,” minn uħud li huma “esperti fir-​relazzjonijiet,” u minn “tobba taʼ l-​imħabba,” biex ma nsemmux il-​psikoterapisti, il-​psikoloġi, u l-​astroloġi.

Is-suġġett taʼ l-​imħabba jġiegħel lil ħafna nies jixtru kotba u rivisti, li xi wħud minnhom iwiegħdu riżultati esaġerati. Per eżempju, wieħed ktieb isostni li se jurik “kif tagħmel lil xi ħadd isir iħobbok.” Ktieb ieħor joffri li jurik kif issib “is-​sieħeb perfett f’xahar wieħed biss.” Huwa xahar żmien twil wisq? Mela hemm ktieb ieħor li jsostni li juri kif “f’90 minuta jew inqas,” tistaʼ tagħmel lil xi ħadd iħobbok għal dejjem.

Biss hemm prezz xi tħallas għal ħafna minn dawn il-​pariri. U ħafna nies iħallsu prezz doppju. L-​ewwel iħallsu l-​flus biex jieħdu l-​parir. Imbagħad meta l-​gwida li jingħataw ma taħdimx, bħalma jiġri ħafna drabi, huma jħallsu emozzjonalment meta l-​affarijiet ma jmorrux kif ikunu stennew.

Madankollu, hemm sors wieħed li l-​pariri tiegħu qatt ma jfallu. Iktar minn hekk, jiddiskuti dan is-​suġġett bil-​verità kollha, mingħajr ma jagħmel stqarrijiet sensazzjonali u wegħdi li m’humiex realistiċi. Għalkemm inkiteb ħafna żmien ilu, il-​pariri li fih qatt m’huma antikwati. L-​għerf u l-​imħabba taʼ l-​Awtur taʼ dan is-​sors ma jistgħu jitqabblu maʼ xejn. Forsi diġà għandek kopja taʼ dan ir-​rigal prezzjuż—il-​Bibbja Mqaddsa. Huma x’inhuma ċ-​ċirkustanzi tagħna jew l-​isfondi differenti li trabbejna fihom, il-​Bibbja tgħallimna dak kollu li rridu nkunu nafu dwar l-​imħabba. U l-​pariri tagħha huma b’xejn.

Se tgħinna l-​Bibbja biex ikollna relazzjoni tajba maʼ kulħadd? Le. Xi wħud m’humiex se jinġibdu lejna, nipprovaw kemm nipprovaw. U l-​imħabba ġenwina ma tistax tisforzaha. (Għanja taʼ l-​Għanjiet 8:4) Madankollu, billi napplikaw il-​gwida li tagħti l-​Bibbja, aħna se nżidu l-​opportunitajiet biex nikkultivaw relazzjonijiet kollhom imħabba m’oħrajn, anki jekk dan jieħu ż-​żmien u jirrikjedi sforz. Dan l-​aspett taʼ l-​imħabba se jiġi diskuss fl-​artiklu li jmiss, imma l-​ewwel, ikkunsidra għala l-​imħabba vera saret iktar diffiċli biex issibha llum il-​ġurnata.

L-​Imħabba Se “Tibred”

Fil-​profezija mill-​aqwa tiegħu dwar “tmiem is-​sistema,” Ġesù bassar b’eżattezza l-​kundizzjonijiet u x-​xejriet taʼ żmienna. Hu qal li d-​dinja kellha tkun karatterizzata minn nuqqas taʼ liġi u gwerer—l-​oppost taʼ l-​imħabba! Hu qal ukoll li “ħafna . . . jittradixxu lil xulxin” u li se “tibred l-​imħabba tal-​biċċa l-​kbira min-​nies.” (Mattew 24:​3-12) Ma taqbilx int li d-​dinja saret iktar bierda u li l-​imħabba ġenwina hija nieqsa, anki fil-​familji?

