Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .
Kif Nistaʼ Nikkontrolla l-Emozzjonijiet Tiegħi?
“Nirrabja mal-ġenituri tiegħi u ngħid affarijiet li ma jkunux ġejjin minn qalbi. Imbagħad, nevitahom.”—Kate, 13-il sena.
“L-inċertezza hija l-akbar battalja tiegħi. Xi drabi nħossni qed immut minn ġewwa.”—Ivan, 19-il sena.
L-EMOZZJONIJIET huma qawwijin. Jeffettwaw il-mod kif taħseb u taġixxi. Jistgħu jimmotivawk kemm għat-tajjeb u kemm għall-ħażin. Xi drabi, jistaʼ saħansitra jidher li m’għandikx kontroll fuqhom. “Ftit li xejn inħossni sodisfatt bija nnifsi,” jgħid Jacob li għandu 20 sena. “Spiss, ma jirnexxilix inwettaq dak li nkun nixtieq nagħmel. Kultant, nispiċċa nibki jew tant nirrabja li jispiċċa jeħel kulħadd miegħi. Huwa diffiċli biex nikkontrolla dak li nkun qed inħoss.”
Madankollu, biex issir adult matur u responsabbli trid titgħallem tikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħek. Xi esperti issa jħossu li l-abbiltà biex tikkontrolla l-emozzjonijiet u li tkampa man-nies, hija iktar importanti milli tkun intelliġenti. Fi kwalunkwe każ, il-Bibbja stess tpoġġi importanza fuq li nikkontrollaw l-emozzjonijiet tagħna. Per eżempju, Proverbji 25:28 jgħid: “Jekk ma tistax tikkontrolla r-rabja tiegħek, qisek belt mingħajr ħitan taʼ protezzjoni, li faċli jattakkawk.” (Today’s English Version) Għala huwa daqshekk diffiċli biex nikkontrollaw l-emozzjonijiet tagħna?
Sfida għaż-Żgħażagħ
Nies taʼ kull età u sfond jitħabtu biex jikkontrollaw l-emozzjonijiet tagħhom. Madankollu, it-taħbit jistaʼ jkun taʼ sfida b’mod partikulari meta persuna adoloxxenti tkun qed issir adulta. Il-ktieb Changing Bodies, Changing Lives taʼ Ruth Bell jgħid: “Bosta adoloxxenti jħossu konfużjoni sħiħa taʼ emozzjonijiet strambi, sbieħ, imħawdin u tal-biżaʼ. Ħafna nies ikollhom bosta sentimenti differenti fl-istess ħin dwar l-istess affarijiet. . . . F’ħin minnhom għandu mnejn tħossok b’ċertu mod, u mbagħad minuta wara għandek mnejn tħossok bil-kontra.”
Bħala persuna żagħżugħa, ma tantx għandek esperjenza. (Proverbji 1:4) Għalhekk, hekk kif tiffaċċja sitwazzjonijiet u sfidi ġodda għall-ewwel darba, huwa normali li tħoss ċertu inċertezza u li tħossok li ma tistax tkampa. Fortunatament, il-Ħallieq jifhem is-sentimenti tiegħek. Hu saħansitra jaf il-‘ħsibijiet’ li jinkwetawk. (Salm 139:23) Fil-Kelma tiegħu hu niżżel xi prinċipji li jistgħu jgħinuk.
Mod Wieħed Kif Tikkontrolla l-Emozzjonijiet
Mod wieħed kif tikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħek hu li titgħallem tikkontrolla l-ħsibijiet tiegħek. Ħsibijiet negattivi jistgħu jiħdulek l-enerġija li għandek bżonn biex tieħu azzjoni. (Proverbji 24:10) Iżda kif tistaʼ tiġi megħjun biex taħseb b’mod pożittiv, u b’hekk tikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħek?
Mod wieħed hu li tirrifjuta li toqgħod taħseb dwar affarijiet negattivi li jġagħluk tħossok dipress jew inċert. Billi ssegwi l-parir tal-Bibbja biex tiffoka fuq affarijiet li huma ‘serji’ u ‘ġusti,’ tistaʼ tbiddel ħsibijiet negattivi f’dawk pożittivi. (Filippin 4:8) Għandu mnejn li dan ma jkunx faċli, iżda bi sforz jistaʼ jsir.
Ikkunsidra mara żagħżugħa jisimha Jasmine. “Inħossni tassew magħkusa b’dak kollu li niffaċċja,” qalet darba waħda. “Xogħol ġdid, responsabbiltajiet ġodda. L-emozzjonijiet tiegħi ma jifilħux iktar. Insibha diffiċli biex nirrilassa ftit.” Huwa normali li żagħżugħ iħossu hekk xi drabi, u dan jistaʼ jġagħlu jħossu ansjuż, inċert dwaru nnifsu. Il-Bibbja tgħidilna dwar raġel żagħżugħ jismu Timotju, li kien jikkwalifika b’mod eċċellenti fir-responsabbiltajiet li ngħatawlu. Madankollu, jidher li hu ħass li ma kienx kapaċi.—1 Timotju 4:11-16; 2 Timotju 1:6, 7.
X’aktarx li tħossok inċert meta tiġi ffaċċjat b’xi biċċa xogħol ġdida jew mhux familjari. Għandek mnejn tgħid lilek innifsek, ‘Jien qatt m’hu se jirnexxili nagħmel dan.’ Iżda tistaʼ tikkontrolla sentimenti taʼ inċertezza bħal dawn billi tevita li toqgħod taħseb dwar affarijiet negattivi. Iffoka fuq li tagħmel il-biċċa xogħol bl-aħjar mod. Staqsi mistoqsijiet u segwi l-istruzzjonijiet.—Proverbji 1:5, 7.
Iktar ma ssir kapaċi f’biċċa xogħol, inqas se tħossok inċert. Toqgħodx taħseb dwar id-dgħjufijiet tiegħek għax jispiċċaw ma jħallukx tistinka u tagħmel progress. Darba minnhom meta l-appostlu Pawlu ġie kritikat, wieġeb: “Imma anki jekk m’iniex kapaċi nitkellem, żgur li kapaċi fl-għarfien.” (2 Korintin 10:10; 11:6) Bl-istess mod, int ukoll tistaʼ tibni kunfidenza billi tagħraf il-potenzjal tiegħek u billi ddur lejn Alla għall-għajnuna biex tkampa mad-dgħjufijiet tiegħek. Bħalma Alla għen lin-nies fil-passat, hekk ukoll jistaʼ jgħin lilek.—Eżodu 4:10.
Mod ieħor kif tistaʼ tikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħek huwa billi tagħmel miri modesti u realistiċi, u taċċetta l-limitazzjonijiet tiegħek. Ukoll, evita li toqgħod tqabbel lilek innifsek m’oħrajn. F’Galatin 6:4, il-Bibbja tagħti parir tajjeb meta tgħid: “Kull wieħed ħa jagħti prova taʼ x’inhu għemilu, u mbagħad ikollu għalxiex jifraħ b’dak li jagħmel hu stess, u ma jqabbilx ruħu maʼ ħaddieħor.”
Tistaʼ Tikkontrolla r-Rabja
Tistaʼ tkun ukoll taʼ sfida li tikkontrolla rrabja. Bħal Kate, li semmejna fil-bidu, ir-rabja tqanqal lil ħafna żgħażagħ biex jgħidu u jagħmlu affarijiet li jweġġgħu jew li huma distruttivi.
M’għandniex xi ngħidu, huwa normali li xi drabi tħossok irrabjat. Iżda ftakar fl-ewwel qattiel, Kajjin. Meta “saħan b’rabja kbira,” Alla wissieh li rabja bħal dik setgħet twasslu biex jidneb serjament. Hu staqsa lil Kajjin: ‘Imma inti tistaʼ trażżan [id-dnub]?’ (Ġenesi 4:5, 6; 4:7) Kajjin naqas li jagħti kas dan il-parir divin, iżda bl-għajnuna t’Alla int tistaʼ trażżan ir-rabja u tevita li tidneb!
Għal darb’oħra, dan ifisser li għandek tikkontrolla l-ħsibijiet tiegħek. Fi Proverbji 19:11, il-Bibbja tgħid: “Bniedem bil-għaqal idum ma jagħdab, hu ġieħ għalih jagħlaq għajnejh għall-offiża.” Meta xi ħadd jirrabjak, ipprova ara għala hu, jew hi, aġixxa hekk. Ried tassew iweġġgħak? Jistaʼ jkun li hu, jew hi, kien qed jaġixxi b’impuls jew mingħajr ħsieb? Meta tittollera l-iżbalji t’oħrajn tkun qed tirrifletti lħniena t’Alla, u dan jistaʼ jgħinek tikkontrolla r-rabja tiegħek.
Xi ngħidu imma, jekk ir-rabja hija ġustifikata? L-Iskrittura tgħid: “Inkorlaw, iżda tidinbux.” (Efesin 4:26) Jekk ikun neċessarju, tkellem maʼ l-individwu. (Mattew 5:23, 24) Jew forsi l-aħjar ħaġa tkun li tinsa dak li jkun ġara—tieqaf tkun irrabjat u tibqaʼ għaddej b’ħajtek b’mod normali.
Taʼ interess, il-ħbieb tiegħek jistgħu jinfluwenzaw il-mod kif tittratta mar-rabja. Għaldaqstant il-Bibbja tagħti din id-direzzjoni: “Tkunx ħabib taʼ min jinkorla, tagħmilhiex maʼ min jisħon malajr, biex ma tidrax tagħmel bħalu, u ssib ruħek fil-għawġ.”—Proverbji 22:24, 25.
Jekk tkun imdawwar b’nies li jagħmlu sforz sabiex jikkontrollaw ir-rabja tagħhom, dan jistaʼ jgħinek biex tikkontrolla lilek innifsek. Il-kongregazzjonijiet Kristjani tax-Xhieda taʼ Ġeħova huma mimlijin b’individwi maturi, u ħafna minnhom huma akbar fl-età u għandhom iktar esperjenza minnek. Sir af ftit minnhom. Osserva kif ikampaw mal-problemi. Għandhom mnejn jagħtuk “tmexxija għaqlija” meta tiffaċċja xi diffikultajiet. (Proverbji 24:6) Jacob, imsemmi qabel, jgħid: “Ħabib matur li jistaʼ jfakkarni dwar il-Kelma t’Alla huwa prezzjuż ħafna. Meta niftakar li Ġeħova jħobbni minkejja l-inċertezzi tiegħi, inħossni li għandi kontroll taʼ l-emozzjonijiet tiegħi u nżomm il-kalma.”
Passi Prattiċi Oħra
Ktieb popolari dwar l-eżerċizzju jgħid: “Diversi studji wrew li l-mod kif iċċaqlaq ġismek jinfluwenzalek il-burdata permezz tal-bijokimika. Il-livelli taʼ l-ormoni u l-ossiġnu kollha jinbidlu bil-movimenti li tagħmel. M’hemm l-ebda dubju li l-eżerċizzju fiżiku huwa taʼ benefiċċju. Il-Bibbja tgħidilna: “L-eżerċizzju fiżiku għandu xi ftit benefiċċju.” (1 Timotju 4:8, Today’s English Version) Għala ma tibdiex rutina raġunevoli regulari? Jistaʼ jkollha effett tajjeb fuq kif tħossok. Jekk ikollok dieta tajba taʼ l-ikel, din tistaʼ ġġiblek xi benefiċċji.
Ikkunsidra wkoll il-mużika u d-divertiment li tagħżel. Studju pubblikat fil-Harvard Mental Health Letter qal: “Meta tara l-vjolenza . . . dan għandu t-tendenza li jqanqal rabja u sentimenti aggressivi. . . . Dawk li jaraw films vjolenti kellhom iktar ħsibijiet aggressivi u għollitilhom il-pressjoni tad-demm.” Għalhekk, ħu deċiżjonijiet għaqlin dwar dak li tismaʼ u tara.—Salm 1:1-3, 1 Korintin 15:33.
Fl-aħħarnett, l-aħjar mod kif tikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħek hu billi tiżviluppa relazzjoni mill-qrib mal-Ħallieq tiegħek. Hu jistidinna biex inkellmuh permezz tat-talb, biex niftħu qalbna miegħu. “Tkunu ansjużi fuq xejn,” inkuraġġixxa l-appostlu Pawlu. “F’kollox b’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu; u l-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom u l-qawwa mentali tagħkom.” Iva, tistaʼ tiżviluppa s-saħħa ġewwinija biex tiffaċċja kull tip taʼ sitwazzjoni f’ħajtek. L-appostlu Pawlu żied: “Għal kollox għandi s-saħħa permezz taʼ dak li jagħtini l-qawwa.”—Filippin 4:6, 7, 13.
Iż-żagħżugħa Malika tgħid: “Tgħallimt biex nitlob, nitlob, u nitlob. Il-fatt li naf li Ġeħova jagħti kasi jġagħalni nħossni kalma u jkolli iktar kontroll fuq l-emozzjonijiet tiegħi.” Bl-għajnuna t’Alla, int ukoll tistaʼ titgħallem tikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħek.
[Kumment f’paġna 19]
Mod wieħed kif tikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħek hu li titgħallem tikkontrolla l-ħsibijiet tiegħek
[Stampa f’paġna 20]
Jekk tassoċja maʼ wħud akbar, dan jistaʼ jgħinek biex tikkontrolla s-sentimenti tiegħek