‘Mimli Veritajiet Prezzjużi’
Id-direttur taʼ ospizju, dar għan-nies morda bla tama taʼ fejqan, f’Illinois, l-Istati Uniti, hekk iddeskrivieh il-browxer Meta Xi Ħadd Li Tħobb Imut. Waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah bagħtitlu dan il-browxer u kopja tar-rivista Stenbaħ!, għax waqt li kienet qed taqra dik il-ħarġa taʼ Stenbaħ! tgħallmet kemm is-suwiċidju kellu rata għolja fost dawk imdaħħlin fiż-żmien. Meta d-direttur taʼ l-ospizju rċieva l-letteratura, hu wieġeb mill-ewwel.
Wara li d-direttur taʼ l-ospizju ra li l-browxer Meta Xi Ħadd Li Tħobb Imut kien mimli b’veritajiet prezzjużi, hu kiteb: “Inkun kuntent li kieku nagħtih . . . lill-familji li jistgħu jkunu mfarrġin bl-għerf prattiku u r-referenzi u d-diskussjonijiet Bibliċi li fih.”
Ix-Xhud mill-ewwel ċemplet lid-direttur u għamlet appuntament biex iżżuru personalment. Id-direttur talab 20 kopja tal-browxer u staqsa biex xi ħadd iżur l-ospizju kull xahrejn jew tlieta sabiex jagħtih iktar kopji taʼ dan il-browxer.
Forsi int jew xi ħadd li taf jistaʼ wkoll jirċievi faraġ jekk jaqra dan il-browxer taʼ 32 paġna. Tistaʼ titlob kopja billi timla l-kupun t’hawnhekk u tibagħtu fl-indirizz muri fuq il-kupun jew f’indirizz addattat imniżżel f’paġna 5 taʼ din ir-rivista.
□ Mingħajr ebda rbit nitlob kopja tal-browxer Meta Xi Ħadd Li Tħobb Imut.
□ Jekk jogħġobkom ikkuntattjawni rigward studju tal-Bibbja fid-dar bla ħlas.