Mingħand il-Qarrejja
Pjanti Qattiela Grazzi taʼ l-artiklu “Periklu—Pjanti Qattiela!” (8 taʼ Mejju, 2004) Ili iktar minn 12-il sena niġbor kollezzjoni tal-pjanti karnivori u nikkultivahom. Tassew irnexxielkom iżżommu bilanċ meraviljuż bejn l-eżattezza xjentifika u s-sempliċità tal-preżentazzjoni.
T. K., Ġermanja
Għandi 11-il sena, u l-għalliema tiegħi inkarigatna niktbu dwar il-Venus flytrap (Dionaea muscipula). F’dik l-istess ġimgħa, ħareġ dan l-artiklu—verament f’waqtu!
R. S., Russja
Jien kont nikkultiva l-pjanti karnivori u ħadt pjaċir naqra l-artiklu. Però, ma tantx qbilt mat-titlu taʼ l-artiklu. Dawn il-pjanti għandhom mnejn ikunu perikolużi għal xi insetti, imma huma wkoll pjanti nodfa u fraġli. Xi wħud minnhom saħansitra jinsabu fil-periklu li ma jibqgħux jeżistu.
H. K., Ġappun
“Stenbaħ!” iwieġeb: Grazzi għal din it-tfakkira. Għalkemm it-titlu tagħna sar biex jiġbed l-attenzjoni tal-qarrejja, l-artiklu stess għallem lill-qarrejja biex jirrispettaw u jieħdu ħsieb dawn il-pjanti.
Abbuż fl-Għerusija Inħossni grata għall-artiklu “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Għala Jittrattani Daqshekk Ħażin?” (8 taʼ Ġunju, 2004) Kont qed niġi abbużata fir-relazzjoni tiegħi. Meta kien ikollna xi ngħidu, l-għarus tiegħi kien dejjem iwaħħal fija. Fit-trobbija tiegħi rajt ħafna vjolenza u smajt ħafna kliem abbużiv fil-familja, allura kont naħseb li din l-imġiba hi normali. Issa nħossni kuntenta li ħriġt minn dik ir-relazzjoni; hu wrieni li m’huwiex tajjeb għaż-żwieġ.
Anonima, Beliże
Dan l-artiklu għenni nesprimi s-sentimenti tiegħi. Qabel u matul iż-żwieġ tiegħi, għaddejt mis-sitwazzjonijiet li spjegajtu fl-artiklu. Il-ħsara mentali u emozzjonali li għaddejt minnha qerditli l-istima persunali tiegħi. Nispera li dan l-artiklu jqanqal lil ħafna biex jeżaminaw ir-relazzjonijiet tagħhom waqt l-għerusija. Kemm hu għaqli li jsiru jafu lil xulxin qabel iż-żwieġ, biex dawn il-problemi jiġu evitati.
M. M., Ġermanja
Żerriegħa li Tivvjaġġa Grazzi talli ppubblikajtu l-artiklu “Żerriegħa li Taqsam l-Ibħra.” (8 taʼ Ġunju, 2004) Ftit tas-snin ilu, ġbart waħda minn dawn iż-żrieragħ ħdejn id-dar tiegħi, imma ma indunajtx li kienet żerriegħa. Malli qrajt l-artiklu, bqajt impressjonata għax indunajt li ż-żerriegħa li ġbart jistaʼ jkun li vvjaġġat miċ-Ċentru jew il-Punent taʼ l-Afrika! Grazzi ħafna talli tippreparaw artikli tassew interessanti bħal dawn.
M. K., Ġappun
Is-Solitudni L-artikli tal-bidu “Kif Tkampa mas-Solitudni Avolja Waħdek” (8 taʼ Ġunju, 2004) kienu tassew straordinarji. L-iktar li għoġbuni kienu s-suġġerimenti fil-kaxxa f’paġna 7, “X’Tistaʼ Tagħmel Meta Tħossok Waħdek.” Użajt ħafna minn dawn is-suġġerimenti, u naf li se jkunu sors kbir taʼ inkuraġġiment għal oħrajn.
E. M., Stati Uniti
It-Torri taʼ Londra L-artiklu “It-Torri taʼ Londra—Monument Storiku taʼ l-Imgħoddi Qalil” kien tassew f’waqtu. (8 taʼ Ġunju, 2004) L-għalliem tiegħi u xi wħud minn sħabi taʼ l-iskola kien għadhom kif ġew lura minn żjara f’Londra. Grazzi għal dan l-artiklu, stajt nimmaġina kif tkun żjara lejn Londra—mingħajr ma nfaqt xejn!
P. L., Ġermanja