LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g05 2/8 pp. 16-18
  • Disinji tad-Deheb fuq l-Azzar

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Disinji tad-Deheb fuq l-Azzar
  • Stenbaħ!—2005
  • Sottitli
  • Minn Damasku għal Spanja
  • Arti taʼ Kuntrasti
  • Teknika li Tinvolvi Ħafna Xogħol
Stenbaħ!—2005
g05 2/8 pp. 16-18

Disinji tad-​Deheb fuq l-​Azzar

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FI SPANJA

VÍCTOR hu raġel taʼ 74 sena li qed jonqoslu d-​dawl wara li qattaʼ sigħat bla tmiem jiffoka fuq affarijiet irqaq. Xorta waħda, għajnejh jixegħlu kulmeta jiġi mistoqsi biex jitkellem dwar il-​50 sena t’esperjenza li għandu fl-​immartellar tad-​deheb fuq l-​azzar. Víctor, li beda jitgħallem din is-​sengħa meta kellu 14-il sena, hu artiġjan fl-​arti taʼ l-​iddamaskar.

“Għalija, l-​iddamaskar hu ferm iktar minn sengħa,” jispjega Víctor. “Xi drabi bqajt imqajjem għal 24 siegħa sħaħ, mitluf għalkollox fix-​xogħol tiegħi.” Waqt li jaqbad l-​għodda tas-​sengħa nobbli tiegħu, għodda li ilha tintuża tul dawn l-​annati kollha, wiċċu jixgħel bil-​memorji sbieħ t’għomor sħiħ jaħdem biex jipproduċi dawn il-​kapulavuri.

Minn Damasku għal Spanja

X’inhu l-​iddamaskar? Dan hu l-​process li bih wiċċ taʼ xi metall jiżżejjen b’disinji tad-​deheb jew tal-​fidda li jiġu minquxin jew intarsjati fih. F’xi oqbra Eġizzjani, l-​arkeoloġi sabu xi oġġetti damaskati li jmorru lura sas-​seklu 16 Q.E.K.

Għalkemm l-​ewwel oġġetti damaskati għandhom mnejn saru fiċ-​Ċina jew fl-​Eġittu, l-​isem innifsu ġej mill-​belt antika taʼ Damasku. Artiġjani tas-​sengħa f’din il-​kapitali Sirjana ħolqu oġġetti tant sbieħ li din it-​teknika saret marbuta mal-​belt. Billi kienet tinsab f’post importanti bejn l-​artijiet fil-​lvant tal-​Mediterran u l-​pajjiżi tal-​Mesopotamja u l-​Orjent, Damasku saret ċentru taʼ kummerċ. Din l-​importanza kummerċjali kienet kaġun li s-​snajjaʼ tradizzjoniali tal-​belt, bħalma hu l-​iddamaskar, ittieħdu f’artijiet ’il bogħod mis-​Sirja.

Fi ftit sekli, l-​artiġjanat taʼ l-​iddamaskar sar stabbilit fl-​Ewropa, u sas-​seklu 16, il-​belt Spanjola taʼ Toledo saret iċ-​ċentru ewlieni taʼ din l-​arti. Sjuf, armar, u tarki magħmulin fil-​belt taʼ Toledo, kif ukoll oġġetti iktar fini, kienu jiġu mżejnin bl-​iddamaskar li jagħtihom dik id-​dehra eleganti u distinta.

Arti taʼ Kuntrasti

L-​arti taʼ l-​iddamaskar li kienet issir f’Toledo tenfasizza l-​lewn ileqq tad-​deheb u l-​fidda b’kuntrast maʼ l-​isfond iswed karg taʼ l-​azzar li jiġu intarsjati fih dawn il-​metalli prezzjużi. Din l-​arti tgħaqqad flimkien disinji ornamentali, bħalma hi l-​kitba Kufika (il-forma angulari antika taʼ l-​alfabet Għarbi), maʼ forom taʼ fjuri u forom ġeometriċi li huma tipiċi tal-​kulturi Għarab u Mudejar. Ejja ħa niħduk malajr sa Toledo biex tiskopri kif l-​artiġjani t’hemmhekk għadhom jipprattikaw din is-​sengħa.

Hekk kif tgħaddi mit-​toroq dojoq u mserrpin taʼ Toledo l-​antika, faċli timmaġina li mort lura fiż-​żminijiet medjevali. U malajr tiskopri li l-​arti taʼ l-​iddamaskar ma ntilfitx. Tinnota li fil-​vetrini tal-​ħwienet tistaʼ tara varjetà sħiħa t’oġġetti damaskati, bħalma huma labar, brazzuletti, labar taʼ l-​ingravata, buttuni tal-​pulzieri tal-​qomos, kaxxi żgħar, ħoloq, imsielet, u platti ornamentali. Iktar minn hekk, f’xi ħwienet tistaʼ saħansitra toqgħod tara lill-​artiġjani tradizzjonali li bis-​sengħa jiġbdu l-​ħajta tad-​deheb b’id waħda filwaqt li bl-​oħra jsammruha ġol-​metall b’puntell taʼ l-​azzar. Dan hu l-​mod kif il-​fil tad-​deheb jiġi intarsjat ġo l-​azzar, u dan hu bażikament dak li tinvolvi l-​arti taʼ l-​iddamaskar.

Teknika li Tinvolvi Ħafna Xogħol

Hekk kif tersaq viċin, tinnota li l-​artiġjan għandu ħafna folji tal-​metall maqtugħin f’diversi forom u daqsijiet. Hu jagħżel folja tonda u jibda l-​ewwel proċess, il-​ħżuż. Dan jinvolvi l-​ifformar tad-​disinn permezz taʼ ħżuż irqaq fuq il-​wiċċ tal-​metall, u għal dan l-​artiġjan juża l-​burin, biċċa għodda taʼ l-​azzar jaqtaʼ, magħmula minn azzar iebes. Bil-​burin l-​artiġjan jagħmel skeċċ tad-​disinn li jixtieq joħroġ.

Wara li jtemm dan l-​ewwel pass, l-​artiġjan ipoġġi l-​folja tal-​metall fuq biċċa injama miksija bi speċi taʼ lastku. Dan iżomm il-​folja f’postha għall-​proċess li jmiss.

Issa jibda l-​proċess taʼ l-​intarsjar. Bil-​ħajta tad-​deheb f’id waħda, l-​artiġjan isammarha bil-​mod bil-​puntell ġol-​folja tal-​metall sakemm id-​disinn kollu jkun lest. Issa l-​folja tinkesa b’sinjali arabeski attraenti, disinji ġeometriċi, għasafar, u fjuri, jew saħansitra xi panorama tal-​belt l-​antika taʼ Toledo. Xi artiġjani jħalltu għadd minn dawn id-​disinji fi stampa waħda.

Il-pass li jmiss hu t-​twaħħil, li jirrikjedi puntell eħxen. B’daqqiet preċiżi tal-​puntell, l-​artiġjan itemm it-​twaħħil tal-​fil tad-​deheb ġol-​ħżuż fil-​wiċċ taʼ l-​azzar.

Id-disinji elaborati jiġu enfasizzati bil-​proċess li jmiss, li jissejjaħ “bluing.” Il-​folja tiġi mgħaddsa f’banju taʼ soda kawstika u nitrat tal-​potassju f’temperatura taʼ 800°C. Dan il-​proċess iħallat il-​metall taʼ taħt maʼ l-​ossiġnu u jagħtih kulur iswed karg. Dan il-​wiċċ tal-​metall taʼ taħt​—issa qisu biċċa drapp tal-​bellus sewda—jagħmel kuntrast qawwi mad-​disinji tad-​deheb, ħaġa li tikkaratterizza l-​arti taʼ l-​iddamaskar.

Bħala l-​aħħar pass, l-​artiġjan inaqqax u jillostra ddisinji li jżejnu l-​folja. Bit-​tinqix, l-​istampi tad-​deheb jieħdu l-​ħajja. L-​irqaqat kollha, bħar-​rix taʼ għasfur jew il-​petali taʼ fjura, jieħdu l-​forma. Imbagħad l-​artiġjanat jiġi llostrat b’ħaġra prezzjuża jgħidulha agata, u dan jagħti lill-​fil tad-​deheb lewn ileqq li jagħmel kuntrast qawwi maʼ l-​isfond iswed karg. Fl-​aħħar, titfaċċa stampa tlellex!

Il-kwalitajiet uniċi taʼ l-​oġġetti taʼ l-​iddamaskar jagħtu kredtu lill-​ħafna artiġjani li, matul is-​sekli, baqgħu jżommu ħajja din is-​sengħa antika. Grazzi għall-​isforzi tagħhom, illum nistgħu nitgħaxxqu b’dawn id-​disinji sbieħ tad-​deheb u l-​fidda fuq l-​azzar.

[Stampa f’paġna 16]

Taljakarti għamla taʼ sejf bid-​disinn

[Stampa f’paġna 17]

Toledo, Spanja

[Stampa f’paġna 17]

Imsielet

[Stampa f’paġna 17]

Pendent

[Stampa f’paġna 17]

Kaxxa tal-​ġojjelli antika

[Stampa f’paġna 18]

Ħżuż

Intarsjar

Twaħħil

Bluing

Tinqix

Illostrar

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 16]

Ir-​ritratti kollha: Agustín Sancho

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 17]

L-​irkejjen tal-​paġna, il-​pendent, u l-​kaxxa tal-​ġojjelli: Agustín Sancho

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja