LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g04 6/8 pp. 16-18
  • Mawra sal-Gżira tal-Ħġieġ

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Mawra sal-Gżira tal-Ħġieġ
  • Stenbaħ!—2004
  • Sottitli
  • Għala Magħruf?
  • Fran u Ħwienet tal-​Wirja
Stenbaħ!—2004
g04 6/8 pp. 16-18

Mawra sal-​Gżira tal-​Ħġieġ

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-​ITALJA

ĦADDIEM tas-​sengħa bl-​esperjenza jdaħħal il-​kanna rqiqa, li jonfoħ fiha, ġo fetħa żgħira fil-​ġenb taʼ forn jaħraq nar. Joħroġ balla ħġieġ imdewweb li tikwi u tiddi bħax-​xemx nieżla. Ħajta rqiqa tixgħel fl-​oranġjo tidher bejn il-​forn u l-​kanna u tisparixxi malajr. Il-​ħaddiem idawwar dan il-​ħġieġ imdewweb fuq mejda tal-​ħadid u l-​isfera issir ċilindru. B’nifs qasir fil-​kanna hu jġiegħel lill-​balla tintefaħ, imbagħad jerġaʼ jdawwarha, jgħolliha, jeżaminaha, u jerġaʼ jdaħħalha fin-​nar.

Ninsabu f’Murano, gżira żgħira fil-​Laguna taʼ Venezja, l-​Italja. Din il-​gżira hi magħrufa għall-​manifattura tal-​ħġieġ. Fil-​fatt, il-​manifattura tal-​ħġieġ ilha ssir f’dan il-​post għal iktar minn 1,000 sena. Il-​fdalijiet taʼ fabbrika tal-​ħġieġ f’Torcello, gżira fil-​qrib fl-​istess laguna, imorru lura għas-​sebaʼ seklu E.K. Madankollu, l-​ewwel evidenza tal-​manifattura tal-​ħġieġ ġewwa Venezja tinsab f’kuntratt bid-​data tad-​982 E.K., li xehed għalih xi ħadd li kien jismu “Duminku l-​manifattur tal-​ħġieġ.”

Sa l-​1224, il-​manifatturi Venezjani tal-​ħġieġ kellhom l-​assoċjazzjoni tagħhom. Fl-​1291 il-​Konċilju l-​Kbir taʼ Venezja ordna li jitneħħew mill-​belt il-​fran kollha li fihom kien isir il-​ħġieġ, forsi għal raġunijiet taʼ sigurtà. Ħafna minnhom ittieħdu lejn Murano, inqas minn kilometru ’l bogħod fuq in-​naħa l-​oħra tal-​laguna, fejn għadhom sa llum.

Għala Magħruf?

Ladarba l-​ħġieġ ilu jsir minn żmien żemżem f’ħafna partijiet tad-​dinja, għala huwa l-​ħġieġ taʼ Murano, il-​ħġieġ Venezjan, daqshekk speċjali? Hemm min jaħseb li l-​ħaddiema tas-​sengħa tal-​lokal irnexxielhom jirfinaw din l-​arti għal grad għoli ħafna minħabba l-​kuntatt frekwenti li Venezja kellha maʼ reġjuni oħra li kellhom tradizzjonijiet antiki taʼ kif jonfħu l-​ħġieġ, bħall-​Eġittu, il-​Feniċja, is-​Sirja, u Korintu Biżantin. Tabilħaqq, il-​metodi u l-​prodotti taʼ l-​iktar fabbriki antiki magħrufa ġo Venezja donnhom jindikaw li ħadu ħafna mis-​sengħa tagħhom mill-​fabbriki taʼ l-​Orjent. Il-​metodi użati f’Murano għollew il-​livell fil-​manifattura tal-​ħġieġ tal-​gżira, livell li wisq probabbli qatt ma ntlaħaq f’ċentri oħrajn fl-​Ewropa.

Fl-Ewropa tas-​sekli 13 u 14, Venezja kienet “l-​uniku ċentru tal-​manifattura tal-​ħġieġ li kien kapaċi jipprovdi ‘xogħlijiet taʼ l-​arti’ permezz taʼ ħġieġ minfuħ,” jgħid il-​ktieb Glass in Murano (Il-Ħġieġ f’Murano). Il-​prodotti Venezjani ġew esportati maʼ kullimkien—lejn il-​lvant tal-​Mediterran u l-​Ewropa tat-​Tramuntana. Fl-​1399, ir-​Re Rikkardu II taʼ l-​Ingilterra ħalla lil żewġ xwieni Venezjani ankrati fil-​port taʼ Londra jbigħu l-​affarijiet tal-​ħġieġ. Fl-​istess żmien, il-​ħġieġ Venezjan kien parti importanti mill-​proprjetà tan-​nobbli Franċiżi. Maż-​żmien, Murano sar magħruf, fost affarijiet oħra, għall-​mirja, il-​gandlieri, l-​oġġetti kuluriti, id-​dekorazzjonijiet tad-​deheb u l-​enamel, il-​kristall, il-​ġawhar artifiċjali, il-​kalċijiet bis-​sieq elaborati, u l-​oġġetti b’disinni mill-​isbaħ.

Venezja, minħabba li riedet tipproteġi s-​sigrieti tagħha, għamlet minn kollox biex ma tħallix li jkun hemm min jikkompeti magħha fil-​kwalità għolja tal-​manifattura tal-​ħġieġ. Sa minn kmieni fis-​seklu 13, il-​ħaddiema fil-​manifattura tal-​ħġieġ ma kinux jitħallew imorru jgħixu xi mkien ieħor. Il-​miżuri taʼ protezzjoni saru iktar ħorox, u dawk biss li kienu ċittadini Venezjani għalkollox tħallew jaħdmu fil-​manifattura tal-​ħġieġ jew bħala apprendisti. Kien hemm żmien meta l-​ħaddiema f’din il-​manifattura kienu jaħarbu lejn reġjun ieħor. Jekk kienu jinqabdu, minbarra ħames snin jaqdfu fuq ix-​xwieni b’saqajhom marbutin fil-​ktajjen kienu wkoll jingħataw sentenzi kbar.

Xorta waħda, il-​ħaddiema tal-​manifattura tal-​ħġieġ emigraw b’mod illegali f’postijiet madwar l-​Italja u l-​Ewropa u bdew jikkompetu maʼ Murano billi pproduċew l-​istess oġġetti u użaw l-​istess metodi. F’ħafna każijiet hu kważi impossibbli li tagħraf il-​prodotti tagħhom—li saru magħrufa bħala à la façon de Venise, jew stil Venezjan—minn dawk li jsiru f’Murano.

L-artiġjanat Venezjan laħaq il-​quċċata tiegħu fis-​sekli 15 u 16. Minħabba l-​forom kreattivi tiegħu taʼ kristall mill-​isbaħ minfuħ, enamel miżbugħ, lattimo matt (ħġieġ kulur il-​ħalib), u reticello (ħġieġ qisu rrakkmat)—biex insemmu biss ftit mill-​ispeċjalitajiet—Murano ddomina s-​suq u kien jimla l-​imwejjed tar-​rejiet.

Wieħed studjuż taʼ l-​istorja taʼ l-​arti tal-​ħġieġ jgħid li f’dak iż-​żmien, “min kien jivvjaġġa u kellu l-​kurżità, malli jasal f’din il-​laguna waqt iż-​żmien li l-​fran kienu jkunu qed jaħdmu, ma kienx jitlef l-​opportunità li jżurhom.” Lanqas aħna ma rridu nitilfu l-​opportunità li nżuruhom. Allura dal-għodu se nirkbu vaporetto, vapur li jipprovdi t-​trasport fuq il-​kanal, mill-​Kanal il-​Kbir għal Murano. Asal wasla magħna.

Fran u Ħwienet tal-​Wirja

Malli ninżlu minn fuq il-​vaporetto fl-​ewwel waqfa ġo Murano, in-​nies jidderiġuna lejn l-​eqreb fabbriki tal-​ħġieġ, fejn nistgħu naraw turija b’xejn taʼ l-​arti tal-​manifattura tal-​ħġieġ. Aħna nosservaw ħaddiem tas-​sengħa li qed jonfoħ ballun tal-​ħġieġ imdewweb u jbandlu biex jifforma bużżieqa twila f’tarf il-​kanna tiegħu. Imbagħad, bl-​esperjenza kollha, juża pinzetti u mqass biex jiġbed u joqros il-​balla bla forma u jġibha forma taʼ ras, saqajn, u denb taʼ żiemel qed jiġri.

Malli nitilqu mill-​ewwel fabbrika, aħna nippassiġġaw għall-​kwiet mar-​Rio dei vetrai, il-​kanal taʼ dawk li jaħdmu l-​ħġieġ, fejn, bħal ħafna partijiet taʼ Venezja, l-​uniku traffiku li ssib hu fuq il-​bankini u fl-​ilma. Hawnhekk nirrealizzaw li Murano fiha għadd kbir taʼ ħwienet fejn isir u jinbiegħ ix-​xogħol. Xi wħud taralhom affarijiet eleganti u taʼ kwalità—settijiet tat-​te, lampi bis-​saqajn, u skulturi kbar u solidi—li żgur kienu jeħtieġu sengħa kbira u ħafna attenzjoni biex saru. Oħrajn joffru oġġetti li huma irħas, minn żibeġ sa vażuni u pożakarti kollhom kuluri. Ħafna minnhom huma verament sbieħ. Kollha saru bl-​idejn.

Nibqgħu affaxxinati meta naraw kif saru diversi oġġetti. Il-​ħġieġ taʼ Murano—70 fil-​mija ramel u 30 fil-​mija soder, ġir, nitrat, u arseniku —ikun likwidu f’temperatura taʼ 1,400 grad Celsius u jibbies f’temperatura taʼ 500 grad Celsius. Fit-​temperatura ideali bejn dawn it-​tnejn, il-​ħġieġ ikun artab u jistaʼ jinħadem. Għalhekk, biex jonfħu jew jifformaw biċċa ħġieġ hemm bżonn li terġaʼ tintefaʼ fil-​forn kull ċertu ħin ħalli terġaʼ ssir flessibbli. Il-​ħaddiema jpoġġu fuq bankijiet li jkollhom poġġamani mimdudin, li fuqhom ikunu jistgħu jistrieħu u jdawru l-​kanen tagħhom. Hekk kif idawruhom b’id waħda, bl-​oħra jżommu għodda jew forma taʼ l-​injam mgħaddsa fl-​ilma, li tissejjaħ pearwood (Pyrus commun) u li tiflaħ għas-​sħana b’mod partikulari, sabiex jifformaw il-​balla tal-​ħġieġ.

Aħna nosservaw lill-​ħaddiem tas-​sengħa jonfoħ bużżieqa bil-​forom taʼ linji mmewġa, l-​assistent jaqtagħlu tarf mill-​bużżieqa tal-​ħġieġ, u mbagħad idawwar il-​kanna tiegħu fuqha nfisha sabiex il-​bużżieqa tinfetaħ, bħal fjura li tkun qed tiftaħ. Hu jkompli jsaħħanha u jifformaha waqt li jkompli joqros it-​tarf biex sa fl-​aħħar jibdel il-​balla f’lampa forma taʼ ġilju ħalli ssir parti minn gandlier.

Biex iżid il-​kulur fil-​forma tal-​ħġieġ trasparenti, il-​ħaddiem iroxx fuqha trab tal-​kulur li jeħel. Disinni taʼ fjuri jinkisbu billi jintuża l-​metodu li jissejjaħ murrine—li jinvolvi ż-​żjieda taʼ biċċiet minn stikek tal-​ħġieġ imħejjija li jkun fihom disinni kuluriti. Biċċa ħġieġ forma taʼ ċilindru tistaʼ tiddawwar b’tali mod li tkopri l-​wiċċ tagħha stess bi stikek tal-​ħġieġ jew sezzjonijiet taʼ stikek tal-​ħġieġ imqegħdin parallel fuq platt tal-​metall. Meta jerġaʼ jitfagħha fil-​forn, dawn l-​istikek—kollhom kuluri, forma taʼ rakkmu, jew forma taʼ garigor—jeħlu u jsiru parti mill-​forma kollha, li mbagħad tistaʼ tintefaħ f’forma taʼ vażun, lampa, jew kwalunkwe forma oħra li jkun jixtieq. Biċċiet ħoxnin b’diversi saffi taʼ ħġieġ kulurit jew trasparenti jsiru billi jbillu l-​oġġett f’kontenituri differenti taʼ ħġieġ imdewweb.

Tabilħaqq, kull oġġett donnu li għandu storja u teknika speċjali biex sar. Grazzi għat-​tradizzjonijiet tagħhom li ilhom minn żmien żemżem, il-​manifatturi tal-​ħġieġ tal-​gżira storika taʼ Venezja jistgħu jużaw in-​nar biex jifformaw ir-​ramel fi kreazzjonijiet meraviljużi u brillanti.

[Stampa f’paġna 16]

Ir-​Rio dei vetrai, Murano, l-​Italja

[Stampa f’paġna 17]

It-​“Tazza Barovier” tas-​seklu 15

[Stampa f’paġna 17]

Kalċi tas-​seklu 16 imnaqqax ġo forom qishom djamant

[Stampi f’paġna 18]

1. Il-​fetħa tal-​forn

2. Il-​ħaddiem tas-​sengħa jifforma balla ħġieġ

3. Il-​ħġieġ jerġaʼ jissaħħan biex jerġaʼ jsir flessibbli

4. Il-​ħaddiem tas-​sengħa juża l-​pinzetti u l-​imqass biex jagħmel is-​saqajn liż-​żiemel li qed jiġri

5. L-​oġġett lest

[Sors]

Photos courtesy http://philip.greenspun.com

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja