LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g05 3/8 pp. 22-23
  • It-Tadama—“Ħaxixa” li Tintuża Ħafna

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • It-Tadama—“Ħaxixa” li Tintuża Ħafna
  • Stenbaħ!—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Passat Interessanti
  • Varjetà u Popolarità Rimarkevoli
  • Suġġerimenti u Informazzjoni dwar is-​Saħħa
  • Frotta li Tintuża Ħafna
  • Ħarsa Lejn id-Dinja
    Stenbaħ!—2002
Stenbaħ!—2005
g05 3/8 pp. 22-23

It-​Tadama—“Ħaxixa” li Tintuża Ħafna

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIL-​BRITANNJA

“X’KONT nagħmel li kieku m’għandix it-​tadam!” tgħid il-​mara tad-​dar Taljana. Ħafna koki madwar id-​dinja jaqblu maʼ din l-​istqarrija. Tabilħaqq, it-​tadam jidher f’riċetti taʼ ħafna kulturi. Nies li jkabbru l-​ħaxix fil-​ġnien tad-​dar ikabbru t-​tadam iktar minn kwalunkwe ħaġa oħra. Imma t-​tadama x’inhi, frotta jew ħaxixa?

Skond l-​istudju tal-​botanika, it-​tadama hija frotta minħabba li hi żgħira u fiha ż-​żrieragħ. Madankollu, il-​biċċa l-​kbira min-​nies jaħsbu li hija ħaxixa, għaliex ġeneralment tittiekel maʼ l-​ikla prinċipali. It-​tadama li tant għandha togħma tajba għandha passat affaxxinanti.

Passat Interessanti

Fil-​Messiku l-​Azteki kkultivaw it-​tadam għall-​ikel. Matul il-​bidu tas-​seklu 16, meta l-​konkwistaturi Spanjoli rritornaw Spanja, ħaduha magħhom u bdew isejħulha tomate mill-​kelma Nahuatl tomatl. Komunitajiet Spanjoli fl-​Italja, fl-​Afrika taʼ Fuq, u fil-​Lvant Nofsani, malajr kienu qed igawdu t-​togħma bnina tat-​tadama.

Iktar tard f’dak is-​seklu, it-​tadam ittieħed lejn it-​tramuntana taʼ l-​Ewropa. Għall-​ewwel ħasbu li kien velenuż u kienu jkabbruh biex iżejnu l-​ġnien. Għalkemm membru tal-​familja Solanaceae, b’weraq li fih riħa qawwija u zokk velenuż, il-​frotta kienet bla periklu taʼ xejn.

X’aktarx li l-​ewwel tadam li nġab l-​Ewropa kien isfar, ladarba t-​Taljani semmew din il-​frotta pomodoro (tuffieħa tad-​deheb). L-​Ingliżi sejħulha tomate u iktar tard tomato, imma t-​terminu “tuffieħa taʼ l-​imħabba” sar komuni wkoll. Mill-​Ewropa, it-​tadama qasmet l-​Atlantiku u reġgħet ittieħdet lura lejn l-​Amerika taʼ Fuq fejn eventwalment saret ikel importanti matul is-​seklu 19.

Varjetà u Popolarità Rimarkevoli

Staqsi x’kulur għandu t-​tadam, u t-​tweġiba x’aktarx tkun “aħmar.” Imma kont taf li hemm varjetajiet li jistgħu jkunu sofor, oranġjo, roża, vjola, kannella, bojod, jew ħodor, u xi wħud huma saħansitra rrigati? Mhux it-​tadam kollu hu tond. Hemm tadam ċatt, ovali, jew f’għamla taʼ lanġasa. Jistaʼ jkun żgħir daqs piżella jew kbir daqs ponn taʼ raġel.

Dan l-​ikel popolari jiġi mkabbar mit-​tramuntana, fl-​Islanda, san-​nofsinhar, fi New Zealand. L-​iktar pajjiżi li jipproduċuh huma l-​Istati Uniti u n-​nofsinhar taʼ l-​Ewropa. Postijiet fejn il-​klima hi iktar kiesħa jiddependu mill-​produzzjoni tat-​tadam fis-​serer, u postijiet fejn ma tantx ikollhom xita jkabbru t-​tadam billi jużaw tekniki idroponiċi​—jiġifieri, f’soluzzjoni taʼ nutrimenti mingħajr ħamrija.

It-tadam għadu favorit ħafna maʼ dawk li jħobbu jkabbru l-​prodotti fil-​ġnien tagħhom stess. Hu faċli biex ikabbruh, u ftit pjanti huma biżżejjed biex jipprovdu tadam għal familja żgħira. Jekk ma tantx għandek spazju, fittex varjetajiet żviluppati speċjalment biex jitpoġġew f’xi terrazzin jew f’kaxxi fil-​ħoġor taʼ xi tieqa.

Suġġerimenti u Informazzjoni dwar is-​Saħħa

It-​tadam jitlef mit-​togħma tiegħu f’temperaturi kesħin, allura żżommux fil-​friġġ. Jekk tridu jsir malajr, tistaʼ żżommu f’ħoġor taʼ tieqa fix-​xemx jew fit-​temperatura tal-​kamra fi skutella maʼ tadama jew banana misjura, jew tistaʼ żżommu f’borża tal-​karti għal ftit jiem.

It-tadam huwa tajjeb għalik. Fih il-​vitamini A, Ċ, u E, kif ukoll il-​potassju, il-​kalċjum, u l-​melħ minerali. Riċerkaturi qed jiskopru wkoll li hu sors eċċellenti taʼ lycopene, anti-ossidant qawwi, li jaħsbu li jnaqqas ir-​riskju taʼ ċertu mard, bħall-​kanċer u l-​mard tal-​qalb. Bejn 93 sa 95 fil-​mija mit-​tadama hu ilma, u dawk li joqogħdu attenti għall-​piż jieħdu gost ikunu jafu li fiha ftit kaloriji.

Frotta li Tintuża Ħafna

Meta tixtri t-​tadam, liema tip għandek tagħżel? It-​tadam aħmar li hu l-​iktar familjari jistaʼ jintuża f’insalati, sopop, u zlazi. It-​tadam żgħir (cherry tomatoes), li minnu tistaʼ ssib aħmar, oranġjo, jew isfar, u li hu ħelu ħafna għax fih ħafna zokkor, tajjeb ħafna biex tieklu nej. Jekk tkun se tagħmel pizza jew xi ftit għaġin, forsi t-​tadama li hi ovali u soda tkun l-​għażla t-​tajba. It-​tadama l-​kbira bl-​isem beefsteak​—imsejħa hekk minħabba li hi soda—hija ideali għall-​mili jew għall-​forn. It-​tadama l-​ħadra, kultant bi strixxi distintivi, tagħmel kondiment eċċellenti. Tabilħaqq, it-​tadam jagħti togħma partikulari u kulur lil varjetà kbira taʼ ikel, li jistaʼ jkun bil-​ħaxix, bil-​bajd, bl-​għaġin, bil-​laħam, u bil-​ħut. Jekk ma tistax issib tadam frisk, bla dubju fil-​ħwienet lokali se ssib ħafna prodotti tat-​tadam proċessat.

Kull kok għandu r-​riċetti tiegħu bit-​tadam, imma hawnhekk hawn xi suġġerimenti li forsi tixtieq tipprova.

1. Ipprepara appetizer taʼ malajr u b’ħafna kuluri billi tqiegħed it-​tadam, il-​mozzarella, u l-​avokado mqattgħin roti roti fuq xulxin. Agħmlilhom ftit dressing biż-​żejt taż-​żebbuġa u l-​bżar iswed, u żejjen bi ftit weraq tal-​ħabaq.

2. Agħmel insalata Griega billi tħawwad flimkien tadam imqattaʼ daqsxejn kbir, ħjar, u feta cheese flimkien maʼ żebbuġ iswed u basla ħamra mqattgħa. Ħawwar bil-​bżar u l-​melħ, u servi bi dressing taż-​żejt taż-​żebbuġa u ftit meraq tal-​lumi.

3. Agħmel salsa Messikana b’tadam frisk imqattaʼ, basal, bżar aħdar milli jaħraq, u weraq tal-​kosbor (coriander), imħalltin flimkien maʼ ftit meraq taʼ lumija.

4. Tistaʼ tagħmel zalza tat-​tadam għall-​għaġin li hi sempliċi imma appetituża billi tqiegħed f’taġen bott tadam, ftit zokkor, ftit żejt taż-​żebbuġa, sinna tewm imqattgħa rqiq, ftit ħwawar bħall-​ħabaq, werqa tar-​rand, jew origanu, u ftit bżar u melħ. Ħalli t-​taħlita tiftaħ tagħli, u mbagħad ħalliha fuq nar baxx għal madwar 20 minuta sakemm iz-​zalza tagħqad. Wara li tkun sajjart l-​għaġin u neħħejtlu l-​ilma, kemm titfaʼ z-​zalza fuqu.

It-​tadama li tintuża ħafna hija biss eżempju wieħed mill-​varjetà taʼ l-​għaġeb taʼ ikel li ġie maħluq għalina.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja