LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g04 11/8 pp. 28-29
  • Ħarsa Lejn id-Dinja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħarsa Lejn id-Dinja
  • Stenbaħ!—2004
  • Sottitli
  • Moħħna Mgħobbi Żżejjed?
  • Instabu Speċi Ġodda taʼ Ħut
  • Stress fil-​Waiting Room
  • Konfużi dwar it-​Tajjeb u l-​Ħażin
  • L-​Epsom Salts Isalva lin-​Nisa fit-​Tqala
  • X’Qed Jieklu l-​Adoloxxenti
  • It-​TV u l-​Iżvilupp Mentali tat-​Trabi
  • It-​Twelid fil-​Britannja
Stenbaħ!—2004
g04 11/8 pp. 28-29

Ħarsa Lejn id-​Dinja

Moħħna Mgħobbi Żżejjed?

Xi riċerkaturi jgħidu li “meta tagħmel ħafna affarijiet f’daqqa, tkun qed tgħabbi moħħok iżżejjed,” tirrapporta l-​gazzetta Toronto Star tal-​Kanada. L-​istudji jissuġġerixxu li meta tagħmel ħafna affarijiet f’daqqa, dan jistaʼ jwasslek biex tkun inqas effiċjenti, tieħu iktar żbalji, u saħansitra tistaʼ timrad. Per eżempju, jistaʼ jiġri li dan “idgħajjiflek il-​memorja, jikkaġuna wġigħ fid-​dahar, jagħmlek suġġett għall-​influwenza u l-​indiġestjoni u saħansitra jikkaġunalek uġigħ fis-​snien u l-​ħniek.” Studji mill-​Istituti Nazzjonali tas-​Saħħa fl-​Istati Uniti juru li meta bniedem jagħmel biċċa xogħol, ikun qed iħaddem partijiet differenti taʼ moħħu. Iżda meta jipprova jagħmel iktar minn ħaġa waħda f’daqqa, bħal li jitkellem fuq it-​telefon ċellulari waqt li jkun qed isuq karozza, “moħħu jibda jieqaf,” jgħid it-​tabib John Sladky, newrologu fl-​Università taʼ Emory. “Il-​moħħ mhux biss ma jistax jagħmel dan, iżda saħansitra jirrifjuta li jagħmlu.” Skond ir-​riċerkaturi, in-​nies għandhom jieħdu l-​affarijiet bil-​mod u jaċċettaw il-​fatt li moħħhom ma jistax jagħmel kulma jriduh jagħmel.

Instabu Speċi Ġodda taʼ Ħut

Dan l-​aħħar, xjenzati li kienu qed jistudjaw id-​daħla tax-​Xmara Kawra fil-​Venezwela ħabbru “l-​iskoperta taʼ għaxar speċi ġodda taʼ ħut.” Dawn jinkludu ħuta żgħira ħafna “b’denbha lewn id-​demm,” “ħuta, it-​tip tal-​lampuka, b’għalla taʼ ħjut fuq rasha,” u “pirana li tiekol il-​frott kif ukoll il-​laħam,” tgħid il-​gazzetta El Universal taʼ Venezwela. Din iż-​żona taʼ foresti tropikali u xmajjar, li għadha kważi intatta, ġiet deskritta bħala waħda mill-​iktar postijiet sinjuri tad-​dinja fejn issib varjetà kbira taʼ ħlejjaq ħajjin. Ix-​xjenzati qed jitolbu bil-​ħniena lill-​gvern biex jipproteġi din iż-​żona, li hi mhedda mill-​agrikultura, is-​sajd, proġetti taʼ bini taʼ djar, tħaffir taʼ minjieri, u x’aktarx anki proġetti biex jipproduċu l-​elettriku permezz tal-​forza taʼ l-​ilma.

Stress fil-​Waiting Room

“Pazjenti Ġermaniżi jkollhom jistennew fil-​waiting room madwar 48 minuta qabel ma jsejħulhom biex jarahom it-​tabib. Xi wħud ġieli jistennew ħafna iżjed,” tgħid ir-​rivista Psychologie Heute. Studju reċenti mill-​Istitut għall-​Analisi, il-​Konsultazzjoni, u l-​Iżvilupp Strateġiku fit-​Tmexxija tan-​Negozju dwar il-​kliniċi taʼ 610 tobba juri “kemm il-​pazjenti huma mdejqin b’din is-​sitwazzjoni.” Fi kliniċi fejn it-​tobba ma pprovawx jirmedjaw is-​sitwazzjoni, “l-​għadd taʼ pazjenti regulari naqas b’19 fil-​mija fi żmien sena,” jgħid ir-​rapport. Il-​livell taʼ l-​istress kien għoli ħafna kemm għat-​tobba u kemm għall-​assistenti tagħhom fi kliniċi fejn kien hemm numru kbir taʼ nies, u l-​effiċjenza fix-​xogħol kienet terz inqas. Iktar minn hekk, l-​assistenti kienu jagħmlu żbalji d-​doppju.

Konfużi dwar it-​Tajjeb u l-​Ħażin

“Kważi wieħed minn kull erbaʼ Awstraljani ammetta li ġieli seraq affarijiet minn fuq il-​post tax-​xogħol,” tgħid The Sun-Herald taʼ Sydney. Stħarriġ li sar lil iktar minn 2,000 ħaddiem fl-​uffiċini wera li drawwiet komuni fil-​postijiet tax-​xogħol kienu jinkludu wkoll il-​ksib taʼ informazzjoni persunali dwar sħabhom, l-​użu taʼ l-​Internet għal raġunijiet persunali waqt il-​ħin tax-​xogħol, id-​dħul bla permess taʼ programmi fil-​kompjuters tax-​xogħol, u programmi taʼ l-​uffiċċju li jittieħdu biex jintużaw id-​dar. “Jidher ċar li hemm ħafna nies li huma konfużi dwar x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin,” jgħid Garie Dooley, li ħa ħsieb l-​istħarriġ.

L-​Epsom Salts Isalva lin-​Nisa fit-​Tqala

Kura sempliċi u rħisa bl-​użu taʼ taħlita bis-​sulfat tal-​manjesja (Epsom salts) tistaʼ tnaqqas bin-​nofs iċ-​ċans li fit-​tqala n-​nisa jiżviluppaw komplikazzjoni li tistaʼ tkun fatali, tispjega The Times taʼ Londra. L-​eklampsja, għamla perikoluża taʼ pressjoni għolja fid-​demm li tikkaġuna aċċessjonijiet, toqtol iktar minn 50,000 mara tqila u t-​tarbija tagħha kull sena madwar id-​dinja. Għalkemm is-​sulfat tal-​manjesja, fid-​drip jew f’injezzjonijiet, ilu jintuża għal snin sħaħ fl-​Istati Uniti għal kontra l-​pre-eklampsja, li tistaʼ tiżviluppa f’eklampsja jekk ma tiġix ikkurata, il-​kura ma tantx tintuża f’ħafna pajjiżi oħra. Għaldaqstant, grupp taʼ tobba internazzjonali mill-​Istitut għax-​Xjenzi tas-​Saħħa f’Oxford l-​Ingilterra, “iddeċieda li jittestja l-​benefiċċji taʼ l-​Epsom salts billi għamel prova fuq 10,000 mara fi 33 pajjiż,” tgħid The Times. ‘Wara tliet snin il-​prova twaqqfet qabel, meta sar evidenti kemm kienet effettiva l-​kura: l-​użu tas-​sulfat tal-​manjesja min-​nisa bil-​pre-eklampsja naqqas ir-​riskju li tagħtihom xi aċċessjoni bi 58 fil-​mija. Naqqas ir-​riskju tal-​mewt b’45 fil-​mija.’ Il-​kura “tiswa biss £3 (Lm2) kull mara, u b’hekk . . . jistgħu jaffordjawha anki nisa minn pajjiżi li qed jiżviluppaw.”

X’Qed Jieklu l-​Adoloxxenti

“Numru allarmanti taʼ bniet adoloxxenti li għadhom imorru l-​iskola m’humiex jieklu minħabba l-​ansjetà dwar il-​figura tagħhom u għax iridu jkunu bħall-​mudelli u n-​nisa popolari,” tgħid id-​Daily Telegraph taʼ Londra. Studju mid-​Dipartiment taʼ l-​Edukazzjoni dwar is-​Saħħa fl-​Iskejjel Britanniċi dwar x’qed jieklu 300,000 student wera li iktar minn 40 fil-​mija tal-​bniet bejn l-​14 u l-​15-il sena “kienu jmorru l-​iskola mingħajr kolazzjon. Imqabbel maʼ informazzjoni li ttieħdet fl-​1984, in-​numru taʼ bniet li jitilqu mid-​dar mingħajr ma jieklu kien kważi rdoppja.” In-​numru taʼ wħud li ma jiklux f’nofsinhar ukoll żdied, minn 2 fil-​mija fl-​1984 għal 18 fil-​mija fl-​2001. Minħabba li hemm il-​periklu serju li l-​istudenti jiżviluppaw disturbi konnessi maʼ l-​ikel bħall-​anoreksja u l-​bulimja, il-​kapijiet taʼ l-​iskejjel tal-​bniet qed jiġu mitluba biex jiċċekkjaw il-​piż taʼ l-​istudenti tagħhom. Is-​subien ukoll qed juru iżjed interess fid-​dieta. Fosthom, 31 fil-​mija minn dawk li għandhom 12 u 13-il sena u 25 fil-​mija minn dawk bejn l-​14 u l-​15 iridu jonqsu; il-​persentaġġ qabel kien 26 fil-​mija u 21 fil-​mija rispettivament.

It-​TV u l-​Iżvilupp Mentali tat-​Trabi

Tobba mill-​Assoċjazzjoni Pedjatrika fil-​Ġappun jgħidu li t-​tfal li jaraw it-​TV għal ħinijiet twal għandhom iktar ċans li jsibuha diffiċli biex jikkomunikaw, tirrapporta l-​Mainichi Daily News. Il-​problemi jinkludu li jkunu inqas kapaċi li jiftakru l-​kliem, li jżommu kuntatt bl-​għajnejn mal-​ġenituri, u li jifformaw relazzjonijiet maʼ nies oħrajn. “Sitwazzjonijiet fejn it-​tfal iqattgħu inqas ħin jilagħbu mal-​ġenituri tagħhom u jilagħbu barra jistgħu jfixkluhom milli jiżviluppaw sew mentalment,” jgħid Hiromi Utsumi, membru taʼ l-​Assoċjazzjoni. L-​Assoċjazzjoni tirrikkmanda lill-​“ġenituri biex jitfu t-​TV f’ħin l-​ikel u x’ħin l-​ommijiet ikunu qed ireddgħu lit-​trabi tagħhom, u li ma jpoġġux it-​TV, il-​vidjo player, u l-​kompjuter fil-​kmamar tat-​tfal,” jgħid ir-​rapport, waqt li jżid jgħid li l-​komunikazzjoni tjiebet “wara li l-​ġenituri segwew il-​parir tat-​tobba u ma ħallewx lit-​tfal jaraw it-​TV u l-​vidjos.”

It-​Twelid fil-​Britannja

“Għall-​ewwel darba, fil-​Britannja qed jitwieldu inqas trabi permezz taʼ twelid naturali, u dan jindika żvilupp ġdid fl-​istorja tal-​mediċina,” tirrapporta The Independent taʼ Londra. Figuri pubblikati mid-​Dipartiment tas-​Saħħa fil-​Britannja għas-​sena 2001-2002 juru li 45 fil-​mija biss mill-​ommijiet wildu mingħajr xi tip taʼ intervent mediku. Iċ-​Ċesarji żdiedu minn 9 fil-​mija fl-​1980 għal 22.3 fil-​mija fl-​2001-2002. Din il-​figura laħqet is-​56 fil-​mija f’sala tal-​maternità minnhom. “Iktar u iktar nisa qed jixtiequ li ssirilhom Ċesarja,” jgħid Peter Bowen Simpkins mill-​Kulleġġ Irjali taʼ l-​Ostetriċi fil-​Britannja. “Nisa professjonisti . . . jridu jidħlu jixtru t-​tarbija f’data partikulari. . . . Iċ-​Ċesarji saru meqjusin bħala li huma inqas riskjużi. Iżda l-​verità hi li ċ-​Ċesarji, bla dubju, jinvolvu iżjed riskju taʼ mard.” Ir-​riċerkaturi jwissu wkoll li l-​ommijiet li jixtru l-​ewwel tarbija tagħhom permezz taʼ Ċesarja jkollhom iktar diffikultà jerġgħu joħorġu tqal u inqas għandhom ċans li jixtru t-​tieni tarbija tagħhom permezz taʼ ħlas naturali.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja