Ħarsa Lejn id-Dinja
Il-Kontroll tal-Popolazzjoni—Problema fil-Ġonna Żooloġiċi
“Illum ebda żu maʼ jistaʼ jkampa mingħajr il-kontraċezzjoni,” jgħid Henning Wiesner, iż-żoologu prinċipali fiż-Żu taʼ Hellabrunn ġo Munich. L-annimali f’ġonna żooloġiċi jirriproduċu b’mod mgħaġġel, in-nisel tagħhom jiffjorixxi, u għandhom it-tendenza li jgħixu iktar minn annimali oħrajn li jgħixu fl-ambjent naturali. Imma l-post fil-ġonna żooloġiċi hu limitat. Għalhekk hemm il-bżonn taʼ kontraċettivi. Madankollu, “l-ippjanar tal-familja fil-ġonna żooloġiċi għandu ostaklu. L-annimali ma jriduhx,” tgħid ir-rivista Ġermaniża Focus. Per eżempju, l-orsijiet ixommu l-kontraċettivi moħbijin fl-ikel tagħhom u jneħħuhom. F’ċerti annimali, il-kontraċettivi orali jistgħu wkoll jikkaġunaw problemi taʼ saħħa, bħall-kanċer tas-sider. Għażliet oħra huma l-kastrazzjoni u l-isterilizzazzjoni, imma dawn joħolqu problemi ġodda. Problema waħda hi li huma permanenti u forsi jkun hemm bżonn taʼ nisel fil-futur. It-tieni, annimali msewwijin ma jibqgħux jipproduċu ormoni sesswali, bidla li tistaʼ tipperikola l-istat soċjali tagħhom fost annimali oħra bħalhom. Għażla oħra hi li joqtlu liż-żgħar li ma jridux—imma dan jirrabja lil ħafna wħud li jħobbu l-annimali u lil gruppi li jipproteġuhom. Għalhekk, il-ġonna żooloġiċi qed jiffaċċjaw problema serja.
Skart Elettroniku
Madwar 155,000 tunnellata taʼ skart elettroniku ntrema mill-Kanadiżi fis-sena 2002, tgħid il-gazzetta Kanadiża National Post. Skond rapport mill-Environment Canada (Ambjent tal-Kanada), il-Kanadiżi rmew “madwar żewġ miljuni settijiet tat-televixin, 1.1 miljun vidjo plejers u 348,000 CD plejers—ħafna minnhom ġew skartati wara biss ftit snin t’użu.” Affarijiet elettroniċi “spiss jintremew għax ma jkunux għadhom bżonnjużi għal min kien jużahom, mhux għax huma mkissrin,” jgħid ir-rapport. Ħafna minn dan l-iskart jistaʼ jkun taʼ periklu. Per eżempju, televixin wieħed biss “jistaʼ jkun fih sa żewġ kilogrammi ċomb,” tgħid il-Post. U l-merkurju, li jinsab f’ċerti screens, issa qed jikkontamina l-postijiet fejn jintrema l-iskart. B’din ir-rata, l-iskart elettroniku se jirdoppja sa l-2010, iwissi l-Environment Canada.
Katastrofi Globali tas-Saħħa
Id-dinja riesqa lejn “waħda mill-akbar katastrofi tas-saħħa” li qatt rat, minħabba żjieda allarmanti fid-dijabete, iwissi l-Professur Sir George Alberti tal-Britannja, il-president tal-Federazzjoni Internazzjonali tad-Dijabete (IDF). Skond il-figuri taʼ l-IDF, iktar minn 300 miljun persuna madwar id-dinja għandhom problema għax ġisimhom ma jħaddimx iz-zokkor kif suppost u din spiss twassal għad-dijabete, tirrapporta l-gazzetta Britannika Guardian. Id-dijabete tat-tieni tip, li darba kienet teffettwa l-iktar lin-nies kbar fl-età, issa qed teffettwa liż-żgħażagħ fil-Britannja li qed ibatu minn piż żejjed minħabba dieta taʼ junk food u nuqqas t’eżerċizzju. “L-akbar frustrazzjoni hi li ħafna minn dan [jiġifieri, id-dijabete u l-effetti tagħha] jistaʼ jiġi evitat jekk in-nies joqogħdu attenti għall-istil taʼ ħajjithom,” jgħid Alberti. Jekk jadottaw “id-dieta perikoluża għas-saħħa u l-istil taʼ ħajja fil-bliet tal-pajjiżi iktar sinjuri,” tikkummenta The Guardian, pajjiżi li qed jiżviluppaw jistgħu wkoll jaraw żjieda fl-għadd taʼ wħud bid-dijabete.
Franza Esperjenzat Sħana Kbira
Matul l-ewwel 12-il ġurnata t’Awissu tas-sena 2003, it-temperatura fi Franza tant telgħet li kisret ir-rekord. Minn mindu ilha tiġi mkejla t-temperatura fl-1873—Pariġi qatt ma kienet esperjenzat sajf jaħraq bħal dan. “Skond [is-servizzi meteoroloġiċi taʼ Franza], dan il-perijodu taʼ sħana mhux normali kien l-iktar esperjenza qawwija u fit-tul li qatt għaddiet minnha din il-belt,” tirrapporta r-rivista dwar in-natura Terre sauvage. F’xahrejn biss, glaċier fil-Pirinej, fuq il-fruntiera tan-nofsinhar taʼ Franza, naqas b’xi 50 metru. “F’150 sena d-daqs totali tal-wiċċ tal-glaċieri fil-Pirinej naqas minn bejn 25 u 30 kilometru kwadru għal 5 kilometri kwadri,” qal il-glaċjoloġist Pierre René. Hija din evidenza taʼ sħana globali? L-esperti ma jaqblux bejniethom. Madankollu, l-opinjoni taʼ xi meteorologi hi li dawn il-perijodi taʼ sħana tremenda x’aktarx se jsiru fenomeni iktar komuni fis-snin li ġejjin—possibbiltà inkwetanti meta tqis li s-sħana tremenda tas-sajf li għadda hi stmata li kkaġunat il-mewt taʼ kważi 15,000 ruħ fi Franza.
Il-Familja Taljana Qed Tinbidel
Mill-1995 sa l-2001, in-numru taʼ koppji mhux miżżewġin li jgħixu flimkien fl-Italja kważi rdoppja, in-numru taʼ dawk li qed jiżżewġu naqas, u n-numru taʼ nies li jgħixu waħedhom żdied. Dawn il-kalkoli, pubblikati fil-gazzetta La Repubblica, huma bbażati fuq informazzjoni miġbura mill-Istitut Nazzjonali taʼ l-Istatistiċi Taljan (ISTAT). Matul l-istess perijodu, id-daqs medju tal-familja niżel għal 2.6 membri biss. Skond l-ISTAT, ħafna koppji qed jagħżlu li jgħixu flimkien mingħajr ma jiżżewġu għal “perijodi taʼ prova” bil-ħsieb li forsi jiżżewġu fil-futur.
Problemi Konnessi mal-Ħxuna Żejda
Il-ħxuna żejda qed tiżdied fl-Amerika. Skond statistiċi miċ-Ċentri Amerikani għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard, in-numru taʼ Amerikani adulti li huma ħoxnin iżżejjed żdied minn 12.5 fil-mija mill-popolazzjoni fl-1991 għal 20 fil-mija fl-2003. Din iż-żjieda effettwat għadd taʼ kumpaniji tan-negozju. “Bħall-kumpaniji taʼ l-ajru, li f’Mejju [2003] ġew imwissijin li l-passiġġieri issa huma itqal milli kienu qabel, u talbuhom jaġġustaw il-kalkoli tal-piż biex jaddattaw għal din is-sitwazzjoni, l-industrija tal-funerali qed tibdel l-armar tagħha sabiex takkomoda lill-Amerikani peress li dawn qed ikunu eħxen,” tgħid The New York Times. Filwaqt li t-tebut normali huwa wiesaʼ 61 ċentimetru, issa hemm twiebet li huma wesgħin sa 124 ċentimetru u b’saħħithom iktar. “Il-kmamar mortwarji, l-oqbra, il-karozzi tal-mejtin, u saħansitra l-gafef li jintużaw fiċ-ċimiterji biex iħaffru l-oqbra” wkoll kellhom jitkabbru fid-daqs. “In-nies qed jiżdiedu fil-piż f’ħajjithom u qed imutu iktar ħoxnin, u l-kumpaniji jridu jaddattaw għas-sitwazzjoni,” jgħid Allen Steadham, direttur esekuttiv t’aġenzija li tippromwovi d-drittijiet u l-bżonnijiet tal-ħoxnin.
Il-Qassisin Kattoliċi u l-Għarfien Bibliku
“Kemm jafuha l-Bibbja l-qassisin?” Din il-mistoqsija qajjimha Andrea Fontana, li hu stess hu qassis u direttur taʼ l-Uffiċċju Djoċesan għal Katekiżmu f’Turin. F’artiklu fil-gazzetta Kattolika Taljana Avvenire, Fontana qal li l-mistoqsija ġietu f’moħħu meta “mar [fuqu] lajk biex jistaqsi jekk id-djoċesi kellhiex xi korsijiet fuq il-Bibbja.” Fil-parroċċa taʼ dan il-lajk, “l-Iskrittura Mqaddsa qatt ma kienet tissemma.” Bi tweġiba Fontana kiteb: “Fir-realtà, wara l-korsijiet li [l-qassisin] jattendu fis-seminarju, b’dispjaċir, ftit huma dawk li jkomplu jistudjaw il-Bibbja. . . . Spiss, il-priedki taʼ nhar taʼ Ħadd huma l-uniku mument li fih ħafna mill-fidili jkollhom l-opportunità jisimgħu xi ħaġa dwar ir-rakkont Bibliku u jersqu qrib lejh.” Il-lajk qal li “hu kien assoċja max-Xhieda taʼ Jehovah biex jitgħallem iżjed.”
“Il-Baħar il-Mejjet Qed Imut”
“Il-Baħar il-Mejjet qed imut, u proġett kbir taʼ inġinerija biss jistaʼ jsalvah,” jgħid rapport taʼ l-Associated Press. Il-Baħar il-Mejjet—imsejjaħ hekk peress li l-ammont għoli taʼ melħ li għandu jagħmilha impossibbli għall-ħlejjaq tal-baħar biex jgħixu fih—hu l-iktar medda taʼ ilma baxx fid-dinja, 400 metru taħt il-livell tal-baħar. “Għal eluf taʼ snin, il-bilanċ [bejn l-evaporazzjoni għolja u l-ilma li jidħol fih] kien jinżamm mix-Xmara Ġordan, l-uniku sors taʼ ilma għall-Baħar il-Mejjet,” jgħid l-artiklu. “Madankollu, fi snin reċenti, kemm l-Iżrael u kemm il-Ġordan kienu qed jieħdu l-ilma mix-xmara biex isaqqu għelieqi kbar t’agrikultura maʼ ġenb ix-xmara dejqa li tifred iż-żewġ pajjiżi. Minħabba f’hekk dawn qed jisirqu l-Baħar il-Mejjet mill-ilma li jpatti għall-evaporazzjoni.” Skond studju li sar f’Iżrael, jekk ma jsir xejn, il-livell taʼ ilma se jkompli jonqos b’metru fis-sena, u dan se jikkaġuna konsegwenzi ħżiena ħafna għall-art taʼ madwar, inkluż l-annimali u l-veġitazzjoni salvaġġa. Nixfa taʼ ħames snin diġà qed iżżid mal-problemi tal-Baħar il-Mejjet.