Fi qbil mal-​kliem taʼ Ġesù, l-​appostlu Pawlu ta deskrizzjoni tal-​kundizzjonijiet socjali taʼ l-​“aħħar jiem.” Hu kiteb li n-​nies se jkunu “jħobbu lilhom infushom, iħobbu l-​flus, minfuħin bihom infushom, suppervi, midgħija, diżubbidjenti lejn il-​ġenituri, ingrati, żleali, mingħajr imħabba naturali, ma jkunux iridu jiftiehmu, kalunnjaturi, mingħajr rażna, feroċi, mingħajr imħabba għat-​tajjeb, tradituri, rashom iebsa, imkabbrin, iħobbu l-​pjaċiri minflok ma jħobbu lil Alla.” (2 Timotju 3:​1-4) F’ħafna pajjiżi dawn il-​karatteristiki saru komuni ħafna.

Aħseb ftit: Tinġibed int lejn uħud li huma kburin u ingrati, nies li m’humiex leali, u li jaqilgħu qlajjiet fuqek u jittraduk? Tinġibed int lejn uħud li jħobbu ħafna lilhom infushom, il-​flus, u l-​pjaċiri? Minħabba li nies egoisti jħallu r-​regħba u x-​xewqat persunali tagħhom jikkaratterizzaw u jinfluwenzaw ir-​relazzjonijiet tagħhom, kwalunkwe interess li huma juru f’ħaddieħor wisq probabbli jkun għal skop egoistiku. B’mod għaqli l-​Iskrittura tagħti dan il-​parir: “Nies bħal dawn aħrabhom.”—2 Timotju 3:5.

Innota wkoll l-​istqarrija dwar li n-​nies li se jkunu qed jgħixu fl-​aħħar jiem mhux se jkollhom “imħabba naturali,” jew li, kif tpoġġiha traduzzjoni minnhom, “m’għandhomx l-​affezzjoni li normalment tintwera fil-​familja.” B’sogħba, għadd li qed jiżdied taʼ tfal qed jikbru ġo familji bħal dawn. Spiss, dak li jitgħallmu dawn it-​tfal dwar l-​imħabba ġeneralment jitgħallmuh mill-​mezzi tax-​xandir. Imma jpinġu l-​mezzi tax-​xandir stampa ċara taʼ l-​imħabba, waħda li tipproduċi relazzjonijiet aħjar?

Imħabba tal-​Ħolm jew Imħabba Vera?

Sa ċertu punt ilkoll kemm aħna niġu effettwati mill-​mezzi tax-​xandir. Waħda riċerkatriċi kitbet: “Minn meta nkunu żgħar ħafna, aħna niġu bombardjati bi stejjer tipiċi li huma diffiċli biex tneħħihom minn moħħok dwar is-​sess, l-​imħabba, u r-​romantiċiżmu li huma popolari fil-​kultura—fil-​films u t-​televixin, fil-​kotba u r-​rivisti, fuq ir-​radju u fil-​mużika, fir-​reklami, u saħansitra fl-​aħbarijiet.” Hi qalet ukoll: “Ħafna drabi, il-​mod kif il-​mezzi tax-​xandir ipinġu s-​sess, l-​imħabba, u r-​romantiċiżmu jinfluwenza jew ikompli jsaħħaħ l-​istennijiet mhux realistiċi li ħafna minna ma nistgħux inneħħu minn quddiem għajnejna kompletament. Dan ma jħalliniex inkunu sodisfatti la bis-​sieħeb [jew bis-​sieħba] reali tagħna u lanqas bina nfusna.”

Iva, il-​kotba, il-​films, u d-​diski rari jagħtu stampa eżatta taʼ l-​imħabba. Wara kollox, l-​iskop tagħhom m’huwiex biex jgħallmu imma biex dak li jkun jgħaddi l-​ħin jaqrahom. Għalhekk, il-​kittieba joħolqu taħlita taʼ fantasija u romantiċiżmu li trendilhom ħafna flus. Madankollu, b’sogħba huwa faċli li tħawwad fantasija bħal din mar-​realtà. Għalhekk, ħafna drabi n-​nies ikunu diżappuntati bir-​relazzjonijiet tagħhom li ma jkunux bħal dawk tal-​karattri fittizji. Allura kif nistgħu niddistingwu bejn il-​fantasija u r-​realtà, bejn ir-​romantiċiżmu li juru l-​mezzi tax-​xandir u l-​imħabba ġenwina? Ikkunsidra l-​paraguni li ġejjin.

L-​Imħabba taʼ l-​Istejjer Kontra l-​Imħabba Vera

Kemm jekk fil-​kotba, fil-​films, jew fir-​reċti, l-​istejjer taʼ l-​imħabba għandhom mnejn ivarjaw, imma l-​istruttura bażika tagħhom ma tantx tinbidel. Ir-​rivista Writer tgħid li ħafna mill-​kitbiet romantiċi jkomplu jsegwu l-​istess mudell. Hemm raġuni għal dan. Il-​mudell bażiku huwa li ġuvni jiltaqaʼ maʼ tfajla, il-​ġuvni jitlef lit-​tfajla, il-​ġuvni jerġaʼ jikseb lit-​tfajla. Dan huwa mudell effettiv li l-​qarrejja jerġgħu jduru għalih darba wara l-​oħra minkejja l-​isfond jew l-​era li tkun miktuba fih l-​istorja. Ejja nikkunsidraw dan il-​mudell tant popolari iktar mill-​qrib.

Ġuvni jiltaqaʼ maʼ tfajla: Prinċep gustuż jiltaqaʼ maʼ tfajla sabiħa, u tinbet l-​imħabba. Awtur taʼ suċċess jagħti parir lil dawk li jridu jkunu kittieba taʼ stejjer romantiċi. Dan jgħid li mill-​ewwel daqqa t’għajn li l-​koppja jagħtu lil xulxin, il-​qarrejja għandhom ikunu jistgħu jaraw li dawn iż-​żewġ persuni huma magħmulin biex ikunu flimkien.

L-idea li ssir tħobb lil xi ħadd maʼ l-​ewwel daqqa t’għajn timplika li l-​imħabba vera hija biss sentiment—emozzjoni li taħkmek meta tiltaqaʼ mal-​persuna t-​tajba—li mħabba bħal din sempliċement tikber f’daqqa waħda, u li din ma tirrikjedi ebda sforz jew għarfien dwar il-​persuna l-​oħra. Madankollu, l-​imħabba vera hija iktar minn sempliċi sentiment. M’għandniex xi ngħidu, is-​sentimenti huma involuti, imma l-​imħabba hija rabta profonda bejn il-​bnedmin li tinkludi prinċipji u valuri u li qatt ma tieqaf tikber jekk kemm-il darba l-​persuni involuti jibqgħu jgħożżuha u jieħdu ħsiebha kif jixraq.—Kolossin 3:14.

Iktar minn hekk, jirrikjedi ż-​żmien biex issir taf lil persuna oħra. Jekk malli tiltaqaʼ maʼ xi ħadd taħseb li ltqajt mas-​sieħeb perfett, dan ikun biss fantasija u ġeneralment iwasslek għal diżappunt. Iktar minn hekk, jekk malajr tasal għall-​konklużjoni li sibt l-​imħabba vera, int tkun qed tagħlaq għajnejk għal kwalunkwe evidenza li turik il-​kuntrarju. Meta tiġi biex tagħżel lil xi sieħeb jew sieħba jirrikjedi iktar minn sempliċement sentiment qawwi li jkun influwenzat mill-​emozzjoni taʼ l-​infatwazzjoni. Għalhekk, ħu l-​ħin tiegħek. Tabilħaqq, ħafna studji wrew li jekk tagħżel sieħeb ħażin dan se jeffettwalek b’mod negattiv ix-​xogħol tiegħek, is-​saħħa mentali u fiżika, u saħansitra t-​tul taʼ ħajtek.

Il-ġuvni jitlef lit-​tfajla: Konti ħażin jisraq lit-​tfajla sabiħa u jaħrab mill-​kastell. Il-​prinċep jidħol għal missjoni perikoluża biex isibha. Kelliema għar-​Romance Writers of America (Kittieba tar-​Rumanzi taʼ l-​Amerika) tgħid li l-​ħsieb prinċipali taʼ l-​istorja għandu jkun li tnejn min-​nies isiru jħobbu lil xulxin u jissieltu biex ir-​relazzjoni tagħhom taħdem. F’ħafna rumanzi r-​relazzjoni se taħdem—il-​qarrejja dan jafuh. L-​ostakli, li ħafna drabi jiġu minn barra r-​relazzjoni, jingħelbu.

Fil-ħajja reali ġeneralment ikun hemm problemi li jiġu kemm minn barra u kemm minn ġewwa. Għandhom mnejn jinvolvu l-​flus, ix-​xogħol, il-​qraba, u l-​ħbieb. Il-​problemi jqumu wkoll meta individwu ma jilħaqx l-​istennijiet tal-​persuna l-​oħra. F’karattri fittizji, in-​nuqqasijiet għandhom mnejn ikunu żgħar, imma fil-​ħajja reali dan mhux dejjem ikun il-​każ. Iktar minn hekk, l-​imħabba reali ma tegħlibx mingħajr sforz taʼ xejn il-​provi jew id-​differenzi li jkun hemm minħabba l-​opinjonijiet, it-​trobbija, ix-​xewqat, u l-​personalitajiet differenti. Minflok, l-​imħabba tinvolvi l-​kooperazzjoni, l-​umiltà, il-​ħlewwa, il-​paċenzja, u s-​sabar fit-​tul—kwalitajiet li mhux dejjem ikunu faċli u naturali għalina biex nuruhom.—1 Korintin 13:​4-7.

Il-ġuvni jieħu t-​tfajla: Il-​prinċep isalva lit-​tfajla sabiħa u jkeċċi lill-​konti. Il-​koppja tiżżewweġ u tgħix ferħana għal dejjem. Editur taʼ novelli romantiċi jagħti dan il-​parir lil dawk li jridu jkunu kittieba, li hemm bżonn li l-​istorja tispiċċa bil-​koppja tgħix ferħana għal dejjem. Il-​qarrejja jridu jkunu sodisfatti li l-​koppja tinsab flimkien u hi ferħana. Ir-​rumanzi rari juru x’ġara mill-​koppja wara ftit snin taʼ żwieġ. Matul dak iż-​żmien, nuqqas taʼ qbil u ruxxmata sfidi u diffikultajiet oħra jistgħu jkunu ttestjaw ir-​relazzjoni. Skond ma juru l-​istatistiki tad-​divorzju, maż-​żmien ħafna żwiġijiet ma jgħaddux mit-​test.

Iva, l-​imħabba tal-​kotba taʼ l-​istejjer hija relattivament faċli; l-​imħabba vera tirrikjedi sforz. Jekk tifhem id-​differenza li hemm bejn dawn it-​tnejn se tipproteġi lilek innifsek milli jkollok stennijiet mhux realistiċi. Se jgħinek ukoll biex ma tgħaġġilx u tidħol għal rabta li iktar tard jiddispjaċik talli tkun għamiltha. L-​artiklu li jmiss se jiddiskuti kif tistaʼ tikkultiva mħabba mhix egoistika u kif tistaʼ ssir iktar taʼ min iħobbok.

[Kumment f’paġna 5]

Nies li jħobbu inqas huma nies inqas faċli biex tħobbhom

[Kumment f’paġna 7]

L-​imħabba tal-​kotba taʼ l-​istejjer hija relattivament faċli; l-​imħabba reali tirrikjedi sforz

[Kaxxa/​Stampa f’paġna 6]

L-​Eroj u l-​Eroini tar-​Rumanzi

Fl-​Istati Uniti, ir-​rumanzi jġibu qligħ taʼ iktar minn biljun dollaru fis-​sena. Madwar nofs in-​novelli li jinbiegħu f’dan il-​pajjiż huma dwar stejjer romantiċi. Skond l-​istatistiki li ġew pubblikati mir-​Romance Writers of America, it-​tliet karatteristiki primarji li l-​qarrejja, li xi 90 fil-​mija minnhom huma nisa, ifittxu fl-​eroj huma li jkun b’saħħtu, gustuż, u intelliġenti. L-​iktar tliet karatteristiki popolari li jfittxu fl-​eroini huma l-​intelliġenza, il-​karattru sod, u s-​sbuħija.

[Stampi f’paġni 6, 7]

Il-​mezzi tax-​xandir rari jagħtu stampa eżatta taʼ l-​imħabba

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja