Għandna Nużawh l-Isem t’Alla?
FIS-SENA 1902, The Presbyterian and Reformed Review għamlet rapport dwar l-ippubblikar tal-verżjoni tal-Bibbja American Standard taʼ l-1901, li kienet reviżjoni tal-King James Version tas-seklu 17. F’dan l-artiklu, il-ġurnal tkellem dwar kemm hu xieraq li b’mod konsistenti jintuża l-isem t’Alla, Ġeħova, fil-Bibbja Ingliża:
“Aħna ma nistgħux nifhmu kif jistaʼ jkun hemm nuqqas taʼ qbil dwar kemm dan il-pass huwa xieraq. Dan huwa l-isem persunali tal-Mulej, li permezz tiegħu Hu għażel li jkun magħruf mill-poplu Tiegħu: il-ħsara li saret minħabba li t-titlu li jiddeskrivih ħa post ismu, f’għajnejna tidher kbira ħafna. Huwa fatt li jeżistu kontroversji dwar il-pronunzja eżatta taʼ l-isem, u ħadd m’hu taʼ l-opinjoni li ‘Ġeħova’ huwa l-pronunzja eżatta. Imma dan l-isem għandu l-istess valur tal-pronunzja eżatta għall-qarrej Ingliż; u tkun sempliċement fittaġni bla bżonn li dan jinbidel għal Yahwé jew xi pronunzja minn dawk li jintużaw minn kittieba skolastiċi u li xi ftit jew wisq xorta ma jkunux eżatti. Aħna naħsbu li jkun taʼ ġid kbir għall-qarrej Ingliż tat-Testment il-Qadim li għall-ewwel darba fil-verżjoni adattata għalih jiltaqaʼ maʼ l-isem ‘Ġeħova’ u jitgħallem dwar dak kollu li ‘Ġeħova’ kien ifisser għall-poplu Tiegħu u dak li għamel għalih.”
Hemm ħafna traduzzjonijiet taʼ Bibbji bl-Ingliż li jużaw il-pronunzja “Ġeħova” għall-isem t’Alla. Barra minn hekk, l-isem persunali t’Alla jinsab f’diversi traduzzjonijiet taʼ Bibbji li m’humiex bl-Ingliż, kif jistaʼ jidher fl-eżempji li hawn f’din il-paġna. Dwar ismu, Ġeħova qal lil Mosè: “Dan ikun ismi għal dejjem u dan l-isem ifakkarkom fija minn nisel għal nisel.” Għalhekk, ċertament li m’hemm ebda dubju dwar kemm hu xieraq li jintuża l-isem t’Alla llum!—Eżodu 3:13-15.
[Stampi f’paġna 31]
Salm 83:19 (83:18, “NW”) kif tidher f’diversi lingwi
Tsonga
Shona
Vjetnamiż
Spanjol
Ħindi
Tagalog
Ingliż