Ħarsa lejn id-Dinja
◼ Matul is-sena 2000, ġie kalkulat li mad-dinja kollha kien hemm mat-8.3 miljuni każi ġodda taʼ tuberkulosi (TB), u kważi żewġ miljun vittma tat-TB mietu—kważi kollha f’pajjiżi li għandhom qligħ baxx.—MEDICAL JOURNAL OF AUSTRALIA.
◼ “Għaxar miljun persuna żagħżugħa bħalissa għandhom il-HIV, u iktar minn nofs l-4.9 miljun ruħ li qed jiġu infettati kull sena madwar id-dinja huma bejn l-età taʼ 15 u 24 sena.”—FOND TAL-ĠNUS MAGĦQUDA GĦALL-POPOLAZZJONI (UNFPA).
◼ Satellita rrekordjat xi albatri li kienu qed jivvjaġġaw madwar il-globu kollu. L-iktar wieħed li għaġġel għamel dan f’46 ġurnata biss.—SCIENCE MAGAZINE, L-AMERIKA.
◼ “Kull siegħa taʼ kull ġurnata, id-dinja tonfoq iktar minn $100 miljun (Lm35 miljun) fuq suldati, armamenti, u splussivi.”—VITAL SIGNS 2005, WORLDWATCH INSTITUTE.
Qiegħda l-Vjolenza Kontra l-Kleru Tiżdied?
“Il-professjoni taʼ qassis hija waħda mill-iktar perikolużi fil-[Britannja],” irrapportat id-Daily Telegraph taʼ Londra fl-2005. Stħarriġ tal-gvern li sar fl-2001 kixef li kważi tliet kwarti mill-qassisin li ġew intervistati ġew maltrattati jew attakkati fiżikament b’mod vjolenti fis-sentejn taʼ qabel. Sa l-1996 inqatlu minn taʼ l-inqas sebaʼ qassisin. Il-provinċja taʼ Merseyside esperjenzat “medja t’attakk, serq jew ħruq taʼ proprjetà apposta kuljum f’wieħed mill-1,400 post taʼ qima tagħha.”
Varjetà Straordinarja t’Annimali u Pjanti
Minkejja l-qerda tal-foresta tax-xita, “il-gżira taʼ Borneo għad għandha ammont straordinarju taʼ varjetà bijoloġika [annimali u pjanti] fil-qalba tagħha,” tistqarr The New York Times. Skond il-World Wildlife Fund, bejn l-1994 u l-2004, il-bijoloġi skoprew 361 speċi ġdid taʼ pjanti u annimali fuq il-gżira li tagħmel parti mill-Brunej, l-Indoneżja, u l-Malasja. L-ispeċi ġodda li nstabu kienu jinkludu 260 insett ġdid, 50 pjanta, 30 ħuta, 7 żrinġijiet, 6 gremxuliet, 5 granċijiet, 2 isriep, u rospu. Madankollu, il-qalba tal-foresti tax-xita tistaʼ tiġi mhedda miż-żjieda tat-tqaċċit tas-siġar minħabba d-domanda li hawn għall-injam iebes tropikali u għall-gomma u ż-żejt tal-palm.
Is-Superstizzjoni Qed Tiżdied
Stħarriġ li sar mill-istitut t’Allensbach, dwar l-opinjoni Ġermaniża ġenerali juri li minkejja li qed ngħixu fi żmien karatterizzat mit-teknoloġija u x-xjenza, is-superstizzjoni xorta għadha tipperswadi lin-nies. Studju fit-tul wera li “t-twemmin f’teħbir tajjeb jew ħażin għalkemm m’huwiex loġiku għadu jeżisti fost il-popolazzjoni u fil-fatt huwa iktar popolari llum milli kien 25 sena ilu.” Fl-1970, 22 fil-mija kkunsidraw ix-shooting stars bħala li jinfluwenzawlhom ħajjithom. Bħalissa 40 fil-mija jemmnu dan. Illum adult wieħed biss minn kull tlieta jirrifjuta kull tip taʼ superstizzjoni. Studju ieħor li sar fost 1,000 student f’università fil-Ġermanja wera li terz minnhom jafdaw fil-lucky charms li jkollhom fil-karozzi jew maċ-ċwievet.
Il-Glaċieri Antartiċi Qed Jiċkienu
“F’dawn l-aħħar 50 sena, 87 fil-mija mill-244 glaċier li hemm fuq il-peniżola fl-Antartiku ċkienu,” u b’iktar ħeffa milli ħasbu qabel l-esperti, tirrapporta l-gazzetta Clarin taʼ Buenos Aires. L-ewwel analisi dettaljata li saret dwar il-glaċieri f’dawn l-inħawi wriet ukoll li t-temperaturi taʼ l-arja għolew iktar minn 2.5 gradi Celsius matul dawn l-aħħar 50 sena. Dan it-tnaqqis maʼ kullimkien qiegħed isir l-iktar minħabba t-taqlib fil-klima, jinnota David Vaughan mill-Istħarriġ Britanniku dwar l-Antartika. “Huwa l-bniedem responsabbli għal dan?” jistaqsi hu. “Ma nistgħux ngħidu fiċ-ċert, imma ninsabu pass iktar viċin biex inwieġbu din il-mistoqsija importanti.”