LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g04 9/8 pp. 14-15
  • L-Iżgħar Kelb fid-Dinja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Iżgħar Kelb fid-Dinja
  • Stenbaħ!—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Oriġini taċ-​Chihuahua
  • Meta Trabbi Chihuahua
  • Kif Tgħallem lill-Kelb Tiegħek
    Stenbaħ!—2004
  • Qatt Rajt Xoloitzcuintli?
    Stenbaħ!—2001
  • Bħal Raġġi tal-Qamar tal-Kristall
    Stenbaħ!—2003
  • L-Annimali—Għotja Mingħand Alla
    Stenbaħ!—2004
Stenbaħ!—2004
g04 9/8 pp. 14-15

L-​Iżgħar Kelb fid-​Dinja

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIL-​MESSIKU

QED tfittex ħabib li jżommlok kumpanija, li hu ferrieħi u fuq tiegħu, madankollu kuntent li joqgħod bil-​qiegħda f’ħoġrok jew ħdejk waqt li tkun qed taqra? Ħabib li jiekol ftit, li għandu bżonn ftit spazju, u li m’għandikx għalfejn toħorġu kuljum biex jagħmel l-​eżerċizzju? Jekk inhu hekk, għandek mnejn tieħu gost b’Chihuahua, l-​iżgħar razza taʼ klieb magħrufa fid-​dinja.a

Il-klieb taċ-​Chihuahua huma klieb taʼ l-​għassa tajbin, għax jekk jisimgħu xi ħoss jaqbdu jinbħu. Fil-​fatt, il-​klieb Chihuahua huma kuraġġużi. Ma jibżgħu xejn minn klieb akbar.

Iċ-Chihuahua jintgħaraf għax rasu tonda ħafna, għajnejh ileqqu u huma mbegħdin ħafna minn xulxin, widnejh weqfin li jinżlu fil-​ġenb meta jkun rieqed, u għandu espressjoni taʼ mqareb. Dawn il-​klieb jistaʼ jkollhom pil ħafif jew twil ileqq, u ftit minnhom jistgħu jkunu ħomor, sofor, blu, jew kulur iċ-​ċikkulata, taʼ kulur wieħed, b’xi disinji fuq il-​pil, jew b’iktar minn kulur wieħed. Karatteristika unika taʼ bosta ġriewi taċ-​Chihuahua hi r-​roqgħa ratba fuq il-​qorriegħa taʼ rashom li tixbah lil dik taʼ tarbija tat-​twelid.

L-​Oriġini taċ-​Chihuahua

Filwaqt li hemm teoriji differenti dwar l-​oriġini taċ-​Chihuahua bħala razza, jidher li dawn il-​klieb ġejjin minn kelb żgħir ieħor jismu Techichi. Il-​klieb kienu jrabbuhom it-​Tolteki, nies mill-​Messiku li kienu jgħixu fis-​seklu disgħa E.K. Evidenza taʼ din l-​oriġini tidher f’monasterju f’Huejotzingo li kien mibni minn patrijiet Franġiskani b’ġebel mill-​piramidi taʼ Cholula. Fuq dan il-​ġebel hemm tinqix antik li jixbah ħafna liċ-​Chihuahua taʼ llum.

Iktar tard, l-​Azteki għelbu lit-​Tolteki, u l-​kbarat tagħhom għażlu lil dawn il-​klieb żgħar, b’mod partikulari dawk taʼ lewn blu, bħala oġġetti taʼ qima. Jintqal li dawn il-​klieb kienu jiggwidaw l-​ispirti tal-​mejtin fil-​vjaġġ tagħhom lejn id-​dinja taʼ taħt l-​art. Montezuma II, l-​aħħar imperatur taʼ l-​Azteki, kien iħobbhom ħafna l-​klieb Chihuahua. Jintqal li kellu mijiet minnhom u kull wieħed kellu qaddej biex jieħu ħsiebu. Instabu skeletri taʼ dawn il-​klieb f’xi oqbra taʼ bnedmin fil-​fruntiera bejn il-​Messiku u l-​Amerika.

Ir-riċerka li għamlet Thelma Gray, kittieba taʼ l-​istorja u esperta tal-​klieb Chihuahua, ġagħlitha temmen li r-​razza taʼ klieb li kellhom l-​Azteki kienet imħallta maʼ razza taʼ klieb żgħar tat-​tip terjer li kienu ġabu magħhom il-​konkwistaturi Spanjoli. B’hekk, kien possibbli li jkun hawn ir-​razza taʼ Chihuahua iżgħar li għandna llum. Dan il-​kelb jissejjaħ Chihuahua għax f’nofs is-​seklu 18, dawk li kienu qed jivvjaġġaw mill-​Amerika għall-​Messiku skoprew din ir-​razza fl-​istat taʼ Chihuahua u ħadu dawn il-​klieb lura magħhom lejn l-​Istati Uniti. Madwar l-​istess żmien, Carlotta, il-​mara taʼ l-​Imperatur Massimiljanu tal-​Messiku, għenet biex iċ-​Chihuahua jsir magħruf mad-​dinja kollha billi ħadet din ir-​razza taʼ klieb magħha fl-​Ewropa.

Meta Trabbi Chihuahua

Iċ-​Chihuahua huwa kelb tad-​dar, ideali biex jgħix f’xi appartament jew biex joqgħod max-​xjuħ jew il-​ħandikappati jew maʼ min ma jistax joħroġ mid-​dar. Dawn il-​klieb jitgħaxxqu b’ħafna attenzjoni u kuntatt man-​nies. Minkejja dan, ladarba huma daqshekk żgħar, għandhom jittieħdu xi prekawzjonijiet. Jistgħu jweġġgħu serjament jew imutu jekk xi ħadd jirfishom jew ipoġġi fuqhom bi żball, jew jekk jagħfashom ħafna. M’għandhomx jitħallew waħedhom f’xi post għoli, bħal fuq is-​sodda jew fuq is-​sufan, għax dawn il-​klieb ma jafux jikkalkulaw l-​għoli u jistgħu faċilment jaqbżu u jiksru xi għadma. Minħabba dawn ir-​raġunijiet, iċ-​Chihuahua m’huwiex rikkmandat bħala annimal domestiku għal tfal żgħar ħafna.

Madankollu, iċ-​Chihuahua huwa b’saħħtu iktar milli taħseb. Fil-​fatt, huma razza taʼ klieb li jgħixu ħafna, anki sa 20 sena. Dan il-​kelb huwa enerġetiku u jħobb jilgħab, madankollu jistaʼ jagħmel l-​eżerċizzju kollu li għandu bżonn mill-​qbiż li jaqbeż meta jkun qed jilgħab bil-​ġugarelli tiegħu. Għalhekk, ladarba jaħraq il-​kaloriji iktar malajr minn klieb akbar u għandu wkoll sistema diġestiva żgħira, iċ-​Chihuahua jistaʼ jbati faċilment minn nuqqas taʼ zokkor fid-​demm. Minħabba dan, għandu bżonn jiekol ikliet żgħar taʼ spiss u għandu bżonn ħafna mistrieħ. Dawn il-​klieb jitriegħdu ħafna imma din hi ħaġa normali f’din ir-​razza. Fil-​fatt, iċ-​Chihuahua jitriegħed meta jkun eċċitat, ansjuż, imdejjaq, jew imbeżżaʼ—mhux biss meta jkun qed iħoss il-​bard.

Iċ-Chihuahua huwa kelb leali, dejjem lest li jferrħek, u tistaʼ tgħallmu faċilment. Skond il-​ktieb A New Owner’s Guide to Chihuahuas, “jekk int lest li tieħu r-​responsabbiltà biex trabbi Chihuahua, ma tantx hemm razez taʼ klieb oħra li huma daqshekk fuq ruħhom, taʼ min iħobbhom, u li jaddattaw malajr.” Ħafna nies sabu li ċ-​Chihuahua, għalkemm żgħir fid-​daqs huwa ħabib kbir.

[Nota taʼ taħt]

a Iċ-Chihuahua huwa l-​uniku kelb tal-​but taʼ razza “pura,” jiġifieri, l-​uniku kelb żgħir li m’huwiex imnissel minn klieb akbar taʼ l-​istess razza.

[Stampa f’paġna 15]

Qattus żgħir u ġeru taċ-​Chihuahua

[Sors]

© Tim Davis/CORBIS

[Stampa f’paġna 15]

Chihuahua adult

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja