LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g04 3/8 pp. 28-29
  • Ħarsa Lejn id-Dinja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħarsa Lejn id-Dinja
  • Stenbaħ!—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Feriti Magħluqin b’Żipp
  • Is-​Sapun Isalva l-​Ħajjiet
  • L-​Attendenza Tkompli Tonqos fil-​Knejjes tal-​Kanada
  • Il-​Kaġun taʼ Riħ
  • L-​Ispeċi taʼ l-​Oċeani Qed Jisparixxu
  • Jibqaʼ Jintuża l-​Latin
  • Spjegazzjonijiet Mhux Mifhuma
  • Insetti Esperti fit-Tneħħija taʼ l-Iskart
    Stenbaħ!—2002
  • Armata Qed Timmarċja!
    Stenbaħ!—2003
  • In-Nemel Kif Jevita li Jeħel fit-Traffiku?
    Ġie Disinjat?
Stenbaħ!—2004
g04 3/8 pp. 28-29

Ħarsa Lejn id-​Dinja

Feriti Magħluqin b’Żipp

Huwa aħjar li tagħlaq il-​feriti b’żipp mediku milli bil-​punti kif isir is-​soltu, tirrapporta l-​Frankfurter Allgemeine Zeitung. “Faxxa tal-​kirurġija biż-​żipp tistaʼ titwaħħal, l-​istess bħal stikk normali. Il-​faxxa, bis-​snien taż-​żipp, titwaħħal maż-​żewġt itruf tal-​ferita u mbagħad tingħalaq l-​istess bħalma jingħalaq iż-​żipp tal-​ħwejjeġ.” Studju li sar fil-​Klinika taʼ l-​Università taʼ Göttingen, il-​Ġermanja, qabbel żewġ gruppi taʼ pazjenti li neħħew tumur fil-​ġilda permezz taʼ operazzjoni. Iż-​żewġ gruppi kellhom is-​saffi taʼ taħt il-​ġilda magħluqin bil-​punti bħas-​soltu. Imma s-​saffi taʼ fuq tal-​ġilda taʼ grupp minnhom għalquhom biż-​żipp mediku, waqt li tal-​grupp l-​ieħor għalquhom bil-​punti bħas-​soltu. Il-​feriti li ngħalqu biż-​żipp ħallew marki ħafna iżgħar u ħallew inqas marki qishom “sellum.”

Is-​Sapun Isalva l-​Ħajjiet

Miljun persuna fis-​sena tistaʼ ssalva ħajjitha jekk sempliċement taħsel idejha bis-​sapun għaliex dan jistaʼ jgħin lin-​nies jevitaw il-​mard li jikkaġuna d-​dijarea, skond Val Curtis, li tgħallem fl-​Iskola taʼ l-​Iġjene u l-​Mediċina Tropikali taʼ Londra. Fil-​Forum taʼ l-​Ilma tat-​Tielet Dinja, li sar f’Kyoto, il-​Ġappun, Curtis iddeskriviet l-​affarijiet li jikkaġunaw il-​mard fil-​ħmieġ tal-​bniedem bħala “għadu primarju tal-​pubbliku,” tirrapporta The Daily Yomiuri. Il-​gazzetta tinnota li “f’ċerti komunitajiet . . . hija xi ħaġa komuni li n-​nisa jaħslu lit-​tfal wara li dawn ikunu għamlu tojlit u mbagħad iħejju l-​ikel mingħajr ma jaħslu idejhom stess.” Jekk dak li jkun jaħsel idejh bis-​sapun u l-​ilma jistaʼ jevita li jinfirxu virus u mikrobi li joqtlu. U skond Curtis, f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, it-​tnaqqis tar-​riskju tal-​mard tad-​dijarea permezz tal-​ħasil taʼ l-​idejn bis-​sapun jiswa tliet darbiet inqas flus minn kemm jiswa t-​titjib fil-​kwalità taʼ l-​ilma.

L-​Attendenza Tkompli Tonqos fil-​Knejjes tal-​Kanada

Il-​kittieb Franċiż Kanadiż Yann Martel f’intervista mal-​Publishers Weekly qal li fil-​Kanada, l-​indifferenza lejn ir-​reliġjon hija dominanti. Iktar minn hekk, rapport f’The New York Times jgħid li f’Montreal, “l-​attendenza fil-​knejjes tant qed tonqos bil-​ħeffa li f’dawn l-​aħħar tliet snin għallinqas 18-il knisja għalqu u ġew abbandunati jew mibdula f’bini bl-​appartamenti u knisja minnhom saħansitra ġiet mibdula f’pizzerija.” Skond Marguerite Van Die, professoressa tat-​teoloġija fl-​Università tar-​Reġina f’Kingston, Ontario, “din hija soċjetà li fiha r-​reliġjon m’għadhiex teffettwa l-​kultura.”

Il-​Kaġun taʼ Riħ

Jgħidu li, “Jekk tmur fil-​kesħa jaqbdek riħ.” Madankollu, “għal iktar minn seklu sħiħ, ix-​xjenzati investew ammont enormi taʼ ħin u enerġija biex jipprovaw igiddbu dan l-​għajdut antik,” tirrapporta The New York Times. “Imma minkejja l-​isforzi tagħhom, ir-​rabta bejn l-​irjiħat u t-​temp għadha tippersisti u tkompli tinkuraġġixxi iktar riċerka.” Minn meta beda Louis Pasteur, fl-​1878, saru eluf taʼ esperimenti biex jiddeterminaw liema effett, jekk hemm xi effett, tħalli l-​kesħa fuq il-​ġisem sabiex dak li jkun jieħu riħ. Mhix ħaġa taʼ l-​iskantament li r-​riċerkaturi għadhom m’humiex ċerti mit-​tweġiba. Dr. Jack Gwaltney, Jr., wieħed mill-​iktar esperti taʼ l-​irjiħat magħruf fid-​dinja, jissuġġerixxi li l-​kaġun taʼ l-​irjiħat iktar hu l-​umdità milli t-​temperatura. Fl-​aħħar mill-​aħħar, “ir-​riħ huwa taħlita komplikata taʼ mard komuni—mhux taʼ marda waħda biss, imma taʼ ħafna li jixtiebhu, u lkoll kemm huma jseħħu f’ċiklu bħala reazzjoni għat-​temp b’modi li għadna ma nistgħux nifhmuhom,” tgħid it-​Times.

L-​Ispeċi taʼ l-​Oċeani Qed Jisparixxu

L-​oċean globali m’għadux post taʼ skoperti u esplorazzjoni b’popolazzjonijiet enormi taʼ ħut li ma jinqabadx, skond il-​bijoloġi tal-​baħar Dr. Ransom Myers taʼ l-​Università Dalhousie f’Halifax u Dr. Boris Worm taʼ l-​Istitut tax-​Xjenza Marina f’Kiel, il-​Ġermanja. Huma jgħidu li l-​ispeċi taʼ l-​oċeani, waħda wara l-​oħra, qed jispiċċaw estinti, fenomenu kaġunat mill-​avanzi fit-​teknoloġija tas-​sonar u tas-​satelliti li jintużaw mid-​dgħajjes tas-​sajd biex jinstab il-​ħut fl-​ibħra. Kif rapportat f’The Globe and Mail taʼ Toronto, “kull speċi taʼ ħuta salvaġġa kbira tant inqabdet b’mod sistematiku f’dawn l-​aħħar 50 sena li 90 fil-​mija minn kull tip sparixxew.” Dr. Myers jemmen li t-​telfa taʼ dan il-​ħut, kif ukoll taʼ dak li jinbiegħ l-​iktar għall-​ikel, bħat-​tonn, il-​merluzz, il-​ħalibatt, il-​marlin, u l-​pixxispad, se jeffettwaw bil-​kbir l-​ekosistema taʼ l-​oċean globali. Dr. Worm iżid: “Qed inbagħbsu s-​sistema li tappoġġa l-​ħajja tal-​pjaneta u din m’hijiex ħaġa għaqlija.”

Jibqaʼ Jintuża l-​Latin

Għalkemm ħafna jikkunsidraw il-​Latin bħala lingwa li m’għadhiex tintuża, il-​Vatikan qed jagħmel minn kollox biex jibqaʼ jużah u jżommu aġġornat. Għala? Għaliex għalkemm fil-​Vatikan jintuża t-​Taljan, il-​Latin huwa l-​lingwa uffiċjali tiegħu u għadu jintuża fl-​enċikliki u f’dokumenti oħra. Il-​Latin beda jintuża ħafna inqas lura fis-​snin 70 wara li ħareġ id-​digriet li l-​Quddiesa setgħet tibda ssir bil-​lingwi tal-​lokal. Kien f’dan iż-​żmien li l-​Papa Pawlu VI waqqaf il-​Fondazzjoni Latina biex tibqaʼ tintuża l-​lingwa. Pass wieħed li ttieħed kien l-​ippubblikar taʼ dizzjunarju Latin-Taljan f’żewġ volumi separati, li minnu nbigħu l-​kopji kollha. Issa ġiet pubblikata edizzjoni taʼ tnejn f’wieħed, li tinbiegħ għal xi Lm50. Fiha xi 15,000 terminu bil-​Latin modern, bħal “escariorum lavator” (dishwasher). Volum ġdid “huwa mistenni li joħroġ xi sentejn jew tliet snin oħra,” tgħid The New York Times. Ħafna mill-​kliem li se jiġi miżjud se jkun “mill-​qasam tal-​kompjuters u l-​informazzjoni.”

Spjegazzjonijiet Mhux Mifhuma

“Il-​pazjenti jinsew sa 80 fil-​mija minn dak li jgħidilhom it-​tabib meta jkunu l-​isptar, u kważi nofs dak li jiftakru jkun żbaljat,” jirrapporta l-​bullettin tax-​xjenza wissenschaft.de, meta rrapporta dwar studju li sar f’diversi pajjiżi. Skond Roy Kessels, riċerkatur fl-​Università Utrecht fl-​Olanda, ir-​raġunijiet prinċipali għan-​nuqqas tal-​memorja huma l-​età avanzata, l-​opinjonijiet żbaljati, l-​istress, u minħabba li ma jkunux raw l-​ispjegazzjoni taʼ dak li jingħad. Biex jgħinu lill-​pazjenti jiftakru informazzjoni vitali, it-​tobba jingħataw il-​parir li jitkellmu ċar u ma jużawx kliem komplikat, u l-​ewwel li għandhom isemmu hi l-​iktar informazzjoni importanti, u jużaw l-​istampi bħar-​ritratti taʼ l-​eksrejs biex jgħinuhom jifhmu.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja