LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g05 1/8 pp. 15-17
  • Żjara Memorabbli fil-Kratier taʼ Ngorongoro

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Żjara Memorabbli fil-Kratier taʼ Ngorongoro
  • Stenbaħ!—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Veduta li Tħallik bla Kliem
  • L-​Annimali Salvaġġi fil-​Kratier
  • Vjaġġ Spettakolari
    Stenbaħ!—2003
Stenbaħ!—2005
g05 1/8 pp. 15-17

Żjara Memorabbli fil-​Kratier taʼ Ngorongoro

Minn kittieb għal Stenbaħ! fit-​Tanzanija

“LI KIEKU l-​anġli ħadu r-​ritratti fil-​Ġnien taʼ l-​Għeden, ir-​ritratti tagħhom taʼ l-​annimali salvaġġi ma kinux ikunu wisq differenti minn dawk li wieħed jistaʼ jieħu llum fil-​Kratier taʼ Ngorongoro.” Hekk kiteb Reinhard Künkel fil-​ktieb tiegħu dwar dan il-​post affaxxinanti fit-​Tanzanija. Il-​Kratier taʼ Ngorongoro huwa tabilħaqq post mill-​isbaħ, u mimli b’eluf t’annimali salvaġġi. Ejja magħna ħa tgawdi x-​xeni sbieħ!

Veduta li Tħallik bla Kliem

Wara li vvjaġġajna bil-​karozza għal erbaʼ sigħat f’toroq bla asfalt, kollha trab, fl-​aħħar wasalna fix-​xifer tal-​Kratier Ngorongoro. Morna fil-​gallerija tal-​lukanda biex nitpaxxew bil-​veduta meraviljuża. Il-​panorama li dehret quddiemna kienet verament unika. L-​istudjużi tan-​natura saħansitra sejħu dan il-​post “it-​tmien meravilja tad-​dinja,” u nistgħu nifhmu għala.

Minfejn ġie l-​isem Ngorongoro? Ħadd m’hu ċert. Skond il-​Korporazzjoni fl-​Afrika tal-​Lvant għall-​Ħarsien taʼ l-​Ambjent, xi wħud jgħidu li Ngorongoro kien l-​isem taʼ raġel Masaj li kien jgħix fil-​kratier u li kien jagħmel il-​qniepen taʼ m’għonq il-​baqar. Oħrajn isostnu li l-​isem ġie minn grupp taʼ gwerriera qalbenin Datogo li ġew megħluba mill-​Masaj wara battalja fil-​kratier 150 sena ilu. Iżda, f’daqqa waħda, l-​oriġini taʼ l-​isem issir irrilevanti x’ħin nilmħu xi żebri jirgħu ħdejn il-​post fejn jipparkjaw il-​vetturi. X’ħin irkibna l-​karozza, ersaqna qribhom ħafna, imma huma qishom lanqas biss indunaw bina. Soqna ’l isfel lejn qiegħ il-​kratier biex niskopru iżjed annimali salvaġġi.

Il-​kratier jinsab 2,236 metru ogħla mil-​livell tal-​baħar u huwa l-​akbar bokka sħiħa taʼ vulkan fid-​dinja. Hu wiesaʼ 19.2 kilometri min-​naħa għall-​oħra u għandu medda taʼ 304 kilometri kwadri. Aħna nżilna bil-​mod mal-​ġenb tal-​kratier, għoli taʼ 610 metri, b’rasna ’l barra mit-​tieqa tal-​karozza biex inkunu nistgħu niġbdu r-​ritratti. X’ħin konna fix-​xifer taʼ fuq, l-​arja taʼ fil-​għodu kienet friska u xotta. Iżda, ġol-​kratier skantajna kemm kien hemm sħana.

Hekk kif ix-​xufier dawwarna bil-​mod ġol-​kratier, għaddejna minn ħdejn għadira żgħira taʼ l-​ilma mielaħ li kienet mimlija bil-​flamingos. Għalkemm issa x-​xifer tal-​kratier kien ’il bogħod, stajna narawh ċar fl-​isfond blu tas-​sema, u hekk kif smajna l-​għajat taż-​żebri u taʼ l-​għażżiela taʼ l-​Afrika (wildebeests) flimkien maʼ ħsejjes eżotiċi oħra, ma stajniex ma nħossuniex emozzjonati. Tabilħaqq, din hi Ġenna taʼ l-​art!

L-​Annimali Salvaġġi fil-​Kratier

Fil-​Kratier taʼ Ngorongoro stennejna li se naraw bufli, iljunfanti, żebri, għażżiela taʼ l-​Afrika, ċriev, rinoċeronti suwed, u xadini vervet, u ma konniex diżappuntati. Predaturi bħal-​leopardi taʼ l-​Afrika (cheetahs), il-​jeni, ix-​xakalli, u l-​iljuni bix-​xuxa sewda wkoll kienu qed iħufu. F’għadira żgħira kien hemm l-​ippopotami fl-​ilma biex jiffriskaw. Ma dehrux li jiddejqu jippożaw għar-​ritratt.

F’daqqa waħda x-​xufier waqqaf il-​karozza! Ipponta sebgħu lejn rinoċeronte iswed li kien għaddej ftit metri ’l bogħod minna. Ir-​rinoċeronte l-​iswed iħossu komdu fil-​kratier, u hija opportunità unika li tara wieħed minnhom daqshekk mill-​viċin fl-​ambjent naturali tiegħu. Dawn il-​bhejjem li jqanqlu l-​biżaʼ saru kważi estinti; l-​għadd tagħhom fil-​kratier ġie kalkulat li hu inqas minn 20. Kaċċaturi illegali nqabdu joqtlu r-​rinoċeronti għall-​qrun tagħhom, li jinbiegħu illegalment u jintużaw biex jagħmlu l-​mankijiet taʼ l-​istalletti u għall-​mediċina. Irġiel apposta jgħassu regolarment il-​kratier biex jipproteġu l-​annimali mill-​kaċċaturi illegali.

Min iħobb l-​għasafar jistaʼ jistenna li jara varjetà kbira minn dawn il-​ħlejjaq sbieħ bil-​ġwienaħ, inkluż ngħam, kori bustards, graw, agretti, irsieset, secretary birds, red-billed oxpeckers, u numru kbir taʼ tip taʼ flamingos. Fil-​kratier issib iktar minn mitt speċi t’għasafar li ma jinstabux fis-​Serengeti National Park li jinsab fil-​qrib. Hemm speċi tat-​tektieka tas-​siġar, l-​apalis taʼ sidru isfar, il-​brubrus, u l-​paradise flycatchers. Għandek mnejn tara r-​rosy-breasted longclaw fil-​ħaxix twil, u tilmaħ ukoll il-​Cape rook li huwa għasfur rari.

Għalkemm il-​biċċa l-​kbira mill-​annimali jinjoraw il-​preżenza tagħna, aħna xorta jkollna nibqgħu fil-​karozza. Iżda, il-​poplu Masaj, li jgħix eżatt barra mill-​kratier f’għerejjex tradizzjonali tat-​tajn b’soqfa tal-​ħaxix, jistgħu jduru fil-​kratier bl-​imrieħel tagħhom. Donnu li huma ġew aċċettati mill-​annimali salvaġġi.

Il-ġmiel u t-​trankwillità tal-​Kratier taʼ Ngorongoro huma tabilħaqq straordinarji u jimlewna b’sens taʼ riverenza profonda. Iż-​żjara tagħna kienet esperjenza memorabbli.

[Stampa f’paġna 15]

Rinoċeronte

[Stampa f’paġna 15]

Rgħajja Masaj f’xifer il-​kratier

[Stampa f’paġna 15]

Mara Masaj

[Stampa f’paġna 16]

Leopardi taʼ l-​Afrika (“cheetahs”)

[Stampa f’paġna 16]

Grawwa bl-​għalla

[Stampa f’paġna 16]

Flamingos

[Stampa f’paġna 16]

Ippopotamu

[Stampa f’paġna 16, 17]

Il-​Kratier taʼ Ngorongoro

[Stampa f’paġna 17]

Żebri

[Stampa f’paġna 17]

Buflu

[Stampa f’paġna 17]

Iljunfanti

[Stampa f’paġna 17]

Xadina “vervet”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja